Bħall-popli Mediterranji kollha, aħna l-Maltin għandna tendenza li għal
kull ħaġa noħolqu ċelebrazzjoni, nagħmlu festa biex nuri li tkun qed isseħħ xi
ħaġa differenti mis-soltu. Festa ta’ twelid jew magħmudija ta’ tarbija ġdida,
festa fl-okkażjoni tal-ewwel tqarbina jew tal-grizma u festa f’ jum it-tieġ.
Hemm imbagħad dawk il-festi fuq skala akbar, festi li jkunu marbutin
mat-twemmin tal-poplu li ma jkunux fuq skala lokali, lanqas fuq skala
nazzjojnali imma jinfirxu skont kif ikun mifrux it-twemmin tal-poplu. Hekk
insibu li fejn il-poplu huwa Kristjan dan jiċċelebra festi bħall-Milied jew
l-Għid il-Kbir. Fejn il-poplu huwa Musulman insibu ċelebrazzjonijiet bħal dawk
ta' Mawlid al-Nabi, fejn ikun iċċelebrat it-twelid ta’ Muħammed jew Eid al-Fitr,
meta jintemm ir-ramadan. Biex inkunu semmejna r-reliġjon kbira l-oħra li nsibu
max-xatt tal-Mediterran, li fil-fatt hija l-omm ta’ dawn iż-żewġ reliġjonijiet
l-oħra, ngħidu li anke l-Lhud għandhom il-festi tagħhom bħall-Yum Kippur , jum
il-maħfra tad-dnubiet u l-Għid, it-tifkira ta’ meta l-poplu Lhudi nħeles
mill-jasar. Il-kelma festa aktarx nassoċċjawha ma’ ċelebrazzjoni ta’ twemmin.
Ma jfissirx li dan huwa bilfors twemmin reliġjuż – xejn affatti, aħna l-Maltin,
bħall-popli l-oħra kollha, niċċelebraw il-festi nazzjonali li ma għandhom x’
jaqsmu xejn mar-reliġjon imma niċċelebrawhom għax nemmnun fl-istorja tagħna u fl-identità
tagħna.
Karattru ta’ festa
Kull pajjiż għandu l-mod tiegħu kif jiċċelebra l-festi tiegħu. Bejn wieħed
u ieħor il-pajjiżi ġirien jikkupjaw minn xulxin u biż-żmien wieħed isibha
diffiċli jintebaħ bl-elementi misruqin mingħand ħaddieħor u b’ dawk oriġinali
tal-lokal. Spanja, l-Italja ta’ isfel, Sqallija u Malta għandna bosta elementi
komuni fil-festi tagħna. L-ewwel ħaġa komuni hija li l-parti l-kbira tal-festi
huma marbutin mal-fidi Nisranija. Dan mhux bilfors imma wisq probabbli hekk hu.
Napli jiċċelebraw il-festa tal-ġilji. Minkejja li jissemmew għal xi qaddis,
l-ebda element reliġjuż ma nsibu f’ dawn il-festi, anzi għandi suspett li f’ xi
każi minn dawn il-festi ikun hemm xi organizazzjoni kriminali minn taħt. Dawn
il-festi ma humiex festi reliġjużi imma profani fejn matul tmiem il-ġimgħa
l-poplu tar-raħal fejn issir il-festa tal-ġilji jkun jista’ jiekol, jixrob u
jiżfen kemm jiflaħ tul il-lejl kollu. Dan qed ngħidu mill-esperjenza personali
għaliex fl-ewwel lejl tiegħi ġewwa Napli
sibt il-festa tal-ġilji fil-kwartier li kelli ngħix fih għal tliet snin sħaħ,
kwartier Naplitan li ħabbejt u għadni nħobb u nżuru kull meta jkolli ċans.
Kull festa għandha l-karattru tagħha u l-festi mediterranji huma
karattarizati mill-għajjat, mużika, kant, ikel, briju, nar artifiċjali, baned,
u nsomma dak kollu li wieħed jista’ jimmaġina. Il-festi Għarab huma
kkartterizzati mill-ammont ta’ ikel differenti li jiġi servut u mit-tjubija ta’
ħelu li wieħed isib jiekol f’ dawn il-festi. Il-festi Lhud ma jistax jonqos li
ma jkunux xi ftit jew wisq jixbħu lil dawn li għadna kif semmejna – ġirien aħna
x’ aħna!
Festival
Sa ftit snin ilu l-kelma festival konna nifhmu biha xi serata ta’ kant fejn
fl-aħħar jew tingħata tifkira lill-parteċipanti jew jekk il-festival ikun forma
ta’ kompetizzjonil jitħabbar ir-rebbieħ. Illum il-perċessjoni ta’ festival
bdilnieha. Għandu mnejn billi bdejna nitħalltu ma’ bosta nies barranin, billi
bdejna nżuru bosta artijiet b’ kulturi totalment differenti minn tagħna, bdejna
norganizzaw xi festival jixbaħ lil dawk barranin. Festival popolari tista’
tgħid madwar id-dinja huwa l-Oktoberfest
fil-Ġermanja. Dawn huma festivals tal-birra, mużika, kultura, żfin u folk. F’
pajjiżna wkoll dawn l-aħħar snin il-festivals mhux biss twieldu imma tkattru u
llum insibu kull tip ta’ festival. Minn dak tal-frott, sa tal-ħaxix, tal-ħobż,
tal-inbid, tal-frawli, tar-rizzi, tal-ħut, u ma nafx ta’ xiex aktar. Dawn huma
okkażjonijiet fejn wieħed jista’ jiddeverti u japprezza dak li għandna. Fihom
wieħed isib bosta xogħol artiġjanali li tkun ħasra jekk dan jintilef. Bis-saħħa
ta’ dawn il-festivals hemm xi snajja antiki li reġgħu qed jidhru. Mhux sejjer
ngħid li llum wieħed li kien jagħmel il-karettuni għandu jiftaħ ħanut
tax-xogħol b’ dan il-mestier għax bil-garanzija li jibqa’ bla xogħol għaliex
il-karettuni spiċċaw minn fostna, imma qed nirreferi għal snajja bhal xogħol ta’
bizzilla u ganutell u ta’ pasturi u statwi. Dawk kienu għoddhom spiċċaw għal
kollox minn fostna imma llum erġajna bdejna narawhom speċjalment f’ xi festival
milli qed insemmu.
Noqgħodu attenti
Il-festi jew il-festival ma humiex xi ħaġa ta taħt is-saqaf imma huma
attivitajiet ta’ barra t-triq. Tajjeb mela naħsbu biex meta jkunu organizzati
attivitajiet bħal dawn ma jkunux ta’ skomdu għall-pubbliku. Jekk tgħalaq nofs
raħal bi stands u tilari tal-ikel, ma jkunux jistgħu jgħaddu karozzi, ma jkunx
jista’ jiġi offrut is-servizz tat-trasport pubbliku u bosta drabi dawk li jużaw
tal-linja jkollhom jimxu mixja twila biex jirkbu. F’ okkażjonijiet bħal dawn
tal-linja għandhom jiġu provduti b’ rotta xi ftit differenti biex il-poplu jkun
jista’ jinqeda xorta. Ftit ħsieb kull ma jkun hemm bżonn.
Fr Reno Muscat
Dan l-artiklu deher f' In-Nazzjon, 7 ta' Mejju 2016
Nessun commento:
Posta un commento