sabato 9 agosto 2014

Straġi inutli

Wara mitt sena inbidlu x-xeni, inbidlu l-atturi imma d-dramm baqa’ l-istess!


Sewwasew mitt sena ilu bdiet l-ewwel gwerra dinjija, jew kif baqgħet magħrufa, il-gwerra l-kbira. U tabilħaqq din kienet gwerra kbira li mhux biss biddlet l-istrateġija tal-gwerra iżda l-effetti tagħha biddlu wkoll l-istorja tad-dinja. Il-Papa Benedettu XV, li kien magħżul kap tal-Knisja Kattolika ftit ġimgħat wara l-bidu ta’ din il-gwerra kien qal li l-gwerra hija qerda ta’ xejn, sejħilha “Straġi inutli”. U tabilħaqq kienet straġi għax madwar 17-il miljun ruħ, bejn militari u ċivili kienu tilfu ħajjithom għalxejn. Ngħid għalxejn għax ftit snin wara t-tmiem ta’ din il-gwerra faqqgħet oħra akbar u li ġabet qerda u straġi bla qjies.

Mitt sena wara
Illum meta nħarsu lura u l-gwerra l-kbira narawha bħala oġġett tal-istorja, bla ma rridu ngħaqqdu dak li seħħ mitt sena ilu ma’ dak li qiegħed iseħħ fid-dinja llum. Kemm tixrid ta’ demm, kemm imwiet ta’ militari u ta’ nies ċivili smajna bihom dawn l-aħħar jiem! Bla ma trid tasal biex tgħid li l-bniedem ma tgħallimx mill-istorja, mill-passat relattivament riċenti. Allura il-kliem tal-Papa Benedettu XV jgħodd mhux biss għal dak li ġara mitt sena ilu imma għadu jgħodd għal dak li qiegħed jiġri llum ukoll. Fl-aħħar mill-aħħar illum ukoll qegħdin nassistu għal straġi inutli oħra.

Inbidel it-teatru
Nistgħu ngħidu li llum qegħda tirrepeti ruħha l-istorja ta’ mitt sena ilu. Jekk nemmnu bħal William Shakespeare li d-dinja hija teatru, inkunu nistgħu ngħidu wkoll li llum l-istess dramm qiegħed jerġa’ jinħadem b’ xeni u b’ atturi differenti. Illum l-istraġi qegħdin narawha fl-Iraq, fil-Lvant Nofsani, fil-Libja. Ma nistgħux ngħidu li dawn huma pajjiżi mbegħda minna u ma jolqtuniex għax ix-xtut ta’ Iżrael, tal-Palestina u tal-Libja jixxarrbu bl-istess baħar li jxarrbu xtutna. Mela nistgħu ngħidu li fit-teatru ta’ dak li qed jiġri fid-dinja bħalissa aħna ninsabu fil-filliera ta’ quddiem nett. Aħna qegħdin insegwu d-dramm mill-qrib, anzi ma nistgħux inkunu eqreb!

Involuti direttament
Jekk l-ewwel gwerra involviet lill-poplu kollu, min direttament u min indirettament, it-taqbid u l-ġlied ta’ dawn l-aħħar ġimgħat jinvolvu lilna wkoll b’ xi mod jew ieħor. Kull meta nisma’ b’ dak li qiegħed jiġri fl-Iraq niftakar f’ żewġ sorijiet Iraqqini li spiss kont niltaqa’ magħhom meta kont nistudja Bologna. Kont inkellimhom bil-Malti u kienu jifhmu. Min jaf x’sar minnhom? Min jaf kienux marru lura pajjiżhom wara li temmew l-istudji tagħhom? Tgħid għadhom ħajjin? Tgħid daqu l-martirju?

Meta nisma’ l-aħbarijiet ta’ dak li jiġri fix-xatt tal-Punent niftakar f’ meta kont pellegrinaġġ fit-Terra Santa. Anna u Aron, żewġ ħaddiema tal-lukanda li kont fiha u li konna sirna ħbieb. Tgħid għadhom jaħdmu hemmhekk? Tgħid tilfu lil xi ħadd għażiż għalihom fil-ġlidied bla għadd li kien hemm f’ dik in-naħa tad-dinja minn kemm ilni li iltqajt magħhom. Tgħid għadhom ħajjin huma stess? U min jaf x’ sar minn dawk it-tfal Palestinjani li kienu jiġu jiġru warajna biex ibiegħulna xi ħaġa kull darba li noħorġu mil-lukanda. Tgħid hemm minnhom li ħadu sehem fid-dramm imdemmi ta’ bejn il-Lhud u l-Palestinjani? Tgħid kemm hemm minnhom li llum jitqiesu bħala eroj minsija?

Il-każ tal-Libja jolqotna aktar mill-qrib għax minbarra li kienu involuti Maltin bħalna fl-aħbarijiet mondjali, dan huwa pajjiż ġar tagħna. Niftakar spiss fil-kollegi tiegħi, dawk li kont naħdem magħhom qabel ma dħalt fil-kunvent. Dawk li spiss konna naħdmu skrivanija ma’ skrivanija. Abdul, Muftaħ, Rais, Sami, Yusef. Tlift il-kuntatt magħhom, ma nafx x’sar minnhom. Tgħid kienu joħolmu li r-Rebbiegħa Għarbija ta’ ftit snin ilu kellha tkun waħda twila? Tgħid kienu protagonisti? Tgħid  …  …  nixtieq inlissen il-mistoqsija imma nħossha tqila wisq biex nistaqsiha għax dawn kienu sħabi tax-xogħol…  min jaf forsi llum ma għadhomx iżjed!

Xi straġi inutli, x’ telf!


Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher fin-Nazzjon, 9 ta' Awwissu 2014



Nessun commento:

Posta un commento