L-ewwel ktieb ta’ Kilin li qatt qrajt kien il-famuż “Fuq il-għajn ta’ San
Bastjan”. Nista’ ngħid li minn dak iż-żmien dejjem segwejt lil dan il-kittieb
simpatiku. Qrajt mhux biss il-kotba tiegħu imma kont nistenna l-artikli tiegħu
li kien jikteb fuq dan il-ġurnal, minn ġimgħa għal ġimgħa.
Mike Spiteri, jew kif jafu kulħadd, Kilin, spiss kien jikteb fuq l-ilsien
Malti u dwar l-użu ħażin tiegħu, fuq kliem pronunzjat ħażin fuq il-mezzi
tax-xandir, fuq frażijiet ivvintati jew maqlubin mill-Ingliż b’ mod ħażin. Kont
nieħu gost ninnota l-iżbalji li kien isemmi f’kitbietu u nipprova ma
nagħmilhomx jien. Kilin kien bniedem li verament kellu għal qalbu l-ilsien
Malti.
Jien kemm-il darba mxejt fuq il-passi ta’ Kilin u ktibt ukoll dwar l-użu
ħażin tal-Malti, dwar kemm jeħtieġ nibżgħu għalih aħna għaliex dak tagħna u
tagħna biss u jekk ma nibżgħux għalih aħna sejrin nitilfuh darba għal dejjem.
Patrimonju
Pajjiżi kbar ħafna, li fejnhom gżiritna lanqas biss tidher, jinqdew bl-ilsien
ta’ xi art oħra għaliex ma għandhomx ilsien tagħhom. Dan il-fatt aktar għandu
għalfejn jagħmilna kburin bi lsienna u aktar għandu jdaħħal fina s-sens
konservattiv. Ilsienna huwa patrimonju, huwa ilsien Semitiku waħdieni miktub b’ ittri Latini. Għandna ngħożżuh u nieħdu ħsiebu.
Lanqas irrid nidher li jiena kontra l-evoluzzjoni tal-ilsien Malti, xejn
minn dan, jekk ilsien ma jevolvix ikun ifisser li miet u ladarba jmut ma jkunx
hemm tama li jirxoxta. Il-Malti ilu jinbidel u għadu jinbidel dan iż-żmien ukoll.
Għad fadlilna xi wirt ta’ Malti antik, imma ma jfissirx li bqajna fejn konna.
Biex inġib eżemnpju wieħed ngħid li l-Kelma Mulej ħija kelma użata mill-Feniċi
li tfisser “Sinjur”. Ħal Mula jfisser ir-raħal tas-Sinjuri. Il-Feniċi waslu
Malta madwar 800 sena qabel Kristu. Madanakollu għandna nsibu xi traċċi tagħhom
anke fi lsienna. Biss mal-kelma mulej, li llum nużawha biss f’ kuntest ta’
reliġjon, daħlet il-kelma sinjur mit-Taljan. Dan juri l-għana ta’ lsienna u
kemm huwa lsien ħaj li jinbidel għaliex jintuża. Intenni ħsiebi: nibżgħu
għall-patrimonju ta’ ilsienna! Biss meta ngħid nibżgħu għalih ma rridx infisser
li ma nħalluhx jevolvi għaliex l-evoluzzjoni tiegħu hija l-garanzija li ma
jintemmx għal kollox.
Awtorità
Fl-ewwel kapitlu, artiklu ħamsa, tal-Kostituzzjoni ta' Malta hemm miktub li
l-Malti huwa l-uniku lsien nazzjonali ta’ Malta. Barra minn hekk hu wkoll,
flimkien mal-Ingliż, l-ilsien uffiċjali ta' pajjiżna. Ladarba huwa hekk,
l-awtorità hija fid-dmir li tħares dan il-wirt u għandha tagħmel minn kollox
biex tara li ma jintilifx. Trid tara wkoll li jkun mgħallem sewwa fl-iskejjel
kollha tal-pajjiż u li jekk jista’ jkun il-maġġoranza, biex ma ngħidx kulħadd,
ikun jaf jiktbu sewwa.
Fil-25 ta’ Lulju, 2008 il-Kunsill
Nazzjonali tal-Ilsien Malti ħareġ l-aħħar deċiżjonijiet dwar xi tibdil
fl-ortografija tal-Malti. Ingħata tliet snin żmien biex dawn it-tibdiliet
jindraw minn kulħadd. Matul dawn it-tliet snin iż-żewġ varjanti ta’ kitba kienu
tajbin, biss wara l-25 ta’ Lulju, 2011, il-verżjoni l-ġdida biss saret tajba.
Allura la l-verżjoni l-ġdida biss hija tajba, min jikteb Malti bil-verżjoni l-antika
jkun qed jikteb Malti ħażin. Issa naqblu jew ma naqblux mat-tibdiliet jew
mal-mod kif saru, dik storja oħra, il-fatt hu li jekk nikteb Malti ta’ qabel
l-2008 nkun qed nikteb Malti ħażin. Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti
huwa l-qafas uffiċjali li jħares l-ilsien tagħna. Kien twaqqaf fl-2005 bil-liġi
tal-ilsien Malti li għaddiet mill-Parlament Malti unanimament u xogħlu hu li
jħares il-Malti u jtejbu. Jien għandi nimxi mad-deċiżjonijiet tiegħu jekk irrid
nikteb sewwa.
Ripetizzjoni
Għandu mnejn mhux kulħadd jaf b’ dawn il-bidliet. Bilfors, għaliex għadna
naraw kitba ta’ kwalità għolja li tinkiteb b’ Malti ta’ qabel l-2008. Jekk
l-awtorità qaltli li TAL- dejjem hekk tinkiteb niżbalja jekk niktibha TA’ L-. Jekk
id-deċiżjoni hija li jiena NIPPRIETKA ma nistax NIPPRIEDKA! U nistgħu nibqgħu
sejrin hekk. La hemm ir-regoli rridu nobduhom. Madanakollu ħafna kitbiet
għadhom jinkitbu bħal qabel u allura dawn huma żbaljati.
Nemmen li kemm-il darba dawn it-tibdiliet ikunu aktar magħrufin mill-poplu
Malti, dawn l-iżbalji jonqsu. Jekk isiru spots
qosra fuq l-istazzjonijiet televiżivi, ta’ ftit sekondi, kif ukoll avviżi li
jiġbdu l-għajn fil-gazzetti, bir-regoli l-ġodda tal-Malti, innaqqsu ħafna
mill-iżbalji li naraw ta’ kuljum. Ma jimpurtax li dawn ikunu rripetutti,
ir-ripetizzjoni tgħin u tgħallem.
Ħalli nerġa nsemmi lil Kilin. Dan l-awtur miet ftit jiem qabel ma ħarġu
d-deċiżjonijiet ġodda mill-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti, iva miet fid-9
ta’ Lulju, 2008. Min jaf kieku llum għadu ħaj kemm jitbaqbaq jara dawk il-ħafna żbalji li bi ftit ta’
attenzjoni u b’ naqra rieda tajba minn min hu kompetenti jistgħu ma jsirux.
Nispera li dan il-kliem ma jaqax fuq widnejn torox. Ma nistgħux nibqgħu
nitfgħu t-trab taħt it-tapit. Issa taħt it-tapit intela’ u hemm bżonn naraw x’
nagħmlu! Nagħmel appell lil kulħadd: L-ilsien Malti tibżax minnu, ibża’ għalih
Fr Reno Muscat
Nessun commento:
Posta un commento