Visualizzazione post con etichetta kilin. Mostra tutti i post
Visualizzazione post con etichetta kilin. Mostra tutti i post

sabato 28 maggio 2016

L-ilsien Malti tibżax minnu, ibża’ għalih

L-ewwel ktieb ta’ Kilin li qatt qrajt kien il-famuż “Fuq il-għajn ta’ San Bastjan”. Nista’ ngħid li minn dak iż-żmien dejjem segwejt lil dan il-kittieb simpatiku. Qrajt mhux biss il-kotba tiegħu imma kont nistenna l-artikli tiegħu li kien jikteb fuq dan il-ġurnal, minn ġimgħa għal ġimgħa.

Mike Spiteri, jew kif jafu kulħadd, Kilin, spiss kien jikteb fuq l-ilsien Malti u dwar l-użu ħażin tiegħu, fuq kliem pronunzjat ħażin fuq il-mezzi tax-xandir, fuq frażijiet ivvintati jew maqlubin mill-Ingliż b’ mod ħażin. Kont nieħu gost ninnota l-iżbalji li kien isemmi f’kitbietu u nipprova ma nagħmilhomx jien. Kilin kien bniedem li verament kellu għal qalbu l-ilsien Malti.

Jien kemm-il darba mxejt fuq il-passi ta’ Kilin u ktibt ukoll dwar l-użu ħażin tal-Malti, dwar kemm jeħtieġ nibżgħu għalih aħna għaliex dak tagħna u tagħna biss u jekk ma nibżgħux għalih aħna sejrin nitilfuh darba għal dejjem.

Patrimonju
Pajjiżi kbar ħafna, li fejnhom gżiritna lanqas biss tidher, jinqdew bl-ilsien ta’ xi art oħra għaliex ma għandhomx ilsien tagħhom. Dan il-fatt aktar għandu għalfejn jagħmilna kburin bi lsienna u aktar għandu jdaħħal fina s-sens konservattiv. Ilsienna huwa patrimonju, huwa ilsien Semitiku waħdieni miktub b’ ittri Latini. Għandna ngħożżuh u nieħdu ħsiebu.

Lanqas irrid nidher li jiena kontra l-evoluzzjoni tal-ilsien Malti, xejn minn dan, jekk ilsien ma jevolvix ikun ifisser li miet u ladarba jmut ma jkunx hemm tama li jirxoxta. Il-Malti ilu jinbidel u għadu jinbidel dan iż-żmien ukoll. Għad fadlilna xi wirt ta’ Malti antik, imma ma jfissirx li bqajna fejn konna. Biex inġib eżemnpju wieħed ngħid li l-Kelma Mulej ħija kelma użata mill-Feniċi li tfisser “Sinjur”. Ħal Mula jfisser ir-raħal tas-Sinjuri. Il-Feniċi waslu Malta madwar 800 sena qabel Kristu. Madanakollu għandna nsibu xi traċċi tagħhom anke fi lsienna. Biss mal-kelma mulej, li llum nużawha biss f’ kuntest ta’ reliġjon, daħlet il-kelma sinjur mit-Taljan. Dan juri l-għana ta’ lsienna u kemm huwa lsien ħaj li jinbidel għaliex jintuża. Intenni ħsiebi: nibżgħu għall-patrimonju ta’ ilsienna! Biss meta ngħid nibżgħu għalih ma rridx infisser li ma nħalluhx jevolvi għaliex l-evoluzzjoni tiegħu hija l-garanzija li ma jintemmx għal kollox.

Awtorità
Fl-ewwel kapitlu, artiklu ħamsa,  tal-Kostituzzjoni ta' Malta hemm miktub li l-Malti huwa l-uniku lsien nazzjonali ta’ Malta. Barra minn hekk hu wkoll, flimkien mal-Ingliż, l-ilsien uffiċjali ta' pajjiżna. Ladarba huwa hekk, l-awtorità hija fid-dmir li tħares dan il-wirt u għandha tagħmel minn kollox biex tara li ma jintilifx. Trid tara wkoll li jkun mgħallem sewwa fl-iskejjel kollha tal-pajjiż u li jekk jista’ jkun il-maġġoranza, biex ma ngħidx kulħadd, ikun jaf jiktbu sewwa.

Fil-25 ta’ Lulju, 2008  il-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti ħareġ  l-aħħar deċiżjonijiet dwar xi tibdil fl-ortografija tal-Malti. Ingħata tliet snin żmien biex dawn it-tibdiliet jindraw minn kulħadd. Matul dawn it-tliet snin iż-żewġ varjanti ta’ kitba kienu tajbin, biss wara l-25 ta’ Lulju, 2011, il-verżjoni l-ġdida biss saret tajba. Allura la l-verżjoni l-ġdida biss hija tajba, min jikteb Malti bil-verżjoni l-antika jkun qed jikteb Malti ħażin. Issa naqblu jew ma naqblux mat-tibdiliet jew mal-mod kif saru, dik storja oħra, il-fatt hu li jekk nikteb Malti ta’ qabel l-2008 nkun qed nikteb Malti ħażin. Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti huwa l-qafas uffiċjali li jħares l-ilsien tagħna. Kien twaqqaf fl-2005 bil-liġi tal-ilsien Malti li għaddiet mill-Parlament Malti unanimament u xogħlu hu li jħares il-Malti u jtejbu. Jien għandi nimxi mad-deċiżjonijiet tiegħu jekk irrid nikteb sewwa.

Ripetizzjoni
Għandu mnejn mhux kulħadd jaf b’ dawn il-bidliet. Bilfors, għaliex għadna naraw kitba ta’ kwalità għolja li tinkiteb b’ Malti ta’ qabel l-2008. Jekk l-awtorità qaltli li TAL- dejjem hekk tinkiteb niżbalja jekk niktibha TA’ L-. Jekk id-deċiżjoni hija li jiena NIPPRIETKA ma nistax NIPPRIEDKA! U nistgħu nibqgħu sejrin hekk. La hemm ir-regoli rridu nobduhom. Madanakollu ħafna kitbiet għadhom jinkitbu bħal qabel u allura dawn huma żbaljati.

Nemmen li kemm-il darba dawn it-tibdiliet ikunu aktar magħrufin mill-poplu Malti, dawn l-iżbalji jonqsu. Jekk isiru spots qosra fuq l-istazzjonijiet televiżivi, ta’ ftit sekondi, kif ukoll avviżi li jiġbdu l-għajn fil-gazzetti, bir-regoli l-ġodda tal-Malti, innaqqsu ħafna mill-iżbalji li naraw ta’ kuljum. Ma jimpurtax li dawn ikunu rripetutti, ir-ripetizzjoni tgħin u tgħallem.

Ħalli nerġa nsemmi lil Kilin. Dan l-awtur miet ftit jiem qabel ma ħarġu d-deċiżjonijiet ġodda mill-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti, iva miet fid-9 ta’ Lulju, 2008. Min jaf kieku llum għadu ħaj kemm jitbaqbaq  jara dawk il-ħafna żbalji li bi ftit ta’ attenzjoni u b’ naqra rieda tajba minn min hu kompetenti jistgħu ma jsirux.

Nispera li dan il-kliem ma jaqax fuq widnejn torox. Ma nistgħux nibqgħu nitfgħu t-trab taħt it-tapit. Issa taħt it-tapit intela’ u hemm bżonn naraw x’ nagħmlu! Nagħmel appell lil kulħadd: L-ilsien Malti tibżax minnu, ibża’ għalih


Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f' In-Nazzjon 28 ta' Mejju 2016









sabato 29 marzo 2014

Pontifex Minimus

Ftit ġimgħat ilu, waqt l-udjenza li l-Papa jagħmel kull nhar ta’ Erbgħa fi Pjazza San Pietru Ruma, deher daqxejn ta’ tfajjel liebes ta’ Papa. Kien il-karnival u n-nanna taċ-   ċkejken Daniele De Sanctis, tifel ta’ dsatax-il xahar, ħietitlu kostum ta’ Papa u ommu ħaditu fil-pjazza għall-udjenza sabiex ikun jista’ jara l-Papa. Ġara li mhux biss ra l-Papa imma anke l-Papa rah u ħadu f’ idejh u biesu. Kien hemm min laqqan lil dal-qrempuċu ‘Pontifex Minimus’ – il-Papa żgħir.

Niftakar
Dan il-fatt fakkarni fi ċkuniti. Madwar erbgħin sena ilu niftakar xi tfal kienu jitlibbsu ta’ soru jew ta’ patri. Kienet tkun wegħda ma’ Santa Rita jekk tkun tifla jew ma’ Sant’ Antnin jekk ikun tifel. Ovvjament il-wegħda kienet issir mill-ġenituri li jwegħdu li għal ċertu żmien ilibbsu lill-binthom jew lill-binhom bħall-qaddisin kemm-il darba jaqilgħu l-grazzja. Jien għandi idea vaga ta’ din il-ħaġa imma snin qabel qiegħed insemmi jiena din kienet ħaġa aktar komuni. Kilin fil-ktieb tiegħu Fuq l-għajn ta’ San Bastjan isemmiha dil-ħaġa u f’edizzjoni tal-ktieb hemm ritratt tiegħu liebes ta’ patri Franġiskan.

Karnival
Li tlibbes tifel jew tifla xi lbies reliġjuż, anke jekk fi żmien il-karnival, hija aċċettata tista’ tgħid minn kulħadd, imma li bniedem adult jilbes ilbies reliġjuż, militari jew ġuridiku fi żmien il-karnival jew fi kwalunkwe żmien ieħor hija ħaġa illegali. Minkejja l-liġi xorta nsibu lil min fir-renju tal-bluha jilbes dan l-ilbies. Din is-sena rajt riklam ta’ ħanut Malti li fil-karnival ibiegħ il-kostumi tal-adulti u fost il-kostumi kellu wkoll suttani għal min ried jilbes ta’ saċerdot. Tiskanta kif hawn saċerdoti Maltin joqgħodu jmorru għand Gammarelli ta’ Ruma biex jordnaw suttana! Minix ser nidħol fil-morali ta’ dil-ħaġa, kulħadd għandu dritt jaħseb hu. Żġur li ħadd ma tkaża biċ-ċkejken Daniele f’Ruma, imma kieku minflok 19-il xahar kellu 19-il sena l-istorja kienet tkun xort’ oħra.

Logħob bil-knisja
Minbarra l-ilbies reliġjuż b’wegħda, f’ pajjiżna kien komuni l-logħob bil-knisja mit-tfal subien. Kienu bosta dawk it-tfal li kien ikollhom l-altar jew il-knisja tagħhom fid-dar u jibdlu u jżejnu u jarmaw daqs li kieku kien ikollhom l-ikbar bażilka. Kien żmien ieħor fejn it-tfal ma kellhomx logħob ta’ teknoloġija li tieħdok il bogħod mir-realtà imma kellhom logħob li jimita il-ħajja ta’ kuljum. Illum għad hawn min għandu dan id-delizzju imma żgur mhux daqs qabel.

U aktar logħob
Hemm imbgħad minn jilgħab logħob ieħor. Qiegħed nirreferi għal dawk il-kbar li tarahom kuljum f’ xi knisja, jgħinu, jarmaw, jorganizzaw u x’ naf jien. Dawn it-talin jimlew il-paġna ta’ facebook tagħhom b’ ritratti ta’ madonni u sanġużeppijiet u qaddisin oħra, imbagħad ikunu minn tal-ewwel biex ixerdu xi kitba antiklerikali li spiss naraw fuq dan is-social network. Kif jista’ dak li jkun ma jiftakarx fil-qawl Malti: Min ma jħobbx il-kelb ma jħobbx lil sidu. Tispiċċa biex tgħid li nies bħal dawn ikunu kibru imma baqgħu jilgħabu bil-Knisja, l-unika differenza hi le meta kienu tfal kienu jilgħabu bil-knisja u issa kbar jilgħabu bil-Knisja, bil-“K” kbira.
Ma rridx ninftiehem li l-Knisja ma taċċettax kritika, anzi l-kritika  u aktar u aktar l-awtokritika tista’ ssaħħaħ il-Knisja ta’ Kristu imma hemm min jikkritika biex iweġġa’ u mhux għax tabilħaqq iħobb id-dagħjsa ta’ Pietru. Il-kritika hija l-istess bħall-kostumi tal-karinival, l-istess kostum jista jintlibes b’sens ta’ ammirazzjoni, bħal fil-każ ta’ Daniele, il-Pontifex Minimus jew inkella b’sens ta’ disprezz minn persuna kbira.


Fr Reno Muscat 

dan l-artiklu deher f' In-Nazzjon 29 ta' Marzu 2014