Il-ġimgħa l-oħra għamilt appuntament magħkom għal-lum biex inkomplu naraw
xi ftit tagħrif dwar il-presepju. Mhux se ngħidu kollox għax hemmbosta x’wieħed
jikteb dwar din id-drawwa sabiħa, imma llum inkomplu naraw xi ħaġa oħra. Illum nixtieq
inwasslilkom xi tagħrif li ġbart dwar il-presepju Barokk. Forsi s-snin li għext
fil-belt ta’ Napli kabbru fija l-imħabba lejn dan it-tip ta’ presepju. Naf li
huma ħafna uj ħafna dawk li bħali jogħxew wara l-presepju Barokk u għalhekk
sejjer inwassal dan li sirt naf.
Il-presepju Barokk
It-twelid ta’ Ġesù kien nieqes minn kull kumdità, anzi nistgħu ngħidu li
lanqas dak l-aktar bażiku ma kellu. Madanakollu nsibu linja ta’ presepji li ma
juru xejn il-faqar li fih Marija welldet lil binha, anzi għall-kuntrarju dawn
ikunu mgħonija b’kull tip ta’ rikkezzi. Dan il-fatt għandu mnejn iħawwad lil xi
wħud għaliex jiġu fid-diffikultà jekk Kristu twelidx fil-faqar kif insibu
rrakkuntat fl-Evanġelji jew inkella fil-lussu li juru dawn il-presepji. Aktarx
li dan it-tip ta’ presepju għandu xewqa antropoloġika warajh. In-Nisrani jaf li
Ġesù huwa l-iben ta’ Alla u jaf ukoll li twieled mhux għax kellu bżonn
jitwieled imma biex isalva lilna. Hija ħaġa ta’ għajb li jitwieled Bin Alla u d-dinja ma tagħtihx
l-aqwa post fejn jara l-ewwel raġġ ta’ dawl. Il-kliem fl-Evanġelju skont San
Ġwann “Ġie f'daru, u niesu ma laqgħuhx.” [Ġw:1:11] xtaqu b’xi mod ipattu
għalih. Il-bidu tal-presepju Barokk beda fost in-nobbli u għalhekk dawn riedu
li x-xena li tirrappreżenta t-twelid tal-Messija ma tkunx dik fqira kif tassew
kienet f’Betlem imma sabiħa u lussuża kemm jista’ jkun biex bħal speċi jpattu
tan-nuqqas li għamlu n-nies ta’ żmienu.
Il-presepju Naplitan huwa dak l-aktar magħruf f’din il-linja ta’ presepji,
iżda tajjeb ngħidu li ma huwiex waħdu fuq il-lista. Il-Presepji ta’ Ġenova u
ta’ Bologna kellhom ukoll mixja kbira lejn il-presepju Barokk.
Mill-ewwel nofs tas-seklu XVI sal-ewwel deċenji tas-seklu XIX, Ġenova sewwasew
bħal Napli kienet wieħed miċ-ċentri l-aktar attivi fil-produzzjoni tal-presepji.
Bosta ħwienet tax-xogħol kien isir fihom l-iskultura tal-pasturi tal-injam.
Dawn kienu jinżebgħu fil-partijiet li jidhru u jitlibbsu bi drappijiet fini u
prezzjużi bħal lama, brukkat, satin, damask u kull tip ta’ materjal rikk. Dawn il-pasturi kienu mbagħad ikomplu jiġu
mogħnija b’aċċessorji xejn inqas għanja biex jikkumplimentaw lill-ilbies.
Għalhekk fil-presepju Barokk naraw in-nisa bl-imsielet, ċpiepet, ġiżirajjen u
dekorazzjoniet oħra. Il-presepju tradizzjonali ta’ Bologna ma fihx pasturi bi
lbies veru iżda figuri tal-fuħħar bi lbieshom maħruġ mix-xbieha stess, kif
naraw anke fil-presepju Malti, iżda l-mod li kienu jinżebgħu jagħmel dan il-presepju
fil-lista tal-Barokk.
Il-pasturi tal-presepju Naplitan huma maħdumin differenti minn dawk ta’
Ġenova u Bologna. Dawn bdew isiru bir-ras tal-porċellana, l-idejn u s-saqajn
tal-injam u l-ġisem maħdum bi ċraret u spag fuq il-fildiferru. Dawn il-pasturi
kienu wkoll iżgħar fid-daqs minn dawk ta’ bliet Taljani oħrajn magħrufin
għall-presepji. Vantaġġ li l-pasturi ta’
Napli kellhom fuq oħrajn kien li dawn setgħu tinbidlilhom il-pożizzjoni tagħhom
għaliex il-korp kien mibni fuq fildiferru li faċli jitgħawweġ, ħaġa li la
fil-pasturi tal-injam ta’ Ġenova u lanqas f’dawk tal-fuħħar ta’ Bologna ma
setgħet issir. Din il-ħaġa ffavuriet lill-presepju Naplitan biex isir fost
l-aktar magħrufin fid-dinja.
Filwaqt li l-presepju tipiku ta’ Napli fih ħafna personaġġi, annimali,
ħtiġijiet ta’ kuljum bħal ikel jew ħwienet tax-xogħol ta’ bosta snajja
importanti għall-ħajja tal-bniedem kif ukoll bosta dettalji realistiċi, dak
Ġenoviż huwa nieqes mill-personaġġi u mid-dettalji sekondarji, iżda l-pasturi
ta’ Ġenova huma akbar minn dawk ta’ Napli. Dettall li nsibu fil-presepju
Ġenoviż huwa l-fatt kurjuż li l-Madonna dejjem tidher b’kuruna ta’ Sultana fuq
rasha u bi lbies għani bħal tal-prinċpijiet u rġejjen. Din id-drawwa bdiet
fl-1637 meta l-Imqaddsa Marija ġiet proklamata Sultana ta’ Ġenova. L-arti tal-presepju
f’Ġenova tesprimi l-fervur artistiku u kulturali li kien hemm f’din il-belt-repubblika
bejn is-sekli XVI u XVII. Illum il-produzzjoni tal-presepju Barokk Ġenoviz ma
għadniex insibuha u xi eżempji ta’ din l-arti nistgħu narawhom biss f’xi
knejjes jew f’xi mużewijiet li għad għandhom xi presepju Barokk Ġenoviż.
Tmiem
Hu x’inhu l-istil tiegħu, il-presepju jirrakkonta storja waħda, it-twelid
ta’ Kristu Ġesù, imma l-mod kif jiġi rrappreżentat dan il-fatt huwa differenti
minn pajjiż għal ieħor, minn epoka għal oħra, minn bniedem għal ieħor. Presepju
tradizzjonali, Naplitan, Barokk jew ta’ kwalunkwe għamla jew forma oħra iwassal
messaġġ wieħed, messaġġ li waslilna kważi elfejn sena ilu, messaġġ li għadna
nfakkruh kull sena.
Nieħu din l-okkażjoni biex nawguralkom Milied hieni, mimli ferħ u sliem.
Fr Reno Muscat
Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 23 ta' Diċembru 2017
Nessun commento:
Posta un commento