Il-bidu tax-xiżma
Sena wara li Papa
Gregorju reġa’ beda jmexxi l-Knisja minn Ruma, għadda għall-ħajja ta’ dejjem.
Il-kulleġġ kardinalizju kien iddominat minn kardinali Franċiżi. Ma jistax
jonqos wara kważi sebgħin sena ta’ Knisja titmexxa minn Franza u minn seba’
papiet wara xulxin ta’ demm Franċiż. Il-poplu ta’ Ruma nġabar fil-pjazez biex
juri l-fehma tiegħu dwar l-għażla tal-papa, li ma rridux ninsew huwa wkoll
l-isqof ta’ Ruma. Il-poplu beda’ jibża’ li jekk ikun hemm papa Franċiż ieħor
dan jerġa’ jieħu t-tmexxija tal-Knisja f’Avignon u huma jerġgħu jispiċċaw
mingħajr isqof. Il-folol kbar li nġabru bdew jgħajtu għajta waħda: “Romano lo volemo, o almanco italiano” –
Irriduh Ruman jew tal-anqas Taljan.
Konklavi
Fit-8 ta ’April,
1378, il-kardinali ltaqgħu fil-konklavi u eleġġew lin-Naplitan Bartolomeo
Prignano, arċisqof ta’ Bari, għal fuq it-tron ta’ Pietru. Hu ħa l-isem ta’ Urbanu
VI. Bħala persuna dan kien diġà amministratur stmat u rispettat fil-Kanċellerija
Appostolika f’Avignon. Urbanu, bħala papa, wera li huwa sever u ma kienx hemm
ċajt miegħu. Uħud mill-kardinali, b’mod partikolari dawk Franċiżi, inġabru f’Anagni,
fix-Xlokk ta’ Ruma biex jikkonfoffaw kontra l-papa. Xi wħud minnhom ipproponew
ukoll l-arrest u l-bdil tal-papa l-ġdid.
Dawn il-kardinali ħallew Ruma u nġabru fil-belt ta’ Fondi, bejn Ruma u Napli, li ma kinitx tagħmel parti mill-Istat Pontifiċju, imma kienet taqa’ taħt il-ħarsien tal-Konti Onorato I Caetani. Fl-20 ta’ Settembru ta’ dik is-sena, wara ħames xhur biss, il-kardinali “xiżmatiċi” għażlu bħala papa lill-Kardinal Roberto ta’ Ġinevra, li ħa l-isem ta' Klement VII.
Issa l-Knisja
spiċċat b’żewġ papiet u kif ngħidu aħna l-Maltin, vapur b’żewġ kaptani ma
jimxix, aħseb u ara kemm se timxi d-dgħajsa ta’ Pietru!
Lura fi Franza
Papa Urbanu VI |
Klement VII reġa’
ħa t-tmexxija tal-Knisja fil-palazz tal-papa f’Avignon fi Franza. Il-kardinali
li għażluh bdew jgħidu li għamlu dan il-pass li għamlu għaliex fl-għażla
tal-Papa Urbanu, ma kinux liberi fl-għażla tagħhom u beżgħu min-nies li riedu
papa Taljan jekk tal-inqas mhux Ruman. Għandu mnejn din kienet skuża u xejn
aktar, forsi l-fatt li l-Papa Urbanu kien iebes xejn ma ta gost lill-kardinali
Franċiżi u għandu mnejn ukoll li dawn il-kardinali aktar kienu komdi b’papa
f’pajjiżhom u fuq kollox mhux iebes bħal dak ta’ Ruma.
B’żewġ papiet
il-Knisja nqasmet, saret ix-xiżma. Ma nistgħux ngħidu li l-Papa Klement kien xi
użurpa li ħataf il-poter għaliex huwa kien elett minn dawk li kellhom id-dover
li jaħtru mexxej tal-Knisja: il-kardinali. Minkejja li din ma kinitx l-ewwel
darba li l-Knisja kellha papa u antipapa, din kienet l-aktar sitwazzjoni serja
għax it-tnejn li huma bdew jgħidu li huma is-suċċessuri ta’ San Pietru.
Ma min se nżommu?
Minkejja li
l-mezzi ta’ komunikazzjoni kienu limitati, xorta waħda din l-istorja waslet għand
il-kapijiet tal-istati. Forsi ma waslitx għand il-poplu Nisrani, iżda kien
x’kien qajmet taqlib u taħwid kbir. Biex
insemmu biss żewġ qaddisin ngħidu li Santa Katarina ta’ Siena, li sena qabel
kienet rat il-ħolma tagħha sseħħ billi l-papa minn Avignon reġa’ lura lejn
Ruma, żammet lil Papa Urbanu bħala l-kap tal-Knisja Universali, filwaqt li San
Vinċenz Ferreri żamm lill-Papa Klement bħala mexxej. Din kienet mossa politika
li ġabet taħwid kbir anke fost l-aktar nies għorrief u ta’ fama ta’ qdusija.
Il-pajjiżi
Ewropej ukoll kienu maqsumin, min iżomm ma’ papa u min iżomm ma’ papa ieħor.
Biex tinstab soluzzjoni, il-kardinali taż-żewġ papati (issa kienu mietu kemm
Urbanu kif ukoll Klement u kien hemm is-suċċessuri tagħhom) iltaqgħu f’Pisa
fl-1409 u neħħew liż-żewġ papiet u għażlu papa ieħor biex imexxi l-Knisja
kollha. Dan ħa l-isem ta’ Alessandru V. Iżda l-probelma mhux intemmet iżda kibret
għax iż-żewġ papiet l-oħra ma aċċettawx id-deċiżjoni tal-kardinali u l-Knisja
spiċċat bi tliet papiet.
Tmien tax-xiżma
Bejn l-1414 u l-1417 sar il-Konċilju ta’ Kożenza, fil-Ġermanja li dan warrab lill-papiet kollha u ħatar lill-Kardinal Oddone Colonna bħala papa li ħa l-isem ta’ Martinu V. Issa l-papa reġa’ lura lejn is-sede naturali tiegħu, Ruma u ntemmet ix-xiżma hekk imsejħa l-kbira.
Fr Reno Muscat
Nessun commento:
Posta un commento