sabato 2 agosto 2014

Il-Port

Minkejja li l-mezzi tat-trasport tal-merkanzija inbidlu, xorta waħda l-port għad għandu s-sehem tiegħu fil-ħajja ta’ kull pajjiż modern. Fil-fatt xi pajjiżi li ma għandhomx port, minħabba li ma għandhomx baħar fil-konfini tagħhom, huma fost l-ifqar fid-dinja.

Importanza ta’ port
Meta fis-snin disgħin spiċċat ir-Repubblika Federali tal-Jugoslavja u l-pajjiżi li kienu jiffurmawha reġgħu bdew jitwaqqfu, il-Bożnija Ħerżegovina kienet sejra tispiċċa mingħajr aċċess għall-baħar. Mingħajr ma noqgħod insemmi l-ġlied u t-taqbid kollu li sar, spiċċajna biex dan il-pajjiż ingħata estensjoni ta’ art biex tal-anqas jista’ jkollu port. Konsegwenza ta’ dan il-Koroazja tinsab mifruda fiżikament minn din il-faxxa żgħira ta’ art Bożnijaka. Dan kollu juri l-importanza tal-port f’ nazzjon.

Bdil fil-kummerċ
Ftit ilu kelli nżur il-belt ta’ Marsilja. Din hija belt b’ wieħed mill-aktar portijiet attivi fin-nofsinhar ta’ Franza. Bħala għidt diġa, l-attivita portwali inbidlet ħafna u għalhekk ċerti spażji li kienu meħtieġa snin ilu, illum ma għadx għandhom użu. Għalhekk inħoloq post fejn il-pubbliku jista’ jippassiġġa. L-imħażen inbidlu fi ħwienet tal-ikel jew tal-ħwejjeġ u minn post mimli attività marbuta ma’ ħatt, ġarr u tgħabija sar post fejn dak li jkun  jista’ jmur jippassiġġa jew jiekol jew jixtri jew jiddeverti.
Nistħajjilkom tgħiduli li dwar dan li semmejt ma hemm xejn speċjali għax anke aħna l-Maltin l-imħażen ta’ Pinto fil-Marsa  bdilniehom f’ post mill-iktar sabiħ li llum nistgħu mmorru niddevertu fihom. Ovvjament il-proporzjon ta’ pajjiżna ma’ dak ta’ Franza jitlob li aħna jkollna kollox fuq ta’ daqs żgħir.

Il-Kottonera
Apparti l-Valletta Waterfront fil-Port il-Kbir għaddej proġett ieħor li ladarba jkun lest kollu għandu jkun lok mill-aqwa għall-attivitajiet kemm kummerċjali kif ukoll kulturali. Il-proġett tax-xatt tal-Kottonera ilna nisimgħu bih u kien anke suġġett ta’ diskussjonijiet u kontroversji.

Mort nimxi mixja mal-baħar tal-Kottonera u tabilħaqq ħadt gost. In-naħa tal-Birgu, taħt il-forti Sant Anġlu stħajjiltu Marsilja fiċ-ċokon jew Toulon – port ieħor fi Franza. In-naħa ta’ Bormla għadu għaddej ix-xogħol imma kollox jidher li ġej post sabiħ. Għoġbitni ħafna l-idea li xi makkinarju jew attrezzi li kienu jintużaw bit-tarzna sabu posthom fl-ambjent ta’ dan il-waterfront ġdid. Dawn tpoġġew bl-aktar mod professjonali li ma jistonawx mal-kumplament. Tassew prosit lil min ġietu din l-idea. L-Isla minn dejjem kellha xatt li jiġbed in-nies lejh, imma issa dan ġie rranġat b’ mod li jilqgħek aktar, bi spazju fejn wieħed jimxi, fejn tfal jistgħu jilgħabu u fejn familja tista’ tiekol jew tixrob xi ħaġa. Inħoss li l-parti tal-Isla f’ dan il-proġett hija aktar iddedikata għall-familja.

Post li jiġbed lejh in-nies
Minkejja li l-proġett għadu mhux lest, xorta waħda jista’ jitgawda u billi ninsabu fiż-żmien tas-sajf ikolli ngħid li qiegħed jitgawda sewwa. Imma matul il-mixja tiegħi iddisgustajt ruħi minħabba n-nuqqas ta’ ħsieb ta’ xi wħud. Biċċa pizza mormija fl-art! Kieku ma hemmx bramel għall-iskart paċenzja, imma l-post mimli bihom. Ftit għaġin mgħolli mħallat ma’ ikel tal-qtates imħolli fl-art! Dan ma ttiekilx mill-qtates imma beda jingarr min-nemel. Possibbli li min jitma’ lil dawn il-qtates ma jiġiehx f’ moħħu li dan huwa ħmieġ? U nista’ nibqa’ sejjer insemmi imma dawn iż-żewġ eżempji huma biżżejjed biex min irid jifhem jifhem.  Darba oħra nikteb dwar parti oħra tal-Port il-Kbir.

Il-port illum huwa post turistiku, ma għadux il-post fejn jiltaqa’ ma’ ħaddiema għarqana xraba, maħmuġin bil-ġarr tal-merkanzija jew ma tarznara imma sar lok ta’ negozju li jitlob ftit attenzjoni minn kulħadd, jekk irridu ngawdu minn f’ kull sens tal-kelma.


Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f' In-Nazzjon 2 ta' Awwissu 2014

Nessun commento:

Posta un commento