Fl-istorja
tal-Knisja Kattolika nsibu perjodi ta’ taqlib u taħwid, perjodi fejn kien hemm
nuqqas ta’ qbil bejn dawk li jmexxu għax wara kollox din hija istituzzjoni
magħmula mill-bnedmin u fejn ikun hemm il-bniedem tistenna li xi darba jew oħra
jkun hemm xi nuqqas ta’ qbil. Wieħed minn dawn il-perjodi huwa dak meta l-papa
ġie meħud mill-belt ta’ Ruma għal ġewwa l-belt Franċiża ta’ Avignon. Dan seħħ
bejn is-snin 1309 u l-1377. Ġieli nirreferu għal dan il-perjodu bħala l-Papat
ta’ Avignon jew inkellla il-Kattività ta’ Avignon, iżda din il-kelma aktarx
tpinġilna ġo moħħna xi forma ta’ jasar li fil-verità ma kienx jieżisti.
Forsi jkun hawn
min jgħid: X’differenza tagħmel jekk il-Knisja Kattolika titmexxa minn Ruma jew
minn xi post ieħor? Tabilħaqq li l-Knisja tista’ titmexxa minn kull belt, iżda
rridu niftakru li l-papa, il-mexxej tal-Knisja, huwa wkoll l-isqof ta’ Ruma u
għalhekk id-djoċesi ta’ Ruma ma tistax titmexxa minn isqof li jkun jgħix madwar
elf kilometru bogħod minnha. Anke llum, żmien ta’ teknoloġija u informatika, ma
tkunx ħaġa prattika aħseb u ara seba’ mitt sena ilu.
Avignon
Il-Papazz tal-papa f'Avignon |
Il-belt ta’
Avignon tinsab fir-reġjun ta’ Provenza fi Franza. Dan ir-reġjun jinstab
fix-Xlokk tal-pajjiż max-xatt tal-Baħar Mediterran. Din ix-xaqliba tal-pajjiż
kienet abitata minn qabel żmien ir-Rumani, fil-fatt l-isem ġej mill-Grieg u
biż-żmien sar dak li nużaw illum: Avignon. Bħall-bliet antiki kollha, din
inbniet qrib tal-ilma. Avignon hija mibnija fuq ix-xatt tax-xmara Rhone. Għal
xi żmien din il-belt kienet tagħmel parti mill-Istat tal-Papa. Kien il-Papa
Klement VI li xtara l-belt mingħand ir-Reġina Ġovanna I ta’ Napli. Din ġiet
meħuda minn idejn il-Knisja fl-1791. Ir-Revoluzzjoni Franċiża ħakmet lil din
il-belt u seħbitha mar-Repubblika ta’ Franza. Illum bosta jżuru Avignon biex
jaraw minn fejt tmexxiet il-Knisja għal madwar sebgħin sena, u mhux għalhekk
biss, hemm x’wieħed jara wkoll, imma l-palazz tal-papa, minkejja li huwa vojt,
huwa l-attrazzjoni prinċipali tal-post.
Trasferiment
Il-fatt li
l-papat kien trasferit minn Ruma għal franza beda meta kien hemm nuqqas ta’
qbil bejn il-Papa Bonifaċju VIII u r-Re ta’ Franza Filippu IV, imlaqqam
is-sabiħ. Fl-1296 il-papa kien ħareġ Bolla bl-isem “Clericis laicos” fejn
il-kleru ma kellux iħallas taxxi lill-istat mingħajr permess tal-papa. Ir-Re
Filippu xejn ma ħa gost b’din il-ħaġa u ma tax kaz tal-Bolla papali. Bonifaċju
ħareġ Bolla oħra, “Ausculta Fili” fl-1301. Din kienet tafferma il-poteri
terreni tal-papa. Il-lotta bejn ir-re u l-papa kompliet u jkollna ngħidu li
kien hemm xi partijiet fi ħdan il-knisja li qablet mar-re. Fl-1302 Bonifaċju
ħareġ it-tielet Bolla: “Unam Sanctam” fejn iddikjara l-poter tal-papa, kemm dak
spiritwali kif ukoll temporali, fuq id-dinja kollha. Fl-aħħar il-papa ċeda u
ħalla l-kleru Franċiż iħallas it-taxxa lir-re. Dan ried Filippu, u għalhekk
impona s-setgħa tiegħu fuq l-isqfijiet. It-tilwim bejn Filippu u Bonifaċju
reġa’ beda. Ir-Re akkuża lill-papa b’ħafna akkużi u bagħat nies armati biex
jarrestawh. Il-papa kien jinsab f’Anagni, mhux wisq bogħod minn Ruma. Il-pjan
falla, iżda l-papa miet ftit ġimgħat wara. Il-konklavi għażlu lil Niccolò
Bocassino bħala papa ġdid li ħa l-isem ta’ Benedettu XI. Dan għamel ħiltu biex
dan il-ġlied jieqaf iżda wara ħdax-il xahar kellu jsir konklavi ieħor għax
il-papa miet. Warajh intgħażel il-Franċiż Klement V. Fl-1309 dan mexxa l-kurja
Rumana, u allura t-tmexxija tal-Knisja Universali, għal Avignon għax qal li
Ruma ma kienx hemm sigurtà. Wara kważi tlettax-il
mitt sena, Ruma tilfet ir-rwol tagħha bħala l-kapitali tal-Kristjaneżmu.
Seba’ papiet
Matul dawn is-snin,
il-Knisja kattolika kellha seba’ papiet imexxuha. Klement V miet fl-20 ta’ April
1314. Wara aktar minn sentejn intgħażel il-Franċiż, Ġwanni XXII, li miet fl-1334.
Is-suċċessur tiegħu ġie magħżul ftit jiem wara. Issa l-Knisja kellha l-Franċiż
Benedettu XII, li miet fl-1342. Ftit ġimgħat wara reġa’ ntgħażel Franċiż ieħor
li ħa l-isem ta’ Klement VI, li mexxa l-Knisja għal għaxar snin. Wara mewtu
tela’ fuq it-tron ta’ Pietru Innoċenz VI, li wkoll kien Franċiż. Dan mexxa
l-Knisja għal għaxar snin oħra. Bejn l-1362 u l-1370 l-Knisja tmexxiet
mill-Franċiż Urbanu V. Il-Papa Gregorju XI, Franċiż bħal dawk kollha ta’ qablu
li mexxew minn Avignon, kien l-aħħar papa li mexxa minn din il-belt. Fl-1377
dan ġarr il-Kurja Rumana lejn Ruma. Huwa miet is-sena ta’ wara. Dan ma jfisirx
li l-inkwiet kien intemm, imma l-Kattività ta’ Avignon kienet intemmet.
Mara soda
Ma nistgħux insemmu dan
il-perjodu tal-istorja tal-Kniajsa bla ma nsemmu lil Santa Katerina ta’ Siena.
Din kienet skandalizzata bil-mod ta’ ħajja li kien hemm f’Avignon u baqghet
tinsisti li l-papa jmur lura f’daru, Ruma.
Dawn kienu snin ta’
taqlib fil-Knisja, snin li jagħmlu parti interessanti fl-Istorja tal-Knisja
Kattolika.
Fr Reno Muscat
Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 1 ta' Awwissu 2020
Nessun commento:
Posta un commento