Visualizzazione post con etichetta Santa Maria Maggiore. Mostra tutti i post
Visualizzazione post con etichetta Santa Maria Maggiore. Mostra tutti i post

venerdì 10 aprile 2020

San Girgor


Waħda mid-drawwiet antiki tagħna l-Maltin hija li l-Erbgħa ta’ wara l-Għid il-Kbir issir il-festa hekk imsejħa ta’ San Girgor. Illum din il-festa tilfet ħafna mill-popolarità tagħha. Kien hemm żmien li dan il-jum kien ikun okkażjoni ta’ pellegrinaġġ li fih jieħdu sehem il-kleru ta’ Malta kif ukoll il-fratellanzi tal-parroċċi Maltin. Ġieli kienet tkun anke okkażjoni ta’ diżgwid jew ta’ pika. Bnedmin aħna! Illum din il-festa saret tkun ikkonċentrata fuq ix-xatt tar-raħal ċkejken ta’ Marsaxlokk. Ovvjament din is-sena l-ebda attività ma tista’ ssir minħabba l-qagħda li ninsabu fiha ħtija tal-imxija tal-Covid 19. Il-ħsieb tiegħi illum mhux li ngħid dwar id-drawwa tal-festa ta’ San Girgor iżda aktar dwar il-qaddis innifsu.

Il-bniedem
San Girgor kien papa li mexxa lill-Knisja bejn is-snin 590 u 604. Huwa magħruf bħala San Girgor il-kbir minħabba li fiż-żmien li kien imexxi lill-Knisja Kattolika rnexxielu jagħmel ċerti riformi kbar. Huwa twieled aktarx fis-sena 540 ġewwa l-belt ta’ Ruma. Ommu kienet Silvia, mara nobbli minn familja minn Sqallija filwaqt li missieru kien Ġordanu li kien jappartjeni għall-klassi aristokratika ta’ Ruma tal-qedem. Il-familja tiegħu kienet tappartjeni għall-Ġens Anici – razza li minnha kienu wkoll San Ġorġ Martri u Santa Krisitna Martri, li t-tnejn li huma ħallew ħajjithom għall-fidi Nisranija taħt l-Imperatur Dijoklezjanu snin qabel ma twieled Girgor.

Mill-għana għall-faqar
Kif rajna Girgor kien ġej minn familja stmata u għanja iżda huwa warrab il-ġid li kellu kif ukoll il-karriera politika li seta’ jkollu il quddiem u waqqaf monasteru ta’ irħieb Benedittini ġewwa d-dar tiegħu fejn sar wieħed minnhom hu stess. Huwa kien devot ħafna ta’ San Benedettu u fil-monasteru kien jistudja ħafna l-Kotba Mqaddsa. Ma damx wisq f’din il-ħajja għaliex fis-sena 578 il-Papa Benedettu I talbu biex ikun wieħed mis-seba’ djakni ta’ Ruma.

L-istatwa fuq Castel Sant Angelo
Bejn is-snin 589 u 590 il-peninżula Taljana għaddiet minn żmien ikrah. Minbarra li t-temp ħażin għamel ħafna ħsara kien hemm invażjoni mil-Longobardi. Biex il-qagħda tkompli titgħarraq faqqet il-pesta. Kollox ma’ kollox. Bejn bil-maltempati, kemm bil-gwerra kif ukoll bil-pesta tilfu ħajjithom eluf ta’ nies fosthom il-Papa Pelaġju II li miet bil-pesta fis-7 ta’ Frar tas-sena 590. Sas-sajf ta’ dik is-sena il-qagħda kienet għadha xejn sabiħa u nhar id-29 ta’ Awwissu waqt li Girgor kien qiegħed jipprietka, ħeġġeġ lin-nies ta’ Ruma biex għal tliet ijiet wara xulxin jagħmlu purċissjoni lejn il-bażilika ta’ Santa Maria Maggiore.

Jingħad li waqt li Girgor kien qiegħed fuq quddiem tal-purċissjoni, waqt li din kienet waslet fuq il-pont li jaqsam ix-xmara Tevere min-naħa tal-Vatikan, pont li kien jissejjaħ Elio jew ta’ Adrijanu, deher l-Arkanġku San Mikiel fuq il-fortizza . Din id-dehra kienet interpretata bħala s-sinjal li l-epidemija tal-pesta kienet waslet fi tmiemha.  Minn dak iż-żmien dik il-fortizza ingħatat l-isem ta’ Castel Sant’ Angelo u l-pont ta’ quddiemha Ponte Sant’ Angelo. U hekk għadhom sal-lum.

Papat
Ma rridux ninsew li meta seħħet id-dehra tal-Arkanġlu, il-Knisja kienet ilha xhur mingħajr mexxej. Fit-3 ta’ Settembru ta’ dik is-sena stess Girgor intgħażel biex imexxi hu l-Knisja. Papat ta’ tlettax-il sena u nofs li fihom huwa pprova jsib qbil mal-Longobardi, aġġorna u rregola lill-Kurja Rumana u wettaq bosta riformi oħra. Tajjeb insemmu li f’dik l-istess sena li Girgor laħaq Papa, fil-bażilika ta’ Santa Maria Maggiore waslet l-ikona tant għażiża u devota tal-Madonna bit-titlu Salus Popoli Romani – Saħħa tal-Poplu ta’ Ruma. Jingħad li din waslet Ruma mill-gżira ta’ Kreta u l-Papa Gregorju nnifsu mar jilqagħha minn fuq dgħajsa fuq ix-xmara Tevere.

Kant
Marbut ma’ isem dan il-papa hemm dak it-tip ta’ kant li wkoll jissejjaħ b’ismu: il-Gregorjan. Kien dan il-papa li daħħal dan il-kant fil-liturġija tal-Knisja Latina. Xi storiċi tal-Knisja jsostnu li dan il-kant iddaħħal fil-liturġija sekli wara l-Papa Girgor il-kbir, imma hu x’inhu issa hemm qiegħed u jġib ismu wkoll!

Kienu qaluli li dan il-kant, li ma jkunx akkumpanjat minn mużika, jinkiteb fuq erba’ linji mhux bħall-mużika l-oħra li n-noti tagħha jinkitbu fuq ħames linji.

Parroċċi
Il-Parroċċa ta' Kerċem
Tajjeb fl-aħħar nett insemmu li f’pajjiżna għandna parroċċa ġewwa tas-Sliema taħt il-patroċinju ta’ dan il-qaddis. Din il-knisja nbniet fuq xewqa tal-Isqof ta’ Malta Mawru Caruana kważi mitt sena ilu u saret parroċċa fl-1943. Għawdex insibu lil San Girgor bħala Ko-Patrun tal-Parroċċa ta’ Kerċem flimkien mal-Madonna tas-Sokkors. Il-knisja ta’ dan ir-raħal saret parroċċa fl-1885. Ma nistgħux inħallu barra l-kappella ta’ Santa Katerina iżda magħrufa bħala San Girgor li nsibu fiż-Żejtun, marbuta mal-festa li ssir l-Erbgħa ta’ wara l-Għid.

Fr Reno Muscat


Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 11 ta' April 2020




sabato 28 luglio 2018

Bażilika


Illum, 29 ta’ Lulju 2018, huwa jum li se jibqa’ miktub b’ittri tad-deheb fl-istorja tal-Mosta għaliex il-knisja parrokkjali ta’ dan ir-raħal sejra tingħata t-titlu ta’ Bażilika. Bosta qegħdin jistaqsu xi tfisser Bażilika.

L-erba’ Bażiliċi prinċipali jinstabu Ruma. Dawn huma San Ġwann Lateran, omm il-knejjes kollha tad-dinja u katidral ta’ Ruma, San Pietru fil-Vatikan fejn hemm it-tmexxija tal-Knisja Universali, Santa Maria Maggiore u San Paolo fuori la Mura. Il-Bażiliċi l-oħrajn jissejħu Bażiliċi Minuri għax huma affiljati, speċi ta’ ulied xi waħda minn dawn il-Bażiliċi prinċipali.

F’Malta u Għawdex għandna numru ta’ knejjes li jġibu dan it-titlu. L-ewwel Bażilika li saret f’pajjiżna kienet dik tal-Portu Salvu u San Dumiknu ġewwa l-Belt Valletta. Din il-knisja tgħolliet għad-dinjità ta' Bażilika Minuri fil-25 ta' Mejju 1816, aktar minn mitejn sena ilu! Fl-1895 il-knisja tal-Madonna tal-Karmnu tal-Belt Valletta wkoll ingħatalha dan it-titlu. Fl-1921 il-knisja tal-Isla li kienet Kolleġġjata sa mill-1786 tgħolliet għad-dinjità ta’ Bażilika. Il-knisja ta’ Santa Liena f’Birkirkara li kienet kolleġġjata sa mill-1630, saret Bażilika fl-1950.  Il-knisja parrokkjali tan-Nazzarenu f’Tas-Sliema hija Bażilika u ħadd ma jsejħilha b’ dan it-titlu. L-istess l-għar tal-Madonna fil-knisja tad-Dumnikani tar-Rabat kif ukoll il-knisja tad-Duluri f’Ħaż Żebbuġ. Dawn huma Bażiliċi wkoll imma ftit li xejn jiġu rriferuti bit-titli li għandhom.

Ġewwa d-Djoċesi Għawdxija nsibu numru ta’ Bażiliċi. Dawn huma: San Ġorġ tar-Rabat imwaqqfa Bażilika fl-1958, Il-knisja tal-Bambina fix-Xaghra, dik ta’ San Pietru u San Pawl fin-Nadur u l-knisja tal-Viżitazzjoni fl-Għarb ilkoll saru Bażiliċi fl-1967. Ġewwa l-Għarb ukoll insibu l-Bażilika tal-Madonna ta’ Pinu. Ma' dawn inżidu wkoll il-kappella tal-Madonna tal-Patroċinju li nsibu fir-raħal tal-Għasri li hija wkoll Bażilika. 

Xi tfisser Bażilika
Xi jfisser li knisja tkun Bażilika? Huma titli ta’ rispett lejn lok reliġjuż li jkun jixraqlu ċerta stima minħabba l-popolarità tiegħu. Kieku jkollna nikkomparaw il-knejjes mal-bnedmin inkunu nistgħu ngħidu li jeżistu titli differenti lill-persuni differenti. Lit-tabib insejħulu Dott, lin-nutar ngħajtulu Manifk, lill-avukat nindirizzawh b’Sinjur, lill-bennejn ngħidulu Mgħallem, imma lkoll huma bnedmin li twieldu bla ħwejjeġ u lkoll sejrin jintemmu fl-istess post, iżda minħabba n-natura tax-xogħol li jagħmlu nagħtuhom titli differenti.

L-għan tal-Knisja (bil-K kbira) Universali huwa x-xandir tal-kelma ta’ Alla u s-salvazzjoni tal-erwieħ. Dan isir permezz tas-sagramenti. Issa sagrament jista’ jsir fil-Vatikan, f’Bażilika, fi knisja Arċipretali, fi knisja ċkejkna jew f’kappella mitlufa f’nofs ir-raba’, xorta waħda huwa l-istess sagrament. Is-sustanza tas-sagrament ma tinbidilx skont il-post li fih jiġi amministrat. Il-post huwa aċċidentali u jista’ jinbidel, imma s-sustanza ma tinbidel qatt u għalhekk jekk wieħed jirċievi sagrament f’Bażilika huwa l-istess daqs li kieku jirċievih f’ kappella ċkejkna qalb l-għelieqi.

Allura b’dan l-argument ikun hawn min jistaqsi: għalfejn jingħataw dawn it-titli? Ma rridux ninsew li ċerti knejjes għandhom storja kbira, oħrajn fihom xi devozzjoni partikolari u għalhekk iżuruhom bosta nies. Bħala rikonoxximent jistgħu jingħataw titlu bħal ta’ Bażilika, li jingħata mill-Papa.

Il-Knisja tal-Mosta għandha storja twila u l-qagħda ġeografika tagħha tiġbed lejha bosta nies, l-aktar turisti. Kienet il-knisja li serviet lid-dinjitarji li fl-1913 ġew Malta għall-Kungress Ewkaristiku. Hija l-knisja li fit-tieni gwerra dinjija daqet l-azzar tal-għadu iżda baqgħet wieqfa u soda. Hija knisja li fiha ċerta devozzjoni u għalhekk sejra tingħata din id-dinjità. Taħsbux li t-triq hija faċli jew qasira, le le, hija twila aktar milli wieħed jaħseb.

Ħa ngħidilkom kurżità dwar din il-Bażilika ġdida! Fil-pjanti oriġinali tar-Rotunda, wieħed mill-kwadri fuq artal laterali huwa ta' San Ġorġ Martri. U mhux bil-fors ladarba l-perit tagħha kien iġib ismu, Giorgio Grognet de Vassé!

Jekk hemm min jaħseb li l-għoti tat-titlu ta’ Bażilika hija xi ħaġa li ma għadiex tingħata ikun sejjer żball. Xi knejjes ta’ ċerta importanza jiġu iddikkjarati Bażiliċi tista’ tgħid mill-bidu tal-eżistenza tagħhom. Dawk kollha li xi darba marru Lourdes jafu li hemmhekk hemm il-Bażilika ta’ San Piju X, knisja taħt l-art mibnija bil-konkos li ma fiha l-ebda opri artistiċi, imma minħabba l-importanza tagħha ingħatat it-titlu ta’ Bażilika.

Mil-lum fid-djoċesi tagħna ser ikollna Bażilika ġdida mal-għadd li diġà jeżistu. Jalla ma tkunx tal-aħħar!

Fr Reno Muscat





sabato 16 dicembre 2017

Il-presepju

Resqin lejn il-festa tal-Milied u għalhekk tajjeb li nidħlu ftit fl-ispirtu ta’ din il-festa li tant hija maħbuba. Jekk hemm drawwa mifruxa tista’ tgħid mad-dinja kollha hija dik li jintrama x-xena tat-twelid ta’ Ġesù, dak li nsjeħulu l-presepju. Ejjew nibdew naraw xi ftit tagħrif dwar il-presepju.

Il-kelma presepju ġejja mill-kelma Latina praesaepe li tfisser maxtura. Ir-rakkont tat-twelid ta’ Ġesù, sewwasew ix-xena li jirrappreżenta l-presepju, insibuha sew fl-Evanġelju skont San Luqa kif ukoll f’dak skont San Mattew. Iżda mhux biss, dan ir-rakkont insibuh ukoll f’kitbiet oħrajn; f’dawk li jissejħu Evanġelji apokrafi, jiġifieri kotba li ma nsibuhomx fil-Bibbja. Minn dawn tal-aħħar ħadna xi drawwiet, bħal pereżempju l-baqra u l-ħmara li npoġġu fejn il-Bambin.

L-ewwel Insara kienu jpittru din ix-xena fuq il-ħitan fejn jiltaqgħu u fil-katakombi. Meta żmien il-persekuzzjoni tal-Insara spiċċa bdew jinbnew il-knejjes u x-xena tat-twelid ta’ Ġesù bdejna spiss narawha mpittra fihom. Għall-ħabta tal-1200 bdejna naraw l-ewwel statwi li jirrappreżentat din il-ġrajja.
L-ewwel presepju
It-tradizzjoni tgħid li x-xena tat-twelid ta’ Ġesù saret l-ewwel darba fl-1223 minn San Franġisk ta’ Assisi. Illum kulħadd iqis lil dan il-qaddis bħala l-fundatur tal-presepju. Din l-idea kienet ġiet f’moħħu sena qabel, meta kien qiegħed iżur Betlem. Tajjeb ngħidu li dak iż-żmien fil-knejjes ma kien jista’ jsir l-ebda forma ta’ rappreżentazzjoni teatrali. Franġisku talab lill-Papa Onorju III  biex jagħtih permess jagħmel xena tal-Milied bin-nies ħajjin, iżda l-Papa minflok tah permess jagħmel din ir-rappreżentazzjoni fil-knisja, tah il-permess biex fil-lejl tal-Milied jagħmel quddiesa barra u fiha ssir din ix-xena. Hekk ġara u fil-lejl tal-Milied ta’ dik is-sena, ir-raħal ta’ Greccio fl-Umbria, inbidel f’Betlem. Ir-raħħala lestew l-għar mixgħul bil-fjakkli filwaqt li ġabu baqra u ħmara għal ħdejn il-maxtura mimlija bit-tiben. Ġuvni u xebba tlibbsu ta’ Ġużeppi u Marija. Il-Bambin kien tat-tafal imma jingħad li dak il-lejl kien hemm min rah jieħu l-ħajja. Dan kien l-ewwel presepju, ix-xena l-aktar bażika. Maż-żmien bdew jiżdiedu aktar personaġġi.

Aktar personaġġi
L-ewwel presepju bil-personaġġi jmur lura għas-sena 1283. Kien Arnolfo di Cambio li naqax tmien statwi tal-injam li minbarra l-figuri tradizzjonali kienu juru wkoll lis-Slaten Maġi. Dan il-presepju għadna nsibuh fil-Bażilika ta’ Santa Maria Maggiore f’Ruma. Din il-ħaġa malajr intgħoġbot u bdejna naraw presepji b’għadd ta’ personaġġi kemm fit-Toscana kif ukoll fir-Renju ta’ Napli.

Matul is-XVII u t-XVIII-il seklu, l-artisti Naplitani flimkien mal-figuri tradizzjonali bdew iżidu personaġġi li kienu familjari magħhom. Ma kienx faċli li wieħed imur Betlem allura n-Naplitani riedu jwelldu lil Ġesù f’belthom. B’hekk f’dan il-presepju bdejna naraw għadd ta’ persuni u ħaddiema ta’ snajja differenti kif ukoll xeni mill-ħajja Naplitana bħall-familja miġbura madwar il-mejda mimlija b’kull xorta ta’ ikel u nbid jew il-mara tonxor il-ħwejjeġ barra l-gallarija. Żgur ma jkunx komplut presepju Naplitan jekk ma jkunx fih il-pizzar jaħmi l-pizza, l-aktar ikla popolari f’Napli. Il-pasturi jkollhom ir-ras, l-idejn u s-saqajn tal-fuħħar u l-ġisem pupazz magħmul mill-fildiferru u spag. Imbagħad jitlibbsu lbies rikk b’satin, bizzillel u rakkmijiet. Din id-drawwa daħlet sewwa u għadna nsibuha fil-presepju Naplitan. Illum minbarra snajja jew xeni popolari nsibu wkoll pasturi ta’ persuni magħrufin fil-qasam politiku jew sportiv li lkoll isibu posthom fil-presepju Naplitan. Dan għaliex iridu li lil Ġesù joffrulu xena mill-aktar reali ta’ pajjiżhom biex jitwieled fosthom. Il-presepju Naplitan huwa magħruf mad-dinja kollha u sar sinonimu mal-belt tant li hemm triq li l-ħwienet tagħha, is-sena kollha jbiegħu biss presepji u aċċessorji għalih.

Il-presepju f’Malta
Malta wkoll għandha d-drawwa tal-presepju għad li ma nafux kif infirxet din id-drawwa.  Aktarx li l-ewwel presepju f’pajjiżna sar fil-knisja tal-Madonna tal-Għar fir-Rabat. Qegħdin insemmu l-ħabta tas-sena 1617, imma la nafu ta’ xiex kien u lanqas kif kien. Żgur li llum minn dan il-presepju ma fadal xejn. Tajjeb ngħidu li l-patrijiet Dumnikani, li tagħhom hija din il-knisja, dak iż-żmien kienu jagħmlu parti mill-provinċja Dumnikana ta’ Sqallija u għalhekk xi patrijiet Sqallin żgur li kienu jiġu fil-kunvent tar-Rabat, aktar u aktar għaliex fl-1609 f’dan il-kunvent infetaħ in-novizzjat, allura nassumu li xi novizz jew xi patri Sqalli ġab miegħu l-presepju minn pajjiżu u ramah fil-knisja jew bena wieħed hawn Malta skont id-drawwa ta’ Sqallija.

Illum il-presepju f’Malta sar popolari minkejja li kien hawn żmien fejn din id-drawwa kieent donnha bdiet tgħib għal kollox minn pajjiżna. Bis-saħħa tal-Għaqda Ħbieb tal-Presepju din id-drawwa reġgħet daħlet sewwa f’artna.

Hemm ħafna aktar x’ngħidlu dwar il-presepju u għalhekk is-Sibt li ġej, meta l-Milied ikun jonqsu biss jumejn, inkompli nwassal xi tagħrif dwaru. Mela nagħmlu appuntament għal bħal-lum ġimgħa.


Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f;In-Nazzjon - 16 ta' Diċembru 2017