
Liġi li ma tolqotnix
Kultant
aħna naħsbu li ordni jew liġi tkun tapplika għal kulħadd. Huwa veru li
l-liġi hija importanti u għandha tkun, imma ma jfissirx li dik il-liġi tkun
tapplika għal kulħadd. Xi rrid infisser sewwa b’ dan il-kliem? Biex nagħti
eżempju nista’ ngħid li nafu li teżisti liġi li f’ postijiet pubbliċi, bħal
swali taċ-ċinema, ristoranti, karozzi tal-linja u postijiet oħra ma jistax isir
tipjip. Jiena personali naf li teżisti dik il-liġi u hemm multi għal min jiksirha,
imma lili bl-ebda mod ma tolqotni għax jiena ma npejjipx. L-ordni li karozza ma
tistax tipparkja f’ post fejn ikun hemm miżbugħ sinjal isfar fl-art naħseb jafha
kulħadd. Lili tolqotni meta nkun bil-karozza imma lil min ma jafx isuq ftit li
xejn tagħmillu differnza jekk fl-art ikunx hemm sinjali sofor jew bojod jew
inkella ma jkun hemm xejn.
Ftehim dwar il-festi
Ninsabu
fl-eqqel tas-sajf. F’ pajjiżna l-aktar ħaġa li jikkaratterizza dan l-istaġun,
minbarra x-xtajtiet, huma l-festi tagħna. Ilna snin nisimgħu li dawn il-festi
jridu jkunu ikkontrollati għax qegħdin jitilfu kull sens li għalih inħolqu.
Imma wisq nibża’ li l-Knisja ppruvat toħloq pillola bħal dik li semmejt
bil-bidu. Riedet li kollox ikun standard,
kollox sterjotipat, kulħadd l-istess, kollox
ikontrollat minn ftehim wieħed li jkun jgħodd għal kulħadd. Ir-riżultat ma
hemmx għalfejn ngħidu x’ kien! Għadna kif konna qabel beda d-diskors dwar
il-ftehim.
Sitwazzjonijiet differenti
Meta
bniedem jaħseb li minn fuq skrivanija jista’ jkun jaf x’ inhu jiġri barra
t-triq jiżbalja. Dak li jkun irid iqum minn bilqegħda, joħroġ barra t-triq,
jitħallat man-nies li jkun hemm fit-triq u hemmhekk isir jaf sewwa x’ ikun
qiegħed jiġri. Jekk dan jibqa’ f’ kamartu joħloq illużjoni ta’ x’jista’ jkun
qiegħed jiġri barra, biss ma jkunx qiegħed jara l-verità imma sempliċiment jara
dak li jaħseb li hemm. Fil-kwistjoni tal-festi Maltin wieħed ma jistax jippretendi
li jkun jaf x’ qed jiġri jekk joqgħod biss fuq dak li jisma’. Irid iqum u jmur
jara b’ għajnejh hu stess.

Kif jista’ jkun li ftehim wieħed dwar il-festi Maltin
jikkontrolla dawn is-sitwazzjonijiet kollha. Jekk verament irridu li nsalvaw
il-festi tagħna irridu nistudjaw kull festa, waħda waħda u jsir ftehim għal
kull festa. Jekk hawn mitt festa hemm bżonn isir mitt studju u jekk ikun hemm
bżonn isir ukoll mitt ftehim. Jekk le, wisq nibża’ li kollox kif inhu ser
jibqa’, anżi l-affarijiet għandhom mnejn jiħżienu.
Fr Reno Muscat
Dan l-artiklu deher fin-Nazzjon 30 ta' Awwissu, 2014
Nessun commento:
Posta un commento