sabato 30 aprile 2016

Vilifikazzjoni

Dan l-aħħar  bdejna nisimgħu kelma li ma tantx konna mdorrija nisimgħuha. Din hija l-kelma: vilifikazzjoni. Xi tfisser sewwasew din il-kelma? Jien qallibt fit-Thresaurus u fittixt u taħt il-kelma “Vilification” u fost oħrajn  sibt dawn is-sinonimi: kalunja, difamazjoni, gidba, skandlu, tradiment, tfigħ ta’ tajn. F’ dizzjunarju sibt li din il-kelma tfisser li tattakka ir-reputazzjoni ta’ persuna jew oġġett b’ mod qawwi jew abbużiv. Hija sinonimu tal-ħażen.  Issa f’ Malta qegħdin nisimgħu li l-liġi dwar il-vilifikazzjoni tar-reliġjon sejra titneħħa b’ riħet il-libertà tal-espressjoni.

X’ inhi l-libertà?
F’ pajjiż modern kulħadd għandu jkollu għadd ta’ libertajiet. Libertà tal-għixien, libertà tal-espressjoni, libertà tat-twemmin, libertà tal-moviment, li wieħed ikun jista’ jmur fejn irid bla problemi ta’ xejn, libertà tal-ħsieb, libertà li jissieħeb fi trade union u libertajiet oħrajn li lanqas  ninduanw bihom sakemm ma niġux imnaqqsa jew imċaħħdin minnhom. Iżda rridu noqgħodu attenti, il-libertà tiegħi għandha tkun tali li ma tkunx ta’ nuqqas ta’ libertà tiegħek, f’ dak il-każ dik ma tkunx libetà imma abbuż. Libertà ma jfissirx li kulħadd jagħmel li jrid għax dik il-ħaġa tkun libertinaġġ, il-liġi tal-ġungla. Libertà hija ħelsien mill-oppressjoni. Libertà tfisser nuqqas ta’ xkiel żejjed.

Id-dagħa fuq fomm il-Malti
Bit-tneħħija ta’ din il-liġi, id-dagħa mhux ser jibqa’ reat. Id-dagħa huwa sfortunatament wirt għalina l-Maltin. Dan ma huwiex vizzju tagħna biss imma nsibuh fil-pajjiżi Mediterranji kważi kollha. Biss ejjew niffukaw fuq il-Maltin. Kuġina tiegħi li tgħix barra minn Malta u li titkellem il-Malti daqsna minkejja li ma twielditx hawn, l-ewwel darba li ġiet Malta baqgħet iċċassata meta fl-ajruport, hekk kif waslet, lemħet raġel b’ kurċifiss tad-deheb, jiżen kilo, imdendel ma’ għonqu u semgħetu jidgħi. Illum aktar minn qabel id-dagħa donnu sar soċjalment aċċettat, minkejja li kulħadd jaf li d-dagħa jbaxxik u jumiljak quddiem il-bnedmin u quddiem il-ħallieq, minkejja li kulħadd jaf li bid-dagħa l-ebda argument ma tirbaħ, anzi juri li tkun fuq in-naħa t- telliefa u għax ma jkollokx argumenti sodi biex tiddefendi ruħek tibda tidgħi.

F’ Malta għandna l-liġi kontra d-dagħa, imma għandi kurżità kbira meta kienet l-aħħar persuna li ttellgħet il-qorti jew li weħlet tal-inqas ċitazzjoni għax dagħat. Jekk dan il-każ ilu ħafna, ma jfissirx li nqata’ d-dagħa, imma jfisser li sirna nagħlqu widnejna għal kollox.

Bla ma jkunu jafu
Tant id-dagħa huwa komuni fid-diskussjonijiet ta’ xi Maltin li llum daħlet espressjoni ġdida. Jekk ikollok ġurnata iebsa hawn min jgħid li kellu “ġurnata tad-dagħa”. Espressjoni bħal din fiha nfisha ma hijiex dagħwa imma turi l-mentalità tagħna. Espressjoni oħra li spiss nisimgħu hi “Aqta’ kemm nidgħi!” Mela kont Ħaż-Żebbuġ nitkellem ma’ xi ħbieb tiegħi li jkunu fuq il-bankijiet ta’ mal-ġenb taz-zuntier. Waħda mara waqfet bil-karozza u ħarġet minnha. Raġel li kien bilqegħda fuq il-bank qalilha biex tneħħi l-karozza minn hemm għax keinet ipparkjata ħażin. Hi qaltlu li mhux ser iddum, kemm tixtri pakkett sigaretti biss. Ir-raġel mill-ġdid qalilha li hemmhekk kienet qegħda ħażin u tissogra li taqla’ xi daqqa sewwa mingħand xi karozza oħra. Dak il-ħin il-mara qalet “Aqta’ kemm nidgħi jekk jolqtuli l-karozza”. Jien staqsejtha jekk bid-dagħa id-daqqa u ż-żebgħa tal-karozza jissewwewx. Ma weġbitni xejn!

Nememn li bosta jgħidu kliem bħal dan mhux għax verament ikunu vvizjati jidgħu imma għax illum daħlu dawn l-idjomi jew espressjonijiet fid-diskors tagħna u mingħajr ma nintebħu nużawhom. Biss xorta ma humiex espressjonijiet sbieħ.

Vilifikazzjoni u ċ-Charlie Hebdo

L-attakki fuq il-kwartieri tal-ġurnal Charlie Hebdo f’ Pariġi fis- 7 ta’ Jannar tal-2015 kien każ fejn il-vilifikazzjoni tar-reliġjon ma ġietx aċċettata. Nafu li ftit jiem qabel l-attakki dehret karikatura tal-Profeta Muhammed fuq quddiem ta’ dan il-ġurnal u xi segwaċi tal-Profeta ħassewhom inġurjati b’ dik il-karikatura. Mhux qiegħed ngħid li l-attakk fuq il-kwartieri tal-Hebdo kien ġust, xejn affattu, imma qed ngħid li hemm min lest anke jasal fl-estrem jekk joffendulu s-sentimenti tiegħu. Tajjeb ngħidu wkoll li dan l-istess ġurnal kemm-il darba ġab karikaturi ta’ Kristu, tal-Papa jew ta’ xi persunaġġ għażiż għall-fidi Nisranija. Din hija l-vilifikazzjoni.

Personalment ma nafx għalfejn f’ Malta għandna l-ħtieġa li nneħħu l-liġi tal-vilifikazzjoni. Nixtieq nistaqsi: liema libertà qegħda toħnoq din il-liġi? Naħseb li bosta minnha, fil-qalba ta’ qalbhom għadhom jgħożżu t-twemmin li wirtu mingħand missirijiethom u li twaqqa’ għaż-żuffjet dan it-twemmin sejjer iweġġa’ lil ħafna. Niftakru fil-qawl Malti:  kelb rieqed ma nqajmux! Li kien għalija nħalli kollox kif inhu. Il-libertà ta’ min tnaqqset billi hemm il-liġi? Dagħa nisimgħuh kullimkien, smajnieh fit-teatru u issa saħansitra fuq it-televiżjoni. Qrajnih fil-kotba wkoll. Mela għalfejn se nċaqilqu d-dinja? Ma nafx.


Fr Reno Muscat 

Dan l-artiklu deher f' In-Nazzjon, 30 ta' April 2016




Nessun commento:

Posta un commento