Resqin lejn il-festa
tal-Milied u għalhekk tajjeb li nidħlu ftit fl-ispirtu ta’ din il-festa li tant
hija maħbuba. Jekk hemm drawwa mifruxa tista’ tgħid mad-dinja kollha hija dik
li jintrama x-xena tat-twelid ta’ Ġesù, dak li nsjeħulu l-presepju. Ejjew nibdew
naraw xi ftit tagħrif dwar il-presepju.
Il-kelma presepju ġejja
mill-kelma Latina praesaepe li
tfisser maxtura. Ir-rakkont tat-twelid ta’ Ġesù, sewwasew ix-xena li jirrappreżenta
l-presepju, insibuha sew fl-Evanġelju skont San Luqa kif ukoll f’dak skont San
Mattew. Iżda mhux biss, dan ir-rakkont insibuh ukoll f’kitbiet oħrajn; f’dawk
li jissejħu Evanġelji apokrafi, jiġifieri kotba li ma nsibuhomx fil-Bibbja.
Minn dawn tal-aħħar ħadna xi drawwiet, bħal pereżempju l-baqra u l-ħmara li
npoġġu fejn il-Bambin.
L-ewwel Insara kienu
jpittru din ix-xena fuq il-ħitan fejn jiltaqgħu u fil-katakombi. Meta żmien
il-persekuzzjoni tal-Insara spiċċa bdew jinbnew il-knejjes u x-xena tat-twelid
ta’ Ġesù bdejna spiss narawha mpittra fihom. Għall-ħabta tal-1200 bdejna naraw
l-ewwel statwi li jirrappreżentat din il-ġrajja.
L-ewwel presepju
It-tradizzjoni tgħid li x-xena
tat-twelid ta’ Ġesù saret l-ewwel darba fl-1223 minn San Franġisk ta’ Assisi.
Illum kulħadd iqis lil dan il-qaddis bħala l-fundatur tal-presepju. Din l-idea
kienet ġiet f’moħħu sena qabel, meta kien qiegħed iżur Betlem. Tajjeb ngħidu li
dak iż-żmien fil-knejjes ma kien jista’ jsir l-ebda forma ta’ rappreżentazzjoni
teatrali. Franġisku talab lill-Papa Onorju III
biex jagħtih permess jagħmel xena tal-Milied bin-nies ħajjin, iżda
l-Papa minflok tah permess jagħmel din ir-rappreżentazzjoni fil-knisja, tah
il-permess biex fil-lejl tal-Milied jagħmel quddiesa barra u fiha ssir din
ix-xena. Hekk ġara u fil-lejl tal-Milied ta’ dik is-sena, ir-raħal ta’ Greccio fl-Umbria,
inbidel f’Betlem. Ir-raħħala lestew l-għar mixgħul bil-fjakkli filwaqt li ġabu
baqra u ħmara għal ħdejn il-maxtura mimlija bit-tiben. Ġuvni u xebba tlibbsu
ta’ Ġużeppi u Marija. Il-Bambin kien tat-tafal imma jingħad li dak il-lejl kien
hemm min rah jieħu l-ħajja. Dan kien l-ewwel presepju, ix-xena l-aktar bażika.
Maż-żmien bdew jiżdiedu aktar personaġġi.
Aktar personaġġi
L-ewwel presepju
bil-personaġġi jmur lura għas-sena 1283. Kien Arnolfo di Cambio li naqax tmien
statwi tal-injam li minbarra l-figuri tradizzjonali kienu juru wkoll lis-Slaten
Maġi. Dan il-presepju għadna nsibuh fil-Bażilika ta’ Santa Maria Maggiore f’Ruma.
Din il-ħaġa malajr intgħoġbot u bdejna naraw presepji b’għadd ta’ personaġġi
kemm fit-Toscana kif ukoll fir-Renju ta’ Napli.
Matul is-XVII u t-XVIII-il
seklu, l-artisti Naplitani flimkien mal-figuri tradizzjonali bdew iżidu
personaġġi li kienu familjari magħhom. Ma kienx faċli li wieħed imur Betlem
allura n-Naplitani riedu jwelldu lil Ġesù f’belthom. B’hekk f’dan il-presepju bdejna
naraw għadd ta’ persuni u ħaddiema ta’ snajja differenti kif ukoll xeni
mill-ħajja Naplitana bħall-familja miġbura madwar il-mejda mimlija b’kull xorta
ta’ ikel u nbid jew il-mara tonxor il-ħwejjeġ barra l-gallarija. Żgur ma jkunx
komplut presepju Naplitan jekk ma jkunx fih il-pizzar jaħmi l-pizza, l-aktar
ikla popolari f’Napli. Il-pasturi jkollhom ir-ras, l-idejn u s-saqajn
tal-fuħħar u l-ġisem pupazz magħmul mill-fildiferru u spag. Imbagħad jitlibbsu
lbies rikk b’satin, bizzillel u rakkmijiet. Din id-drawwa daħlet sewwa u għadna
nsibuha fil-presepju Naplitan. Illum minbarra snajja jew xeni popolari nsibu
wkoll pasturi ta’ persuni magħrufin fil-qasam politiku jew sportiv li lkoll
isibu posthom fil-presepju Naplitan. Dan għaliex iridu li lil Ġesù joffrulu
xena mill-aktar reali ta’ pajjiżhom biex jitwieled fosthom. Il-presepju
Naplitan huwa magħruf mad-dinja kollha u sar sinonimu mal-belt tant li hemm
triq li l-ħwienet tagħha, is-sena kollha jbiegħu biss presepji u aċċessorji
għalih.
Il-presepju f’Malta
Malta wkoll għandha
d-drawwa tal-presepju għad li ma nafux kif infirxet din id-drawwa. Aktarx li l-ewwel presepju f’pajjiżna sar
fil-knisja tal-Madonna tal-Għar fir-Rabat. Qegħdin insemmu l-ħabta tas-sena
1617, imma la nafu ta’ xiex kien u lanqas kif kien. Żgur li llum minn dan
il-presepju ma fadal xejn. Tajjeb ngħidu li l-patrijiet Dumnikani, li tagħhom
hija din il-knisja, dak iż-żmien kienu jagħmlu parti mill-provinċja Dumnikana
ta’ Sqallija u għalhekk xi patrijiet Sqallin żgur li kienu jiġu fil-kunvent
tar-Rabat, aktar u aktar għaliex fl-1609 f’dan il-kunvent infetaħ in-novizzjat,
allura nassumu li xi novizz jew xi patri Sqalli ġab miegħu l-presepju minn
pajjiżu u ramah fil-knisja jew bena wieħed hawn Malta skont id-drawwa ta’ Sqallija.
Illum il-presepju f’Malta
sar popolari minkejja li kien hawn żmien fejn din id-drawwa kieent donnha bdiet
tgħib għal kollox minn pajjiżna. Bis-saħħa tal-Għaqda Ħbieb tal-Presepju din
id-drawwa reġgħet daħlet sewwa f’artna.
Hemm ħafna aktar x’ngħidlu
dwar il-presepju u għalhekk is-Sibt li ġej, meta l-Milied ikun jonqsu biss
jumejn, inkompli nwassal xi tagħrif dwaru. Mela nagħmlu appuntament għal
bħal-lum ġimgħa.
Fr Reno Muscat
Dan l-artiklu deher f;In-Nazzjon - 16 ta' Diċembru 2017
Nessun commento:
Posta un commento