Visualizzazione post con etichetta kottonera. Mostra tutti i post
Visualizzazione post con etichetta kottonera. Mostra tutti i post

venerdì 20 marzo 2015

B’ tal-linja jaqbillek?


Kemm-il darba smajna l-kliem “B’ tal-linja jaqbillek”. Kien sar donnu slogan biex il-poplu juża l-mezzi pubbliċi aktar u jħalli l-karozza tiegħu fil-garage. Jien poġġejt punt interrogattiv wara din il-frażi biex b’ hekk qiegħed nistaqsi jekk b’ tal-linja jaqbillekx jew le.

Qlajt transfer
Dawn l-aħħar snin kont noqgħod il-Birgu. Ftit ġimgħat ilu ġarrejt għal tas-Sliema. Jekk inkun irrid nitkellem tqil ngħid li s-superjuri biddluli l-assenjazzjoni tiegħi. Jekk inkun irrid nuża kliem li jifhmu kulħadd ngħid li qlajt transfer. Tas-Sliema hawn realtà differenti għal kollox mill-Birgu. Hawn differenza li bilkemm temmen li bqajt fl-istess nazzjon. Fost id-differenzi li dlonk innutajt, hemm dik fejn jidħlu l-mezzi ta’ trasport. Fejn qabel kont b’ qalbi ttaqtaq li jwaqqafni xi ħadd fit-triq jiena u sejjer għal tal-linja, għax għal minuta titlef il-karozza tal-linja u għandu mnejn ikollok tistenna madwar siegħa oħra, hawnhekk is-servizz tal-karozzi tal-linja huwa aktar effiċċjenti, titlef waħda u wara ftit minuti tara oħra ġejja.

Imma minn tas-Sliema jgħaddu ukoll numru kbir ta’ karozzi privati meta mqabbel man-numru ta’ karozzi li għaddu mill-Kottonera. Għalhekk hemm tendenza li f’ ċerti ħinijiet jinħoloq it-traffiku u għalhekk vjaġġ minn tas-Sliema sal-Imsida, li suppost ma jdumx aktar minn kwarta, għandu mnejn joħodlok tliet kwarti jew siegħa. It-tort ma huwa ta’ ħadd, il-karozzi fit-toroq tagħna huma ħafna u t-toroq huma dawk li huma.

Lanċa ġejja u oħra sejra

Min ma jafx l-għanja popolari Maltija “Lanċa ġejja u oħra sejra, minn tas-Sliema għal Marsamxett”? Jekk fir-rush hour, vjaġġ minn tas-Sliema sal-Belt joħodlok siegħa, bil-lanċa tista’ tasal fi ftit minuti. U hawn nistaqsi għalfejn is-servizz tal-laneċ ma huwiex parti mill-kumpanija li tipprovdi s-servizz tal-karozzi tal-linja? Kieku bil-biljett tal-karozza tal-linja tkun tista’ tirkeb il-lanċa wkoll, bosta Maltin jibdew jużaw dan il-mezz.

U la qegħdin insemmu tas-Sliema u Marsamxett, nistaqsi mistoqsija oħra. X’ aħna nistennew biex naħsbu u nħaffru mina minn Manuel Island sal-Furjana u oħra minn ħdejn il-pixkerija l-Belt sa Bighi fil-Kalkara? Kieku kellhom isiru dawn iż-żewġ mini, twal xibrejn kollox, tkompli tonqos il-probelma tat-traffiku f’ Malta għax min ikun fin-nofsinhar ta’ Malta u jkun irid jersaq lejn tas-Sliema jew San Ġiljan ma jkollux għalfejn jgħaddi mill-Marsa u l-Imsida, żewġ punti li huma salib it-toroq ta’ bosta direzzjonijiet. Mini taħt il-baħar hawn kemm trid fid-dinja. Tkun Marsilja, biex nagħti eżempju wieħed biss, tkun qiegħed issuq mal-port, u tinżel f’ mina u x’ ħin titla’ ssib ruħek fuq in-naħa l-oħra tal-port. Għalfejn aħna naqtgħu qalbna minn ħaġa bħal din? Kieku anke vjaġġi b’ tal-linja jkunu iqsar.

Kenn mix-xemx u x-xita

Ladarba qegħdin nitkellmu fuq tal-linja, tajjeb insemmi l-kenn fejn il-passiġġieri jkunu jistgħu jistennew sakemm tasal il-karozza. Qiegħed nirreferi għal dawk tal-ħġieġ bil-poeżija ta’ Oliver Friggieri fuqhom. Għad li fid-dehra huma sbieħ, dawn il-kennijiet ma humiex prattiċi. Fis-sajf tmut bis-sħana fihom u fix-xitwa, r-riħ kiesaħ li jaħkem fihom tħossu jidħollok fl-għadam. Imma agħar minn  dawk il-waqfiet li għandhom kenn bħal dawn li qiegħed insemmi huma dawk il-waqfiet li ma għandhomx kenn. Dawn ma humiex waħdiet. Povri dawk li jkollhom jistennew f’ waqfiet bħal dawn. Imbagħad hemm anomalija oħra, hemm waqfiet ħdejn xulxin, xi wħud bil-kenn u oħrajn le. Qiegħed ngħid għall-waqfa tal-Bombi fil-Furjana. Fejn jieqfu l-karozzi li jmorru lejn il-Kottonera, iż-Żurrieq u dik iż-żona hemm kenn, imma fejn jieqfu l-karozzi li jkunu sejrin lejn ir-Rabat u ż-żona u Ħaż Żebbuġ u ż-żona ma hemmx kenn. Tajjeb li min hu inkarigat jieħu naqra ħsieb.

Tal-linja b’ xejn
Jiena nemmen li biex il-Maltin jibdew jużaw il-karozzi tal-linja, is-servizz għandu jkun bla ħlas. Taħsbux li qiegħed nitlef rasi, naf li hemm spejjes kbar involuti. Imma jekk it-trasport pubbliku jkun bla ħlas u n-nies tibda’ tużah aktar, jonqsu l-karozzi privati mit-toroq u għalhekk jonqos il-velenu li joħroġ fl-arja min dawn il-karozzi. Ladarba jonqos il-velenu fl-arja jonqos anke l-mard u għalhekk il-gvern tonqoslu l-ispiża tal-kura fl-isptarijiet. Il-miljuni frankati jkunu jistgħu jintużaw għat-trasport.  Mezz ieħor biex ikun iffinanzjat is-servizz huwa li kull min għandu t-tieni karozza f’ismu jkollu jħallas taxxa, issir roster meta jibdew joħorġu ċerti karozzi, jogħlew il-multi għal kontravenzjonijiet li jsiru fit-toroq u kollox imur biex jiġi ffinanzjat dan is-servizz. B’hekk il-poplu jkollu inċentiv li juża tal-linja u ladarab s-servizz ikun użat, dan jibda jaħdem b’mod effiċjenti.

Mhux lakemm taqbad u tbiddel biex iseħħ dak li qiegħed ngħid jiena, imma lanqas semmejt ħwejjeġ ta’ barra minn hawn. Bi pjan tajjeb jista’ jsir xi ħaġa biex ineħħu l-punt interrogattiv minn wara l-frażi: B’ tal-linja jaqbillek?


Fr Renò Muscat

Dan l-artiklu deher f' In-Nazzjon, 21 ta' Marzu, 2015




sabato 2 agosto 2014

Il-Port

Minkejja li l-mezzi tat-trasport tal-merkanzija inbidlu, xorta waħda l-port għad għandu s-sehem tiegħu fil-ħajja ta’ kull pajjiż modern. Fil-fatt xi pajjiżi li ma għandhomx port, minħabba li ma għandhomx baħar fil-konfini tagħhom, huma fost l-ifqar fid-dinja.

Importanza ta’ port
Meta fis-snin disgħin spiċċat ir-Repubblika Federali tal-Jugoslavja u l-pajjiżi li kienu jiffurmawha reġgħu bdew jitwaqqfu, il-Bożnija Ħerżegovina kienet sejra tispiċċa mingħajr aċċess għall-baħar. Mingħajr ma noqgħod insemmi l-ġlied u t-taqbid kollu li sar, spiċċajna biex dan il-pajjiż ingħata estensjoni ta’ art biex tal-anqas jista’ jkollu port. Konsegwenza ta’ dan il-Koroazja tinsab mifruda fiżikament minn din il-faxxa żgħira ta’ art Bożnijaka. Dan kollu juri l-importanza tal-port f’ nazzjon.

Bdil fil-kummerċ
Ftit ilu kelli nżur il-belt ta’ Marsilja. Din hija belt b’ wieħed mill-aktar portijiet attivi fin-nofsinhar ta’ Franza. Bħala għidt diġa, l-attivita portwali inbidlet ħafna u għalhekk ċerti spażji li kienu meħtieġa snin ilu, illum ma għadx għandhom użu. Għalhekk inħoloq post fejn il-pubbliku jista’ jippassiġġa. L-imħażen inbidlu fi ħwienet tal-ikel jew tal-ħwejjeġ u minn post mimli attività marbuta ma’ ħatt, ġarr u tgħabija sar post fejn dak li jkun  jista’ jmur jippassiġġa jew jiekol jew jixtri jew jiddeverti.
Nistħajjilkom tgħiduli li dwar dan li semmejt ma hemm xejn speċjali għax anke aħna l-Maltin l-imħażen ta’ Pinto fil-Marsa  bdilniehom f’ post mill-iktar sabiħ li llum nistgħu mmorru niddevertu fihom. Ovvjament il-proporzjon ta’ pajjiżna ma’ dak ta’ Franza jitlob li aħna jkollna kollox fuq ta’ daqs żgħir.

Il-Kottonera
Apparti l-Valletta Waterfront fil-Port il-Kbir għaddej proġett ieħor li ladarba jkun lest kollu għandu jkun lok mill-aqwa għall-attivitajiet kemm kummerċjali kif ukoll kulturali. Il-proġett tax-xatt tal-Kottonera ilna nisimgħu bih u kien anke suġġett ta’ diskussjonijiet u kontroversji.

Mort nimxi mixja mal-baħar tal-Kottonera u tabilħaqq ħadt gost. In-naħa tal-Birgu, taħt il-forti Sant Anġlu stħajjiltu Marsilja fiċ-ċokon jew Toulon – port ieħor fi Franza. In-naħa ta’ Bormla għadu għaddej ix-xogħol imma kollox jidher li ġej post sabiħ. Għoġbitni ħafna l-idea li xi makkinarju jew attrezzi li kienu jintużaw bit-tarzna sabu posthom fl-ambjent ta’ dan il-waterfront ġdid. Dawn tpoġġew bl-aktar mod professjonali li ma jistonawx mal-kumplament. Tassew prosit lil min ġietu din l-idea. L-Isla minn dejjem kellha xatt li jiġbed in-nies lejh, imma issa dan ġie rranġat b’ mod li jilqgħek aktar, bi spazju fejn wieħed jimxi, fejn tfal jistgħu jilgħabu u fejn familja tista’ tiekol jew tixrob xi ħaġa. Inħoss li l-parti tal-Isla f’ dan il-proġett hija aktar iddedikata għall-familja.

Post li jiġbed lejh in-nies
Minkejja li l-proġett għadu mhux lest, xorta waħda jista’ jitgawda u billi ninsabu fiż-żmien tas-sajf ikolli ngħid li qiegħed jitgawda sewwa. Imma matul il-mixja tiegħi iddisgustajt ruħi minħabba n-nuqqas ta’ ħsieb ta’ xi wħud. Biċċa pizza mormija fl-art! Kieku ma hemmx bramel għall-iskart paċenzja, imma l-post mimli bihom. Ftit għaġin mgħolli mħallat ma’ ikel tal-qtates imħolli fl-art! Dan ma ttiekilx mill-qtates imma beda jingarr min-nemel. Possibbli li min jitma’ lil dawn il-qtates ma jiġiehx f’ moħħu li dan huwa ħmieġ? U nista’ nibqa’ sejjer insemmi imma dawn iż-żewġ eżempji huma biżżejjed biex min irid jifhem jifhem.  Darba oħra nikteb dwar parti oħra tal-Port il-Kbir.

Il-port illum huwa post turistiku, ma għadux il-post fejn jiltaqa’ ma’ ħaddiema għarqana xraba, maħmuġin bil-ġarr tal-merkanzija jew ma tarznara imma sar lok ta’ negozju li jitlob ftit attenzjoni minn kulħadd, jekk irridu ngawdu minn f’ kull sens tal-kelma.


Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f' In-Nazzjon 2 ta' Awwissu 2014