Visualizzazione post con etichetta kappella sistina. Mostra tutti i post
Visualizzazione post con etichetta kappella sistina. Mostra tutti i post

venerdì 26 novembre 2021

Il-Mużew tal-Vatikan

 

Jekk timxi mas-swar tal-Belt tal-Vatikan, lejn Piazza Risorgimento u tibqa’ sejjer sa Viale Vaticano issib bieb kbir li fuqu hemm miktub Musie Vaticani. Fis-sewwa hawnhekk insibu numru ta’ mużewijiet, wieħed imiss mal-ieħor u meta wieħed jidħol minn dan il-bieb li semmejna jkun jista’ jżur dawn il-mużewijiet kollha.

X’kobor!

L-istatwa ta' Lakonte 
Hawnhekk insibu ġabra ta’ opri artistiċi, waħda mill-ikbar tad-dinja. Din hija ġabra ta’ opri li jew kienu mogħtija lill-Papiet matul is-snin jew opri li kkummissjonaw il-Papiet stess. Il-mużew jaf il-bidu tiegħu fis-seklu XVI. Kien il-Papa Ġulju II (1503 – 1513) li beda dan il-mużew. Nistgħu ngħidu li l-kollezzjoni bdiet billi kienet akkwistata l-iskultura fl-irħam ta’ Lakonte u wliedu. Din l-istatwa kienet instabet fl-14 ta’ Jannar, 1506 qrib il-bażilika ta’ Santa Maria Maggiore, ġewwa Ruma. Il-Papa Ġulju II kien bagħat lil Giuliano da Sangallo u lil Michelangelo Buonarroti sabiex jeżaminaw din is-sejba. Bla telf ta’ żmien il-Papa xtara din l-iskultura mingħand sid l-għalqa li fiha nstabet. Xahar wara kienet għall-wiri fil-Vatikan. Hekk nistgħu ngħidu bdiet din il-ġabra mill-isbaħ li llum tissejjaħ il-muzew tal-Vatikan.

Il-Kappella Sisitna u l-Appartamenti Papali bl-affreski ta’ Raffaello huma żewġ partijiet mill-mużew li dawk li jżuruh ikunu jistgħu jaraw. Dan il-mużew iżuruh madwar ħames miljun ruħ fis-sena u b’ hekk nistgħu ngħidu li jaqbes in-numru ta’ dawk li jżuru l-aktar mużew famuż fl-Italja, jiġifieri dak ta’ Uffizi f’ Firenze.

Każ kurjuż seħħ ftit qabel it-tieni gwerra dinjija. Fit-3 ta’ Mejju tal-1938 Adolf Hitler wasal Ruma fuq stedina tar-Re Vittorio Emanuele III u ta’ Benito Mussulini. Il-Papa Piju XI (1922 – 1939) ma riedx jirċievih, u għalhekk mar għal xi jiem ġewwa l-palazz ta’ Castel Gandolfo. F’ dawk il-jiem kien ukoll stabilit li l-bażilika ta’ San Pietru u  l-mużew tal-Vatikan ikunu magħluqin. B’hekk il-mexxej Ġermaniż ma setax jidħol f’ territorju tal-Vatikan lanqas bl-iskuża li jżur il-mużew.

Rikkezzi

Bosta jistgħaġbu bir-rikkezzi li fih dan il-mużew u xi wħud saħansitra jikkritikaw lill-Knisja Kattolika għax tippossedi daqstant għana. Xi wħud jinsistu li l-Knisja għandha tbigħ minn dawn ir-rikkezzi biex il-flus li jinġabru jitqassmu lill-foqra. Imma tajjeb inkunu nafu li fil-patti tal-lateran tal-1929, li bih twaqqaf l-Istat tal-Belt tal-Vatikan hemm stipultat li s-Santa Sede ma tistax tbiegħ jew tirreġala jew tinnegozja dak kollu li jinstab fil-mużew. Is-Santa Sede tista’ biss tirregola l-ħinijiet u l-jiem tad-dħul fil-mużew u ma tistax tirrifjuta li turisti u studjużi jidħlu jaraw dan il-mużew. Allura nistgħu ngħidu li minkejja li dawn ir-rikkezzi huma fil-Vatikan, imma fil-veru sens tal-kelma il-Knisja Kattolika ma għandha xejn minnhom.

Mhux mużew wieħed

Kif għidna, hawnhekk insibu għadd ta’ mużewijiet fosthom:

Il-Pinoteka Vatikana: Ġabra ta’ pitturi li qabel kienet fl-Appartament Borgia, sakemm il-Papa Piju XI bena post apposta għal din il-kollezjoni. Hawn insibu xogħol ta’ artisti magħrufin bħal Giotto, Leonardo, Raffaello u Caravaggio.

Il-Kollezzjoni ta’ Arti Reliġjuża Moderna: tiġbor fiha xogħolijiet ta’ artisti bħal Francis Bacon, Carlo Carrà, Marc Chagall, Salvador Dalí, Giorgio de Chirico, Felice Mina, Paul Gauguin, Wassily Kandinsky, Henri Matisse u Vincent van Gogh.

Il-Mużew Pio-Clementino inbeda mill-Papa Klement XIV (1769 – 1774) fl-1771. Oriġinarjament kien jiġbor fih opri artisitċi antiki u rinaxximentali. Il-Papa Piju VI (1775 – 1799) kompla jagħnih b’ aktar opri.

Il-Mużew Chiaramonti ħa l-isem tal-papa Piju VII (1800 – 1823) li bdieh fil-bidu tas-seklu XIX. Fih naraw għadd ta’ skultura, sarkofagi. Hemm ukoll il-parti ġdida li fiha skultura ċelebri. Parti mill-mużew fih eluf ta’ lapidi tal-ġebel li jiffurmaw l-ikbar kollezzjoni fid-dinja ta’ dan it-tip.

Il-Mużew Gregorjan Eġizzjan mibdi mill-Papa Girgor XVI (1831 – 1846) li fih ġabra kbira ta’ oġġetti tal-Eġittu tal-qedem. Hawn insibu papiri u mummji. Dan l-istess Papa beda mużew ieħor, dak imsejjaħ Etrusk. Hawn insibu bosta biċċiet taż-żmien l-Etruski li nstabu fi skavi arkeoloġiċi fosthom vażuni, sarkofagi u biċċiet tal-bronż.

Fil-mużew Profan insibu kollezzjoni ta’ sejbiet li saru fi skavi li saru fl-Istati Pontifiċji. Hemm biċċiet ta’ skultura fl-irħam tal-perjodu Grieg li jmorru lura sa tliet sekli qabel Kristu. Hemm ukoll biċċiet ta’ żmien ir-Rumani tal-ewwel jew it-tieni seklu wara Kristu.  

Il-Mużew Pio-Cristiano imwaqqaf minn Papa Piju IX fih bċejjeċ ta’ żmien il-bidu tal-Kristjaneżmu bħal lapidi tal-oqbra, sarkofagi, monumenti u skultua. Hawn insibu l-magħruf Ragħaj it-Tajjeb.

Il-Mużew Missjunarju- Etniku, twaqqaf mill-Papa Piju XI (1922 – 1929) fl-1926 u fih opri ta’ karattru reliġjuż ġejjin minn kull parti tad-dinja. Ħafna minn dawn l-opri huma rigali li jsiru lill-Papiet.

Interessanti ħafna hija l-parti fejn hemm il-karozzelli u l-karozzi li matul is-snin intużaw mill-Papiet. Mhux inqas interessanti hija l-parti fejn insibu l-bolli u l-muniti kollha tal-Istat tal-Belt tal-Vatikan.

Dan kollu jinsab muri f’ palazzi li huma nfishom huma opri, bosta swali b’affreski u pitturi famużi li matul il-medda taż-żmien bnew dan il-mużew hekk għani u hekk kbir li huwa patrimonju tal-umanità kollha.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f''In-Nazzjon - 27 ta' Novembru 2021




sabato 23 febbraio 2013

Pjazza San Pietru


 

Forsi l-iktar pjazza popolari fid-dinja!

Jekk hawn pjazza fid-dinja li fil-jiem u l-ġimgħat li ġejjin sejra tkun taħt għajnejn id-dinja kollha hija l-pjazza li nsibu quddiem il-bażilika ta’ San Pietru fil-Vatikan. Din il-pjazza tilqa’ fiha eluf ta’ nies kull nhar ta’ Ħadd sabiex jingħaqdu mal-Papa fir-reċita tal-Angelus. Dan l-avveniment ikun trasmess fuq għadd ta’ stazzjonijiet televiżivi kattoliċi madwar id-dinja kollha. Barra minn hekk f’ din il-pjazza jsiru l-aktar avvenimenti importanti tal-Knisja Kattolika. Fix-xhur meta t-temp ikun jippermetti, l-udjenza ġenerali ta’ nhar ta’ Erbgħa ssir ukoll hawnhekk. B’ dawn l-attivitajiet kollha ma jistax jonqos li din tkun pjazza tabilħaqq popolari madwar id-dinja kollha. Ftit  ġimgħat oħra din il-pjazza sejra tkun  il-palk fejn se jseħħ avveniment mhux tas-soltu; l-għażla ta' Papa ġdid.

L-arkitett tal-pjazza kien Gian Lorenzo Bernini li ħadem fuqha bejn is-snin 1656 u 1667. Il-ħsieb wara din il-pjazza kien li l-akbar numru ta’ nies ikunu jistgħu jaraw lill-Papa jagħti l-barka kemm jekk ikun fil-loġġa tal-bażilika kif ukoll jekk ikun fit-tieqa tal-appartament tiegħu. Il-pjazza hija mdawra minn kollonnat li jagħtik l-impressjoni li huma par dirgħajn qegħdin iħaddnu l-ġemgħa. Il-pjazza għandha għamla ovali, u b’hekk għandha żewġ ċentrijiet. Il-kolonnat huwa magħmul minn erba’ kolonni wara xulxin. B’ kollox insibu 284 kolonna ta’ stil doriku għoljin 13-il metru. Hemm magħhom 88 pilastru u fuq il-kolonnat hemm 140 statwa ta’ qaddisin għoljin ftit aktar minn 3 metri.

Fin-nofs tal-pjazza hemm il-famuż obelisk. Dan oriġinarjament kien qiegħed fiċ-Ċirku ta’ Neruni. L-obelisk huwa twil kwazi ħamsa u għoxrin metru u nofs. Huwa maħdum minn ġebla waħda, jew aħjar irħama waħda, granit aħmar u jiżen madwar 330 tunellata. Taħtu nsibu bażi għolja tmien merti u kwart. Dan kien inġieb mill-Eġittu madwar is-sena 40 W.K. Meta wasal Ruma kien imwaqqaf f’post fejn wara inbniet il-bażilika mill-Imperatur Kostantinu. Kien jinstab fil-ġenb tal-bażilika. Kien jingħad li fil-ponta tal-obelisk kien hemm urna li fiha kien tpoġġa l-irmied ta’ Ġulju Ċesri. Il-Papa Sistu xtaq li dan l-obelisk ma jibqax fil-ġenb tal-bażilika imma jinġarr lejn nofs il-pjazza ta’ quddiemha. Fil-1586 il-perit Domenico Fontana kien imqabbad ix-xogħol diffiċli li jċaqlaq l-obelisk minn postu. Ix-xogħol tal-ġarr dam sejjer sitt xhur. Għat-tniżżil, il-ġarr u t-twaqqif mill-ġdid tal-obelisk ħadmu 907 ħaddiem, 75 żiemel u 40 parank. Fl-10 ta’ Settembru l-obelisk twaqqaf fejn għadna narawh sal-lum. Jingħad li waqt li l-obelisk kien tiela’ fost skiet taqtgħu b’sikkina, instemgħat tidwi l-għajta “Xarrbu l-ħbula!” Kien ċertu baħri Domenico Bresca li intebaħ li l-ħbula kienu sejrin jinqatgħu minħabba l-piż u jekk jixxarbu kienu jissaħħu.  Fis-26 ta’ dak ix-xahar stess kien imbierek u kkonsagrat. Minnflok l-irmiet tal-Imperatur tpoġġiet relikwa tas-salib ta’ Kristu.

Fil-pjazza nsibu wkoll żewġ funtani tal-ilma. Fl-1490 kienet diġa teżisti funtana quddiem il-bażilika l-qadima. Meta Bernini beda jaħdem fuq il-pjazza sab illi din il-funtana ma kienitx fin-nofs u għalhekk bidlilha postha. Jekk illum tħares lejn il-faċċata tal-Vatikan, din il-funtana tiġi fuq il-lemin tiegħek. Il-funtana l-oħra saret fl-1677 u hija eżatt bħall-oħra għajr li l-ewwel waħda ġġib l-arma tal-Papa Pawlu V u t-tieni waħda ġġib l-arma tal-Papa Klement X

L-art ta’ din il-pjazza hija magħmula minn blokki żgħar ta’ lava li jiffurmaw disinn sabiħ jekk wieħed jaraha mill-għoli. Imdawwar mal-obelisk tan-nofs insibu rħamiet li jiffurmaw warda tar-riħ. Hemm ukoll żewġ irħamiet li juru ċ-ċentri tal-pjazza. Peress li l-pjazza hija ovali allura fiha żewġ ċentrijiet. Meta wieħed imur fuq waħda minn dawn l-irħamiet u jħares lejn il-kolonni li jdawru l-pjazza ma jindunax li hemm erba’ kolonni wara xulxin imma jara biss kolonna waħda. Din hija impressjoni li ried joħloq l-arkitett Bernini fil-bini tal-kolonnat. Irħama oħra li hemm fl-art ta’ din il-pjazza hija dik li turi l-arma tal-Papa Ġwanni Pawlu II u d-data b’ numri Rumani tat-13 ta’ Mejju, 1982. Din tfakkar l-attentat fuq ħajjet il-Papa mit-Tork Ali Agca.

Miljuni ta’ pellegrini u turisti jżuru din il-pjazza kull sena, miljuni kbar oħra jarawha spiss fi djarhom permess tax-xandiriet li jsiru kull nhar ta’ Ħadd jew kull meta jkun hemm xi avveniment speċjali. Ix-xahar ta' Marzu sejjer jara attivitajiet bla għadd iseħħu fiha, sejjer jara eluf kbar ta' kattoliċi jistennew id daħna bajda ħierġa miċ-ċumnija tal-kapella sistina, is-sinjal li jidher biss minn din il-pjazza u li jfisser li d-dgħajsa ta' Pietru għandha tmunier ġdid.




Fr. Reno Muscat OP

In-Nazzjon 21 ta' Frar 2013