Spiċċat ix-xitwa
u bdejna naqdfu sewwa fl-istaġun tar-rebbiegħa. Smajna ma nafx kemm-il darba
matul l-istaġun li għadda, dwar in-nuqqas ta’ xita. Tlabna għaliha, niżlet
ftit, imma ma nistgħux ngħidu li kellna xi xitwa qalila anzi kien hemm jiem
fiha li kienu aktar jixbħu xi jum ta’ April milli ta’ Jannar jew Frar. Li nafu żgur hu li n-nuqqas ta’ xita li
kellna matul ix-xhur xitwin sejjer iħallu l-effett tiegħu fuqna fix-xhur li
ġejjin.
l-ilma huwa
l-aktar likwidu komuni li nsibu fid-dinja. L-ilma pur la fih riħa, la togħma u
lanqas kulur. L-ilma jsir silġ fi grad zero Celcius u jsir fwar f’ mitt grad
Celcius. Ftit inqas minn tliet kwarti tad-dinja hija miksija bih, madanakollu
f’ bosta partijiet tad-dinja, l-ilma tajjeb għax-xorb huwa skars għaliex 3%
biss minn dan l-ilma kollu huwa ħelu. Skont stħarriġ tal-Ġnus Magħquda,
sas-sena 2025 madwar nofs il-popolazzjoni tad-dinja mhux ser ikollha biżżejjed
ilma tajjeb għax-xorb.
Minħabba
l-importanza tal-ilma għall-bniedem u għall-annimal, il-bnedmin dejjem fittxew
li jibnu djarhom qrib l-ilma ġieri. Kull ċiviltà twiledet qrib xi xmara.
Il-Mesopotamja kienet bejn żewġ xmajjar famużi, it-Tigris u l-Ewfratre. L-Eġizzjani
ta’ żmien il-Faragħun kienu jiddependu mill-ilma tax-xmara Nil. Ruma bħala kapitali
tal-imperu kellha t-Tevere tagħtiha l-ilma. Bosta bliet oħrajn bħal Rotterdan,
Londra, Pariġi, New York u kull belt importanti oħra għandhom tal-inqas xmara
waħda għaddejja minnhom.
L-annimali,
fosthom aħna l-bnedmin kif ukoll il-pjanti ma jistgħux jgħixu bla ilma u parti
kbira mill-ġisem tagħhom huwa magħmul mill-ilma. Pereżempju l-ġisem tal-bniedem
fih bejn sittin u sebgħin fil-mija ilma.
L-ilma huwa l-bażi ta’ kull tip ta’ xorb li nixorbu, sew jekk ikun meraq
tal-frott, ħalib jew xorb ieħor, sew alkoħoliku jew le.
Ġieli nisimgħu b’
maltempati qawwija li jagħmlu ħsara u anke jaħsdu l-ħajja ta’ xi wħud. Pajjiżna
mhux eċċezzjoni. L-ewwel maltempata kbira li niftakar jiena seħħet fil-25 ta’
Ottubru, 1979. Dakinhar kont għadni student u biex wasalt mill-iskola ġewwa
r-Rabat sad-dar f’ Ħal Qormi konna iltqajna ma’ elf ostaklu. Ġebel fin-nofs
tat-triq, ilmijiet iġorru karozzi, siġar maqlugħin u ma nafx xiex iżjed. Dik
il-maltempata kienet temmet traġikament il-ħajja ta’ erba’ min-nies. Tant
kienet kbira dik it-tempesta li triq ġewwa Ħal Qormi issemmiet għaliha u hekk
għadha sal-lum: Triq l-Għarar 1979. Kienet esperjenza tal-biża’!
Il-bniedem huwa
s-sid tad-dinja u għalhekk jaf juża l-elementi kollha, anke l-ilma. Qed ngħid
element iżda fis-sewwa, l-ilma huwa molekola magħmula mill-idroġenu u
l-ossiġnu, u mhux element! Mill-qawwa tal-ilma l-bniedem jista’ jiġġenera
l-kurrent. Rota kbira li ddur bil-qawwa tal-ilma li jkun nieżel bis-saħħa minn
xi xmara. Illum din it-tip ta’ enerġija ftit li xejn għadna narawha. Ovvajment
Malta qatt ma rajnieha għaliex la xmajjar ma għandna u wisq u wisq inqas ilma
li jiġri bis-saħħa.
Fil-biedja
Matul ix-xhur
tax-xitwa, waqt il-quddies, fit-talb tal-fidili, kont inżid talba għax-xita.
Darba waħda mara daħlet fis-sagristija ssaqsini jekk għandix l-għelieqi.
Weġibtha fin-negattiv. Ma nafx għalfejn ħasbet li għandi xi ftit raba’. Ma
tlabtx għalija biss imma tlabt għaliex naf li l-ilma tax-xita f’ pajjiżna huwa
neċessarju daqs ma nafx xiex. Xi
gabillotti kellmuni b’ mod differenti u qsamt magħhom il-preokkupazzjoni
tagħhom dwar in-nuqqas ta’ ilma u l-prodott skars li sejrin jagħtu l-uċuħ din
is-sena. Qaluli li anke s-siġar, l-aktar dawk taċ-ċitru, sejrin ibatu ħafna
għaliex meta suppost kienu reqdin, bdew iwarrdu. Jien ma nifhimx
fl-argikoltura, imma nara b’ għajnejja li l-prodotti agrarji din is-sena baqgħu
lura.
Mhux fil-biedja biss
Forsi naħsbu li
n-nuqqas ta’ xita taffettwa biss il-qasam tal-biedja, imma mhux hekk. Wieħed li
għandu ħanut taż-żraben qalli li din ix-xitwa keinet waħda ħażina fejn jidħol
bejgħ għaliex in-nies kważi kważi baqgħet tilbes żraben tas-sajf. Ħadd ma xtara
żraben ġodda għaliex dawk tas-sena l-oħra ma nfetħux bl-ilma! Persuna oħra li
tbiegħ il-ħwejjeġ ukoll ilmentat min-nuqqas ta’ bejgħ ta’ ħwejjeġ xitwin. Din
ix-xitwa kienet waħda ħafifa u kulħadd inqeda bil-gkieket tas-snin l-oħra bla
ma ħass il-ħtieġa li jixtri oħrajn. Għax fil-verità ftit li xejn ilbisna
ħwejjeġ tqal dix-xitwa. Dan in-nuqqas ta’ xita kollu ssarraf f’ nuqqas ta’ bejgħ, nuqqas ta’ kummerċ. Meta
qagħadt naħseb ftit intbaħt kemm ix-xita mhux biss għall-biedja hija neċessarja
imma ddawar ir-rota ta’ bosta setturi oħrajn.
Tiskanata kif
l-ilma huwa daqstant importanti f’ kull qasam. Taqtira taqtira li jispiċċaw f’
nixxiegħa li tingħaqad ma’ nixxiegħat oħrajn ujiffurmaw xmara. L-ilma li tant
drajna insibuh kullimkien bla tbatija ta’ xejn li trid tkun xi xitwa bla ilma
bħal din li għadna kif kellna biex nieqfu naħsbu ftit dwar kemm hu prezzjuż.
Fr Reno Muscat
Dan l-artiklu deher f' In-Nazzjon, 2 ta' April 2016
Nessun commento:
Posta un commento