Visualizzazione post con etichetta Stokkolma. Mostra tutti i post
Visualizzazione post con etichetta Stokkolma. Mostra tutti i post

sabato 27 ottobre 2018

Stokkolma


Il-belt ħolma!

Ġieli sibt min jistaqsini liema belt minn dawk il-ħafna li żort hija l-isbaħ waħda. Mhux faċli twieġeb din il-mistoqsija għax kull belt fiha s-sabiħ tagħha, tmur fejn tmur issib xi ħaġa li tolqtok u li tibqa’ tiftakarha, fiha xi ħaġa li tammira jew xi ħaġa li ddejqek ukoll. Allura meta jistaqsuni din il-mistoqsija nuża ftit id-diplomazija u ngħidilhom: “Stokkolma hija belt li togħġobni ħafna!” u b’hekk ma nkunx qed neskludi li hemm bliet oħra li jimmeraviljawni u fl-istess waqt nistqarr li għalija l-kapitali Żvediża hija belt tal-ħolm.

Ftit tagħrif
Stokkolma hija belt mibnija fuq erbatax-il ġżira li nsibu fil-post fejn l-għadira Mälaren tingħaqad mal-baħar Baltiku. Dawn il-gżejjer kollha huma magħqudin flimkien permezz ta’ numru ta’ pontijiet. Din in-naħa tad-dinja kienet abitata mill-bniedem sa minn żmien il-ħaġar. Madwar tmint elef sena qabel Kristu  n- nies li kienu jgħixu fejn illum insibu Stokkolma, kellhom iħallu djarhom u jinżlu aktar lejn iċ-ċentru tal-Ewropa għaliex il-kesħa kienet saret insapportabbli, kien wasal żmien is-silġ! Eluf ta’ snin wara l-klima reġgħet kienet waħda li bniedem jista’ jissaportiha, l-art reġgħet saret tajba għall-agrikultura u għalhekk il-bniedem reġa’ beda jgħix hemmhekk.
Bosta jemmnu li din il-belt twaqqfet minn Birger Jarl, statista kbir li ried jeħles lil niesu mill-attakki tal-għadu. L-ewwel darba li nsibu isem din il-belt miktub f’xi dokument huwa fl-1252. L-isem tal-belt huwa kompost minn żewġ kelmiet: Stock li bl-ilsien Żvediż tfisser zokk u Holm li bl-istess ilsien ifisser gżira ckejkna.

Fis seklu XVII l-Iżvezja saret waħda mil-akbar qawwiet fl-Ewropa u dan ġab bosta ġid fil-belt ta’ Stokkolma tant li f’sebgħin sena l-popolazzjoni tal-belt kibret sitt darbiet id-daqs li kienet. Fl-1710 il-belt inħakmet mill-pesta u madwar għoxrin elf ruħ mietu bdin il-marda. Dan in-numru kien jammonta għal aktar minn terz ta’ dawk li joqgħodu fil-belt. Fis-sena 1634 Stokkolma saret uffiċċjalment il-belt kapitali tall-Iżvezja. Illum hija waħda mill-aktar bliet avvanzi fit-tekonoloġija. Illum madwar żewġ miljun u nofs ruħ joqgħodu fil-belt u fis-subborgi tagħha.

Il-belt tal-Premju Nobel
Alfred Nobel 
Stokkolma hija l-belt fejn ta’ kull sena jingħataw sitt premjijiet internazzjonali. Dawn jissejħu Nobel għal Alfred Nobel li kien xjenzjat, negozjant u filantropu li twieled sewwasew fi Stokkolma fil 21 ta’ Ottubru 1833. Minbarra li dan il-bniedem jibqa’ magħruf għax ivvinta d-dinamite ismu jibqa’ għal dejjem marbut mal-premju li semmejna għax kien hu l-benefattur li ħalla flusu għal dan il-premju. Jingħad li kien ħalla madwar 31 miljun Korona għal dan il-għan. La qed insemmu dawn il-premijiet tajjeb ngħidu li dawn bdew jingħataw fl-1901 u jingħataw lil dawk li jiddistingwu ruħhom fid-dinja f’dawn l-oqsma: Kimika, Letteratura, Paċi, Fiżika, Psikoloġija u Ekonomija. F’għeluq il-mitt annivarsarju tal-għoti ta’ dawn il-premijiet, fi Stokkolma infetaħ mużew tal-Premju Nobel.

Il-Belt tal-Abba
Il-grupp Abba
Fil-bidu tas-snin sebgħin tas-sekli li għadda, erba’ żgħażagħ kienu jiltaqgħu f’daqxejn ta’ kamra fi Stokkolma biex jgħaddu ftit ħin idoqqu u jkantaw. Iż-żgħażagħ kienu  Agnetha Fältskog, Björn Ulvaeus, Benny Andersson u Anni-Frid Lyngstad. Dawn iffurmaw grupp u ħadu l-ewwel ittra ta’ isimhom biex iffurmaw isem il-grupp: Abba. Minn dik id-daqxejn ta’ kamra fi Stokkolma dan il-grupp sar popolari mal-erbat irjieħ tad-dinja u ħaġa tal-iskantament id-diski ta’ dan il-grupp iħobbuhom mhux biss dawk li fis-snin sebgħin kienu żgħażagħ imma kull ġenerazzjoni. Sal-lum id-diski tal-Abba għadhom popolari u ddoqqhom kemm iddoqqhom ma jdejquk qatt. Forsi d-dinja saret taf bihom l-aktar fl-1974 meta rrapreżentaw lill-Iżvezja fil-Eurovision bid-diska Waterloo. Dik is-sena dan il-grupp kien rebaħ dan il-festival. Illum fi Stokkolma nsibu mużew iddedikat lil dan il-grupp leġġendarju.

Mużewijiet u palazzi
Stokkolm hija belt b’ħafna bini sabiħ u interessanti, semmejt biss żewġ mużewijiet imma fil-belt wieħed jista’ jżur bosta aktar. Insemmi wieħed interessanti ħafna, il-Vasa Museum. Dan huwa bini li nbena apposta  biex jilqa’ fih vapur tal-injam li għal bosta snin kien mgħerreq taħt l-ilma bejn żewġ gżejjer li jsawru lil din il-belt. Hemm bosta palazzi li nbnew matul is-snin ta’ monarkija Żvediża. Bħala monarkija ma jistax jonqos li nsibu l-palazz irjali. Dan huwa r-residenza tar-Re Karlu XVI Gustavu, ir-Re tal-pajjiż li ilu fuq it-tron mill-1973.

Fuq kollox Stokkolma toffri toroq fejn wieħed jista’ jippassiġġa fit-tul, passiġġati maġenb l-ilma, passiġġati li jserrħulek il-menti, jirilassawk u jnessuk li tkun qiegħed f’waħda mill-aktar bliet attivi fl-Ewropa. Hemmhekk tabilħaqq tħossok li tkun dħalt f’belt tal-ħolm, tkun dħalt f’ħolma sabiħa li ma tkunx tixtieqha tintemm. Stokkolma, mhux ta’ b’xejn hawn min isejħilha il-Venezja tat-Tramuntana!

Fr Reno Muscat


Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 27 ta' Ottubru 2018


L'immagine può contenere: Renò Muscat



lunedì 19 giugno 2017

Statwa ta’ San Ġorġ fil-katidral ta’ Stokkolma

Displaying l Istatwa fil-katidral.jpgĠewwa l-katidral Luteran tal-belt kapitali Żvediża, Stokkolma nsibu statwa ġganteska ta’ San Ġorġ fuq in-naħa tal-lemin tal-altar maġġur. Il-katidral huwa ddedikat lil San Nikola u mal-poplu Żvediż huwa aktar magħruf bħala Storkyrkan, li tfisser “il-knisja l-kbira” milli bħala l-katidral. Din il-knisja aktarx inbniet minn  Birger Jarl, il-fundatur tal-belt ta’ Stokkolma. L-ewwel riferenzi li nsibu għal din il-knisja jmorru lura sas-sena 1279 u jingħad li kienet l-unika parroċċa fuq il-ġżira Gamla Stan. (Stokkolma hija belt mibnija fuq għadd ta’ ġżejjer b’ numru ta’ pontijiet li jgħaqqduhom ). Fl-1527 din il-knisja għaddiet f’ idejn il-Knisja Protestanta Luterana u saret katidrali.

Din l-istatwa li qegħdin insemmu hija meqjusa fost l-aktar teżori famużi li fih dan il-katidral. Hija minquxa fl-injam aktarx xogħol ta’ Bernt Notke, skultur Ġermaniż li għandu bosta xogħol tiegħu fi knejjes ġewwa d-Danimarka, l-Estonja u kif qegħdin ngħidu fl-Iżveżja. Din l-istatwa inħadem fis-sena 1489 biex tfakkar il-battalja ta’ Brunkeberg li ġrat fl-10 ta’ Ottubru 1471 bejn is-suldati Żvediżi taħt it-tmexxija tal-Viċi Re Sten Sture il-kbir u l-armata Daniża taħt il-kmand tas-Sultan Christian I. Il-battalja intrebħet mit-truppi Żvediżi. Skont it-tradizzjoni, il-figura ta’ San Ġorġ hija dik ta’ Sten Sture li ta’ r-rebħa lill-art Żvediża filwaqt li d-dragun jissimbolizza lis-Sultan Christian I tad-Danimarka. Il-prinċipessa hija figura allegorika tal-Iżveżja.

Il-kavallier
Il-ġellied fuq dahar iż-żiemel huwa żagħżugħ imlibbes korazza tad-deheb. Jidher li għadu kemm qasam il-lanza tiegħu fil-ġlieda mad-dragun u għalhekk issa qiegħed jiġġieled bix-xabla. L-istatwa turi kif San Ġorġ sejjer jagħti d-daqqa mortali lid-dragun. Madwar għonq il-ġellied hemm katina b’ kaxxa ċkejkna mdendla magħha. F’ din il-kaxxa hemm relikwi fosthom ta’ San Ġorġ kif ukoll insibu nota ta’ meta din l-istatwa kienet imbierka. L-elmu tas-suldat jinsab fl-art, fuq quddiem tal-istatwa u jingħad li oriġinarjament kien hemm ukoll tarka iżda din illum ma għadiex tinstab mal-istatwa. L-istatwa tal-kavallier ma hijiex imwaħħla maż-żiemel u jingħad li kien hemm żmien li din kienet tinħareġ purċissjoni waħedha.

Iż-żiemel u d-dragun
Taħt il-kavallier jidher żiemel imlibbes xedd għani ħafna, jixbaħ l-armar taż-żwiemel li kienu jservu lir-rejiet. Fl-armar tal-bhima nsibu skulturati bosta xeni mill-Bibbja. Iż-żiemel, ixheb, jinsab fuq saqajh ta’ wara.

Id-dragun jinstab mindud minn tulu fl-art fuq dahru taħt iż-żiemel, imdawwar bi fdalijiet umani u fdalijiet ta’ ħrief li kienu jiġu offruti lilu. Id-dragun għandu kemm ġenitali maskili kif ukoll femmini, dan huwa simbolu li jfisser li l-ħażen jista’ jiġġenera lilu nnifsu. Id-dragun jidher jaqbad il-lanza maqsuma b’ siequ ta’ wara filwaqt li saqajh ta’ quddiem qegħdin jinbuttaw il fuq liż-żiemel. B’ dan il-mod il-piż taż-żiemel qiegħed jinżamm minn saqajn id-dragun.

Il-prinċipessa
Il-prinċipessa tidher liebsa l-libsa tat-tieġ u ħdejha tidher ħarufa. Kieku l-kavallier kellu jitlef din il-ġlieda, hi u dik il-ħarufa kienu jispiċċaw ikel għad-dragun. Din il-figura ma tagħmilx parti mill-istatwa iżda tinsab fuq pedestall għaliha mal-ġenb tal-istatwa l-prinċipali.  Il-pedestall tal-prinċipessa huwa forma ta’ kastell.

Pedestal
Il-pedestall tal-istatwa ta’ San Ġorġ jissielet mad-dragun fih bosta skultura li turi siltiet mill-ħajja u mill-martirju ta’ San Ġorġ. Jingħad li l-pedestall orġinali kien ħafna akbar u fih kien indifnu Sten Sture u martu kif ukoll kien fih artal.

Ftit storja
L-ispiża għal din l-istatwa laħqet is-somma ta’ 4,000 Mark, somma enormi għal dak iż-żmien. Kien ħallas għaliha  il-Viċi Re Sten Sture stess, iżda biex jilħaq is-somma mitluba kellu bżonn l-għajnuna finanzjara mingħand xi qraba. Din l-istatwa tpoġġiet f’ din il-knisja u kienet imbierka fis-sena 1489. Sten Sture miet fis-sena 1503 u ndifen fil-pedestall tal-istatwa, iżda ftit snin wara il-fdal tiegħu ttieħed minn hemm u tpoġġa fil-kjostru tal-knisja ta’ Mariefred.

Aktarx li l-ewwel post ta’ din l-istatwa kien fil-korsija tan-nofs, iżda minħabba l-qies tagħha tneħħiet minn hemm. Aktarx li daret aktar minn post wieħed f’ l-istess knisja sakemm fl-1866 tneħħiet għal kollox u tpoġġiet f’ mużew. Iżda fil-bidu tas-seklu XX din l-istatwa reġgħet sabet postha fil-katidral, fejn għadha sal-lum.

Kopji tal-bronż u tal-ġibs
Displaying l Istatwa fil-pjazza.jpg
Fuq l-istess gżira fejn jinsab dan il-katidral b’ din l-sitatwa, hemm pjazza li fiha kopja tal-istatwa tal-bronż. Din il-kopja inħadmet minn Otto Meyer, artist u propjetarju ta’ funderija Żvediż, fis-sena 1912. Minkejja li din hija kopja ma nistgħux ngħidu li hija replika għax xi dettalji bejn iż-żewġ statwi ma humiex l-istess, fosthom f’ din il-kopja il-kavallier huwa liebes l-elmu ġewwa rasu u l-fdalijeit tal-umani taħt id-dragun huma differenti.
Ġewwa l-knisja ta’ Santa Katerina ta’ Lixxandra f’ Lübeck fil-Ġermajna ta’ fuq, insibu kopja tal-ġibs ta’ din l-istatwa. Din inħadmet fuq ix-xewqa tal-istoriku Carl Georg Heise. Dan biddel il-knisja ta’ Santa Katerina f’ mużew li fih kopji tal-ġibs ta’ opri kbar. F’ dan il-mużew-knisja nsibu l-kopja ta’ San Ġorġ. Din inħadmet fis-sena 1926.


Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher fil-programm tal-Festa ta' San Ġorġ 2017 maħruġ mill-Banda San Ġorġ Martri Ħal Qormi


L'immagine può contenere: 1 persona