Jekk timxi
mas-swar tal-Belt tal-Vatikan, lejn Piazza Risorgimento u tibqa’ sejjer sa
Viale Vaticano issib bieb kbir li fuqu hemm miktub Musie Vaticani. Fis-sewwa
hawnhekk insibu numru ta’ mużewijiet, wieħed imiss mal-ieħor u meta wieħed
jidħol minn dan il-bieb li semmejna jkun jista’ jżur dawn il-mużewijiet kollha.
X’kobor!
L-istatwa ta' Lakonte |
Il-Kappella
Sisitna u l-Appartamenti Papali bl-affreski ta’ Raffaello huma żewġ partijiet
mill-mużew li dawk li jżuruh ikunu jistgħu jaraw. Dan il-mużew iżuruh madwar
ħames miljun ruħ fis-sena u b’ hekk nistgħu ngħidu li jaqbes in-numru ta’ dawk
li jżuru l-aktar mużew famuż fl-Italja, jiġifieri dak ta’ Uffizi f’ Firenze.
Każ kurjuż seħħ ftit
qabel it-tieni gwerra dinjija. Fit-3 ta’ Mejju tal-1938 Adolf Hitler wasal Ruma
fuq stedina tar-Re Vittorio Emanuele III u ta’ Benito Mussulini. Il-Papa Piju
XI (1922 – 1939) ma riedx jirċievih, u għalhekk mar għal xi jiem ġewwa l-palazz
ta’ Castel Gandolfo. F’ dawk il-jiem kien ukoll stabilit li l-bażilika ta’ San
Pietru u l-mużew tal-Vatikan ikunu
magħluqin. B’hekk il-mexxej Ġermaniż ma setax jidħol f’ territorju tal-Vatikan
lanqas bl-iskuża li jżur il-mużew.
Rikkezzi
Bosta jistgħaġbu
bir-rikkezzi li fih dan il-mużew u xi wħud saħansitra jikkritikaw lill-Knisja
Kattolika għax tippossedi daqstant għana. Xi wħud jinsistu li l-Knisja għandha
tbigħ minn dawn ir-rikkezzi biex il-flus li jinġabru jitqassmu lill-foqra. Imma
tajjeb inkunu nafu li fil-patti tal-lateran tal-1929, li bih twaqqaf l-Istat
tal-Belt tal-Vatikan hemm stipultat li s-Santa Sede ma tistax tbiegħ jew
tirreġala jew tinnegozja dak kollu li jinstab fil-mużew. Is-Santa Sede tista’
biss tirregola l-ħinijiet u l-jiem tad-dħul fil-mużew u ma tistax tirrifjuta li
turisti u studjużi jidħlu jaraw dan il-mużew. Allura nistgħu ngħidu li minkejja
li dawn ir-rikkezzi huma fil-Vatikan, imma fil-veru sens tal-kelma il-Knisja
Kattolika ma għandha xejn minnhom.
Mhux mużew
wieħed
Kif għidna,
hawnhekk insibu għadd ta’ mużewijiet fosthom:
Il-Kollezzjoni
ta’ Arti Reliġjuża Moderna: tiġbor fiha xogħolijiet ta’ artisti bħal Francis
Bacon, Carlo Carrà, Marc Chagall, Salvador Dalí, Giorgio de Chirico, Felice
Mina, Paul Gauguin, Wassily Kandinsky, Henri Matisse u Vincent van Gogh.
Il-Mużew
Pio-Clementino inbeda mill-Papa Klement XIV (1769 – 1774) fl-1771.
Oriġinarjament kien jiġbor fih opri artisitċi antiki u rinaxximentali. Il-Papa
Piju VI (1775 – 1799) kompla jagħnih b’ aktar opri.
Il-Mużew
Chiaramonti ħa l-isem tal-papa Piju VII (1800 – 1823) li bdieh fil-bidu
tas-seklu XIX. Fih naraw għadd ta’ skultura, sarkofagi. Hemm ukoll il-parti
ġdida li fiha skultura ċelebri. Parti mill-mużew fih eluf ta’ lapidi tal-ġebel
li jiffurmaw l-ikbar kollezzjoni fid-dinja ta’ dan it-tip.
Il-Mużew
Gregorjan Eġizzjan mibdi mill-Papa Girgor XVI (1831 – 1846) li fih ġabra kbira
ta’ oġġetti tal-Eġittu tal-qedem. Hawn insibu papiri u mummji. Dan l-istess
Papa beda mużew ieħor, dak imsejjaħ Etrusk. Hawn insibu bosta biċċiet taż-żmien
l-Etruski li nstabu fi skavi arkeoloġiċi fosthom vażuni, sarkofagi u biċċiet
tal-bronż.
Fil-mużew Profan insibu
kollezzjoni ta’ sejbiet li saru fi skavi li saru fl-Istati Pontifiċji. Hemm biċċiet
ta’ skultura fl-irħam tal-perjodu Grieg li jmorru lura sa tliet sekli qabel
Kristu. Hemm ukoll biċċiet ta’ żmien ir-Rumani tal-ewwel jew it-tieni seklu
wara Kristu.
Il-Mużew
Pio-Cristiano imwaqqaf minn Papa Piju IX fih bċejjeċ ta’ żmien il-bidu
tal-Kristjaneżmu bħal lapidi tal-oqbra, sarkofagi, monumenti u skultua. Hawn
insibu l-magħruf Ragħaj it-Tajjeb.
Il-Mużew
Missjunarju- Etniku, twaqqaf mill-Papa Piju XI (1922 – 1929) fl-1926 u fih opri
ta’ karattru reliġjuż ġejjin minn kull parti tad-dinja. Ħafna minn dawn l-opri
huma rigali li jsiru lill-Papiet.
Interessanti
ħafna hija l-parti fejn hemm il-karozzelli u l-karozzi li matul is-snin intużaw
mill-Papiet. Mhux inqas interessanti hija l-parti fejn insibu l-bolli u
l-muniti kollha tal-Istat tal-Belt tal-Vatikan.
Dan kollu jinsab
muri f’ palazzi li huma nfishom huma opri, bosta swali b’affreski u pitturi
famużi li matul il-medda taż-żmien bnew dan il-mużew hekk għani u hekk kbir li
huwa patrimonju tal-umanità kollha.
Fr Reno Muscat
Dan l-artiklu deher f''In-Nazzjon - 27 ta' Novembru 2021
Nessun commento:
Posta un commento