Il-jum tas-Sibt
huwa għal bosta il-bidu ta’ tmiem il-ġimgħa, għal dawk li jaħdmu mit-Tnejn
sal-Ġimgħa, is-Sibt huwa l-jum li fih isir il-qadi u xi xogħol ieħor li ma
jkunx jista’ jsir matul il-jiem l-oħra tal-ġimgħa. Hemm oħrajn li għalihom is-Sibt ifisser aktar
xogħol u hemm dawk li jaħdmu b’ roster u għalhekk ġieli jkunu xogħol u ġieli
jkunu franki. Hu x’ inhu, is-sibt huwa jum ta’ bosta impenji għal ħafna .
Shabbat – Saturday
Fl-ilsien Ingliż
dan il-jum jissejjaħ Saturday. Qatt staqsejt għaliex? Fid-dinja Rumana, qabel
it-twelid tal-Kristjaneżmu, dan kien il-jum iddedikat lil Saturnu, l-alla
tal-agrikultura, tal-ġid u għana, tal-abbundanza. Kien jissejjaħ Saturni dies, li minnu tnisslet il-kelma
Saturday.
Għal-Lhud dan
huwa il-jum qaddis li fih ma għandu jsir l-ebda xogħol għaliex anke Alla wara
l-ħolqien tad-dinja straħ. Fil-Bibbja nsibu li d-dinja nħalqet f’ sitt ijiem u
fis-seba’ jum il-Ħallieq straħ. Nafu li l-Bibbja la hija ktieb tax-xjenza u
lanqas tal-istorja imma xorta nżommu mat-tradizzjoni tagħha u naqsmu l-ġimgħa
fuq sebat ijiem, bħalma dejjem għamlu l-Lhud. Forsi din hija l-aktar sistema
korretta. Fil-fatt fi żmien ir-rivoluzzjoni Franċiża kienet bdiet sistema ta’
ġimgħa ta’ għaxart ijiem imma ftit li xejn damet. Ix-Shabbat għal-Lhud itemm
il-ġimgħa u jiġi osservat is-serħan mix-xogħol.
Il-kelma Shabbat ġejja mill-verb Shabat, li tfisser tieqaf minn xi
azzjoni li tkun qed tagħmel. Il-Lhud jemmnu li ladarba fil-Bibbja nsibu li wara
l-ħidma tiegħu Alla straħ, anke l-bniedem għandu jimita lill-Ħallieq. Din l-idea
ġieli toħloq kontroversji bejn Lhud konservattivi u oħrajn liberali jew persuni
ta’ twemmin ieħor. Dawn tal-aħħar isostnu li jekk Alla huwa onnipotenti, jekk
Alla huwa spirtu, ma jkollux għalfejn jistrieħ għaliex ma jgħejjiex. Bla ma
nidħol fil-kwistjoni ngħid biss li l-argument tal-mistrieħ ta’ Alla huwa frott
l-idea li l-bniedem għandu ta’ Alla, il-bniedem li jara lil Alla bħala bniedem
bħalu.
Hemm xi setet
Kristjani li wkoll iħarsu l-jum tas-Sibt bħala l-jum qaddis u li fih ma għandux
isir xogħol. Dawn huma ftit u l-aktar li jinstabu huma fl-Amerika.
Is-Sibt filgħodu
Minħabba r-realtà
li qegħdin ngħixu llum, is-Sibt għalina sar il-jum li fih ikollna nlaħħqu ma’
dak li ma nlaħħqux nagħmlu matul il-jiem l-oħra tal-ġimgħa. Illum bosta nisa u
ommijiet jaħdmu barra mid-dar mit-Tnejn sal-Ġimgħa u għalhekk f’ dan il-jum
japprofittaw irwieħom biex jagħmlu x-xiri u l-qadi li ma jlaħħqux jagħmlu.
Biżżejjed tgħaddi minn Vjal De La Cruz f’ Ħal Qormi xi darba s-Sibt filgħodu.
Hemmhekk jarmaw il-monti u allura bosta jmorru jagħmlu x-xirja tagħhom
dakinhar. Mhux Qriema biss imorru f’ dan
il-monti imma tara nies mill-irħula qrib bħal Ħaż-Żebbuġ, Ħal Luqa, il-Marsa,
Santa Venera u l-Ħamrun.
Is-Sibt filgħodu
huwa wkoll marbut mal-ħasil tal-art. Minħabba l-problema li semmejna diġà,
illum anke l-ħasil tal-ħwejjeġ qed isir is-Sibt filgħodu. Tradizzjonalment
il-ħasla tal-ħwejjeġ kienet issir it-Tnejn filgħodu, imma llum il-biċċa l-kbira
tan-nisa jkunu fi triqthom lejn ix-xogħol waqt li ommijiethom kienu jkunu
jaħslu l-ħwejjeġ. Nisa anzjani għadhom iżommu din id-drawwa. Fil-fatt ninnota
li l-attendenza għall-quddiesa tat-Tnejn filgħodu tkun inqas minn dik ta’ jiem
oħrajn.
Is-Sibt waranofsinhar
Waranofsinhar
aktarx li dak li jkun jistrieħ ftit. Tard waranofsinhar hemm min imur jisma’
l-quddies biex bħala jgħidu ħafna: ‘ikunu bil-lest’. Id-drawwa li l-obbligu
tal-quddiesa tal-Ħadd jista’ jsir is-Sibt wara l-4.30pm ġejja mingħand il-Lhud.
Għal-Lhud il-jum ma jibdiex mat-tokki ta’ nofsilejl imma ma’ nżul ix-xemx u
għalhekk għalihom is-Sibt jibda l-Ġimgħa filgħaxija. Billi l-fidi Nisranija
ħarġet minn dik Lhudija, ittieħdet din id-drawwa wkoll u għalhekk is-Sibt
filgħaxija jgħodd mal-Ħadd.
Is-Sibt bil-lejl
Is-Sibt fit-tard
aktarx li huwa merfugħ għall-ħruġ. Min imur jara film, min imur jiżfen, min
imur jiekol min imur jixrob xi ħaġa, min imur iżur lil xi ħadd tal-familja.
Skont l-età ta’ dak li jkun jinbidel il-post tal-ħruġ. Tiftakruh il-film Saturday Night Fever, li ħareġ fl-1977 u
kellu lil John travolta bħala protagonist? L-istorja tal-film mużikali hija
dwar żagħżugħ, Tony, li s-Sibt filgħaxija kien ifittex li jmur jiddeverti f’
diskoteka. Hemmhekk isib min jitfa’ għajnejh fuqu. Storja li min jaf kemm ġrat
tabilħaqq, mhux biss fil-film ta’ Trovolta!
Is-sibt
filgħaxija kien u għadu, u forsi żdiet ukoll, il-waqt tal-ħarġa. Il-ħaġa hi li
biex in-nies toħroġ u tiddeverti trid issib nies oħrajn li jissagrifikaw
is-Sibt filgħaxija biex jidħlu jaħdmu fil-postijiet tad-divertiment. Imma dik
hi l-ħajja!
Sibt il-Għid
Iżda llum
għall-ħafna ma huwiex Sibt bħall-oħrajn. Illum Sibt il-Għid, il-jum bejn
il-Ġimgħa l-Kbira u l-Għid il-Kbir, il-jum li fih in-Nisrani jħejji ruħu
għall-akbar festa tal-Knisja. Bħal-lum il-katekumeni kienu jiġu mgħammda u
milqugħin fi ħdan il-Knisja. Illum il-magħmudijiet isiru matul is-sena kollha
iżda fil-bidu tal-Knisja ma kienx hekk, kienu jsiru fil-ġurnata tal-lum.
Ovvajment għal min mhux membru fil-Knisja Kattolika ftit li xejn jinteressah
dan li qed ngħid, imma għat-tagħrif tiegħu tajjeb li jkun jafu.
Is-Sibt: wieħed
mis-sebat ijiem tal-ġimgħa imma kemm għandu karatteristiċi differenti mis-sitta
l-oħra!
Fr Reno Muscat
Dan l-artiklu deher f' In-Nazzjon 26 ta' Marzu 2016
Nessun commento:
Posta un commento