Visualizzazione post con etichetta olokawst. Mostra tutti i post
Visualizzazione post con etichetta olokawst. Mostra tutti i post

sabato 27 gennaio 2024

27 ta’ Jannar – Jum it-Tifkira

Jum it-Tifkira huwa anniversarju internazzjonali ċċelebrat fis-27 ta’ Jannar ta’ kull sena bħala jum b’kommemorazzjoni tal-vittmi tal-Olokawst imwettaq min-Nażiżmu matul it-Tieni Gwerra Dinjija. Minn nofs is-seklu 20, it- terminu Olokawst beda jindika l-ġenoċidju mwettqa mill-Ġermanja Nażista u l-alleati tagħha kontra l-Lhud tal-Ewropa . Din kienet tikkonsisti fil-qtil ta’ bejn 5 u 6 miljun Lhudi, ta’ kull sess u età. L-Olokawst bħala ġenoċidju tal-Lhud jissejjaħ ukoll ix- Shoah, kelma bl-Ebrajk li tfisser katastrofi jew qerda. Huma paġni mill-aktar koroh fl-istorja tad-dinja, imma sfortunatament hemm qegħdin u ħażin għad-dinja jekk tinsa jew tiċħad dak li tabilħaqq seħħ.

Il-bidu

F’Settembru 1935, fil-Ġermanja Nażista għaddew żewġ liġijiet separati, magħrufa bħala l-Liġijiet ta’ Nuremberg. Dawn kienu l-Liġi taċ-Ċittadinanza tar-Reich u l-Liġi għall-Protezzjoni tad-Demm u l-Unur Ġermaniż. Iż-żewġ liġijiet kienu espressjoni tat-teoriji razzjali li fuqhom kienet ibbażata l-ideoloġija Nażista u servew biex joħolqu l-ambjent legali għall-persekuzzjoni sistematika tal-Lhud fil-Ġermanja. Il-Liġijiet ta' Nuremberg tħabbru minn Adolf Hitler fil-15 ta' Settembru, 1935. Dlonk il-parlament Ġermaniż, imsejjaħ ir- Reichstag, magħmul kompletament minn rappreżentanti Nażisti, approva dawn il-liġijiet. Il-Liġi taċ-Ċittadinanza tar-Reich stabbiliet min kien meqjus bħala ċittadin Ġermaniż u min ma kienx, kif ukoll min kien Lhudi u min ma kienx. In-Nażi ċaħdu l-idea tradizzjonali li l-Lhud kienu membri ta’ komunità reliġjuża jew kulturali, u minflok argumentaw li kienu razza speċifika, li tista’ tiġi definita biss mit-twelid. Ħafna Lhud fil-Ġermanja kienu abbandunaw il-prattiċi u dehriet tradizzjonali tagħhom u bdew jintegraw sewwa mal-bqija tas-soċjetà. Xi wħud ma baqgħux jipprattikaw il-Ġudajiżmu u kienu saħansitra bdew jiċċelebraw il-festi Kristjani, speċjalment il-Milied, flimkien mal-ġirien tagħhom mhux Lhud. Ħafna oħrajn kienu żżewġu Kristjani jew ikkonvertew għall-Kristjaneżmu. Għalhekk dawn il-liġijiet kienu marbuta mal-oriġina etnika tal-Lhud.  Il-Liġi għall-Ħarsien tad-Demm u l-Unur Ġermaniż, ipprojbixxiet iż-żwieġ bejn Lhud u Ġermaniżi mhux Lhud u kkriminalizzat ir-relazzjonijiet barra ż-żwieġ bejniethom.

Qabel il-gwerra

Għall-bidu, jiġifieri, sakemm faqqgħet il-gwerra, l-għan ewlieni tan-Nażiżmu u Hitler kien li r-Reich ikun Judenfrei, jiġifieri "ħieles mil-Lhud". F'din l-ewwel fażi s-sistema magħżula biex "tnaddaf" il-Ġermanja mil-Lhud kienet li ġġiegħelhom jemigraw.

Irnexxielhom jemigraw madwar 540,000 Lhudi, iżda ma’ kull okkupazzjoni li bdiet twettaq il-Ġermanja Nażista in-numru ta' Lhud beda jikber u nazzjonijiet barranin ma setgħux jew ma ridux jassorbu l-mewġa ta’ emigrazzjoni Lhudija mir-Reich. Lejlet il-gwerra, is-soluzzjoni tal-emigrazzjoni dehret li falliet. Għalhekk twieldet l-idea li jitwessa’ l-kunċett stess tad-deportazzjoni billi jiġu trasferiti bil-forza Lhud Ġermaniżi f’post imbiegħed. Matul il-gwerra l-problema kompliet tmur għall-agħar. L-invażjoni tal-Belġju, l-Olanda, Franza, id-Danimarka u n-Norveġja kompliet żiedet in-numru ta’ Lhud li waqgħu f’idejn in-Nażisti. L-għan ewlieni, jiġifieri li l-Ġermanja ssir "Judenfrei", kiber b'mod drammatiku: issa kienet kwistjoni li l-Ewropa kollha ssir Judenfrei. Is-soluzzjoni ma setgħetx tkun aktar li l-Lhud jemigraw. Għalhekk nibtet idea oħra: id-deportazzjoni tal-Lhud Ewropej lejn il-Lvant billi tikkonċentrahom fit-territorji Pollakki okkupati. Il-ħolqien ta' gettos kbar fil-Polonja dehret li kienet l-aħjar soluzzjon.

Kampijiet tal-mewt

 Auschwitz
In-Nażisti waqqfu kampijiet tal-mewt biex jagħmlu l-qtil tal-massa effiċjenti kemm jista’ jkun. B’differenza mill-kampijiet ta’ konċentrament , li servew primarjament bħala kampijiet ta’ detenzjoni u xogħol, il-kampijiet ta’ sterminazzjoni, magħrufa wkoll bħala “kampijiet tal-mewt”, kienu esklussivament  fabbriki tal-mewt. L-ewwel ċentru ta' sterminazzjoni li nbena kien dak ta' Chelmno , f'Diċembru 1941, fil-parti tal-Polonja li tmiss mal-Ġermanja. Fl-1942 in-Nażisti ħolqu l-kampijiet ta’ sterminazzjoni ta’ Belzec, Sobibor u Treblinka bil-għan li jeliminaw b’mod sistematiku l-Lhud Pollakki kollha.  Mal-wasla tal-Lhud fil-kamp ta’ sterminazzjoni, kważi d-deportati kollha kienu jintbagħtu immedjatament lejn il-kmamar tal-gass, bl-eċċezzjoni ta’ numru żgħir li minflok kienu jkunu assenjati għax-xogħol. L-akbar ċentru ta’ sterminazzjoni kien Auschwitz-Birkenau , il-Polonja, fejn, fl-aħħar tar-rebbiegħa tal-1943, erba’ kmamar tal-gass kienu qed joperaw bl-użu tas-sustanza tossika magħrufa bħala Zyklon B. Meta d-deportazzjonijiet laħqu l-intensità massima tagħhom, in-numru ta’ Lhud li nqatlu bil-gass f'Auschwitz-Birkenau laħqet iċ-ċifra ta' 6,000 ruħ kuljum. Fis-27 ta’ Jannar 1945, is-suldati Sovjetiċi daħlu fil-kamp ta’ Auschwitz-Birkenau.  Auschwitz-Birkenau sar simbolu tal-orrur tal-qtil organizzat u ta’ x'jista' jiġri meta l-mibegħda ma tkunx ikkontrollata.

Illum, infakkru Jum it-Tifkira tal-Olokawst fl-anniversarju tal-ħelsien ta’ dan il-kamp. Niftakru fil-vittmi kollha tal-Olokawst u l-persekuzzjoni Nażista ta’ gruppi oħra. Jum it-Tifkira  għandu jservi għad-dinja kollha bħala riflessjoni dwar dak li ġara lill-poplu Lhudi u lil dawk kollha deportati fil-kampijiet Nażisti. Għandha tibqa’ f’moħħ il-bniedem il-memorja ta’ perjodu traġiku fl-istorja biex ġrajjiet simili qatt ma jkunu jistgħu jerġgħu jseħħu.

Fil-qosor, biex ma ninsewx!

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 27 ta' Jannar 2024




sabato 28 gennaio 2023

Il-familja Ten Boom

Kull nhar is-27 ta’ Jannar issir it-tifkira tal-ġenoċidju li wettqu n-Nazisti fl-aħħar gwerra dinjija fuq il-poplu Lhudi, fuq iż-żingari, fuq l-omosesswali, fuq il-membri tax-Xhieda ta’ Ġeħova u fuq dawk li għenu lil xi wħud minn dawn biex isibu kenn mill-kefrija Nazista. Dan il-ġenoċidju jissejjaħ l-Olokawst jew bil-Lhudi Shoah. Illum nixtieq inlaqqagħkom ma’ familj li minkejja li ma kinitx Lhudija, għenet kemm felħet lil għadd ta’ Lhud matul dan iż-żmien ikrah tat-Tieni Gwerra Dinjija.

Il-familja


Il-familja Ten Boom kienet toqgħod f’Haarlem, l-Olanda.  Il-missier kien Casper li fl-1884 iżżewweġ lil Cornelia Johanna Arnolda Luitingh. Huma kellhom ħamest itfal: Betsie, Willem, Hendrick li miet ta’ ftit xhur, Nollie u ż-żgħira li semmiet għal ommha imma dejjem sejħulha Corrie. Meta Casper kellu tmintax-il sena fetaħ ħanut tad-deheb f’Amsterdam. Sakemm kien jgħix hemmhekk huwa ħadem ħafna fost il-foqra iżda wara xi snin kellu jmur lura lejn Haarlem fejn fetaħ bħala arluġġar fis-sular ta’ isfel ta’ daru. Huwa romol fl-1921 u baqa’ jgħix f’daru ma’ wliedu. Il-familja Ten Boom kienet Kristjana, tappartjeni għall-Knisja Protestanta Riformata Olandiża.

Il-gwerra

Il-ħanut tal-familja Ten Boom
F’Mejju 1940, il-Ġermaniżi nvadew l-Olanda.  F’Mejju 1942, mara liebsa tajjeb marret għand il-familja Ten Booms b’bagalja f’idejha u qaltilhom li kienet Lhudija, żewġha kien arrestat diversi xhur qabel, binha kien ħarab mill-Ġermaniżi u ma kinitx taf fejn kien. Dan l-aħħar kienu marru f’darha xi suldati Ġermaniżi u għalhekk bdiet tibża’ tibqa’ d-dar.  Hija kienet semgħet li l-familja Ten Boom kienet għenet lill-ġirien Lhud tagħhom, il-familja Weils, u staqsiethom jekk setgħux jgħinu lilha wkoll. Casper dlonk qal li setgħet toqgħod magħhom minkejja li l-kwartieri ġenerali tal-pulizija kien biss nofs blokka bogħod minn daru. Billi Casper kien qarrej devot tat-Testment il-Qadim, huwa kien jemmen li l-Lhud kienu l-poplu magħżul u għalhekk qal lill-mara, “F'din id-dar, in-nies ta’ Alla huma dejjem milqugħa.” Bħal din il-mara kien hemm oħrajn li sabu kenn bejn il-ħitan tad-dar ta’ Ten Boom. Il-familja qatt ma fittxet li tikkonverti lil xi wieħed mil-Lhud li baqgħu magħhom.

Corrie u Betsie

Corrie u oħtha Betsie fetħu d-dar tagħhom għar-refuġjati Lhud u l-membri tal- moviment tar-Reżistenza Olandiża u bħala riżultat ta’ hekk kienu mfittxija mill-Gestapo. Ir-Reżistenza Olandiża, li saret taf ukoll b’din il-ħidma, bagħtet perit fid-dar ta’ Ten Boom biex jibni kamra sigrieta għal-Lhud li kienu moħbija fid-dar u nstallaw buzzer ta’ twissija biex iwissu lir-refuġjati biex jidħlu fil-kamra sigrieta kemm jista’ jkun malajr f’każ ta’ bżonn. Il-kamra sigrieta kienet fil-kamra tas-sodda ta’ Corrie wara ħajt falz u kienet tista’ iżżomm fiha sitt persuni. Ġiet installata fiha sistema ta’ ventilazzjoni għall-okkupanti.

Arrest

Fit-28 ta’ Frar 1944, l-Olandiż, Jan Vogel, qal lin-Nazi dwar ix-xogħol ta’ Ten Booms; għall-ħabta tan-nofsiegħa ta’ dak il-jum, in-Nazi arrestaw lill-familja kollha ta’ Ten Boom. Huma ntbagħtu l-ħabs ta’ Scheveningen għax fid-dar tagħhom instab materjal tar-Reżistenza Olandiża u biljetti tar-razzjon tal-ikel żejda. Dak iż-żmien fid-dar ta’ Ten Boom kien hemm sitt refuġjati. Dan il-grupp ta’ sitt persuni moħbija kien magħmul kemm minn Lhud kif ukoll minn ħaddiema tar-reżistenza. Tant kien moħbi sewwa li baqa’ mhux skopert minkejja li d-dar kienet taħt sorveljanza kontinwa wara l-arrest tal-membri tal-familja Ten Boom. Uffiċjali tal-pulizija li kienu wkoll membri tal-grupp tar-reżistenza ħasbu biex ikkordinaw il-ħarba tar-refuġjati.

Meta Casper kien interrogat fil-ħabs, il-Gestapo qaltlu li se jeħilsuh minħabba l-età tiegħu biex ikun jista’ “jmut fis-sodda tiegħu.” Huwa wieġeb, “Jekk illum immur id-dar, għada niftaħ il-bieb għal kull min iħabbat għall-għajnuna.” Meta mistoqsi jekk kienx jaf li seta’ jmut talli għen lil-Lhud, hu wieġeb, “Jien nikkunsidra li dan ikun l-akbar unur għall-familja tiegħi.” Fid-9 ta' Marzu, Casper miet fl-Isptar Muniċipali ta' The Hague, fl-età ta’ 84 sena, wara disat ijiem fil-ħabs ta' Scheveningen.

Betsie mietet f'Ravensbrück f'Diċembru 1944. Willem marad bit- tuberkulożi spinali waqt li kien il-ħabs minħabba x-xogħol tiegħu mar-reżistenza. Għalkemm inħeles, miet bit-tuberkulożi ftit wara l-gwerra. Corrie nħelset mill-kamp ta’ konċentrament ta’ Herzogenbusch. Skont hi, inħelset bi żball. Hija marret lura d-dar f’dik li tissejjaħ “ix-xitwa tal-ġuħ” minħabba n-nuqqas ta’ ikel li kien jeżisti. Hija xorta fetħet il-bibien tagħha għal persuni b’diżabilità li kienu moħbija minħabba l-biża’ li jiġu maqtulin mill-Ġermaniżi.

Corrie Ten Boom irrakkontat l-istorja tal-membri tal-familja tagħha u x-xogħol tagħhom fit- Tieni Gwerra Dinjija fil-ktieb bestseller tagħha, The Hiding Place li ħareġ fl-1971 u Ii nħadem film fl-1975.

Ilum wassaltilkom ftit tagħrif dwar familja li minkejja li ma kinitx Lhudija, għenet kemm setgħet u b’kull mezz lil-Lhud fi żmien il-gwerra. Familja b’morali għolja – familja altruwista.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 28 ta' Jannar 2023



 

 


 

 

 

 

sabato 21 gennaio 2023

Jum internazzjonali b'tifkira tal-Olokawst



Kull 27 ta’ Jannar isir Jum it-tifkira. Nistħajjel li jkun hawn min jistaqsi: liema tifkira tkun iċċelebrata dakinhar? Minkejja li ngħidu li hija tifkira, huwa jum li fih niftakru ġrajja li kulħadd jixtieq jinsa. Dakinhar niftakru f’dawk il-miljuni ta’ bnedmin li ġew maqtulin minħabba filosofija żbaljata, minħabba politika ħażina fejn jeżistu r-razez, il-kuluri, il-firdiet fost il-bnedmin. Dakinhar id-dinja tiftakar fl-Olokawst li seħħ matul it-Tieni Gwerra Dinjija fejn madwar sitt miljun Lhudi ra t-tmiem tiegħu sempliċiment għax kien jappartjeni għall-ġens Lhudi.

Olokawst jew Shoah

L-Olokawst, li huwa magħruf ukoll bħala s-Shoah, kien il-ġenoċidju tal-Lhud Ewropej matul it-Tieni Gwerra Dinjija. Bejn l-1941 u l-1945, il-Ġermanja Nażista u l-kollaboraturi tagħha qatlu sistematikament madwar sitt miljun Lhudi madwar l-Ewropa okkupata mill-Ġermaniżi. Dan in-numru kien jammonta għal madwar żewġ terzi tal-popolazzjoni Lhudija tal-Ewropa. Il-qtil sar kemm f’massakri u sparar tal-massa kif ukoll bi programm ta’ politika ta’ sterminazzjoni permezz ta’ xogħol fil-kampijiet ta’ konċentrament. Sar ukoll fi kmamar tal-gass u vannijiet tal-gass fil-kampijiet ta’ sterminazzjoni Ġermaniżi, prinċipalment Auschwitz-Birkenau , Bełżec , Chełmno , Majdanek , Sobibór , u Treblinka fil-Polonja okkupata.

Il-Ġermanja implimentat il-persekuzzjoni fi stadji. Wara l-ħatra ta' Adolf Hitler bħala Kanċillier fit-30 ta’ Jannar 1933, ir-reġim bena għadd ta’ kampijiet ta' konċentrament fil-Ġermanja għall-avversarji politiċi u dawk meqjusa bħala “mhux mixtieqa”. L-ewwel kamp ta’ konċentrament kien dak ta’ Dachau li fetaħ fit-22 ta' Marzu 1933. Wara li għadda dak li jissejjaħ l-Att ta’ Enabling, fl-24 ta’ Marzu, 1933 Hitler ġie mogħti poteri plenarji dittatorjali, bid-dritt li jgħaddi liġijiet mingħajr ħtieġa ta’ maġġoranza fil-parlament jew approvazzjoni tal-President. Minn dan il-waqt il-gvern Nażista beda jiżola l-Lhud mis-soċjetà ċivili; dan kien jinkludi l-bojkott tan-negozji Lhud f'April 1933 u l-promulgazzjoni tal- Liġijiet ta' Nuremberg f'Settembru 1935. Bejn id-9 u l-10 ta' Novembru 1938, tmien xhur wara li l-Ġermanja ħakmet l-Awstrija , in-negozji Lhud u s-sinagogi kollha u bini Lhudi ieħor ġew meqrudin jew inħarqu madwar il-Ġermanja u l-Awstrija kollha, f’dik li saret magħrufa bħala Kristallnacht, li bil-Malti nistgħu nsejħulu “il-Lejl tal-Ħġieġ imkisser”. Dan kollu seħħ wara li żagħżugħ Lhudi kien qatel diplomatiku Ġermaniż f’Pariġi. Dak li seħħ f’dak il-lejl  kien sinjal għal-Lhud fil-Ġermanja u l-Awstrija biex jaħarbu minn darhom kemm jista’ jkun malajr. Mijiet ta’ eluf ta’ Lhud sabu kenn f’pajjiżi oħra, iżda mhux kulħadd, numru kbir ta’ Lhud fosthom xjuħ u morda, baqgħu f’darhom.

Kristallnacht

Wara li l-Ġermanja invadiet il-Polonja f’Settembru tal-1939, li nistgħu ngħidu kien il-bidu għat-Tieni Gwerra Dinjija, ir-reġim waqqaf gettos biex jissegrega l-Lhud. Eventwalment, mijiet ta’ kampijiet u siti oħra ta’ detenzjoni ġew stabbiliti madwar l-Ewropa okkupata mill-Ġermaniż. Matul is-snin tal-gwerra l-Olokawst wettaq atroċitajiet li sal-lum għadhom iħammru wiċċ id-dinja.

Politika ta’ razza

Il-bidu ta’ dan il-perjodu ikrah fuq id-dinja kien frott ta’ filosofija żbaljata fejn il-bniedem beda jemmen, ovvjament għax hekk ġie mgħallem minn dawk ta’ fuqu, li neżistu aħna u jeżistu huma u min mhux magħna jew bħalna huwa kontra tagħna u min hu kontra tagħna huwa għadu tagħna mela għandna neħilsu minnu kemm jista’ jkun malajr. Il-poplu Ġermaniż ġie ddottrinat li hemm razza ta’ bnedmin puri u min mhux minn dik ir-razza għandu jitwarrab. Fil-verità aħna bħala umani nappartjenu għal razza waħda, ir-razza umana u la iżjed u lanqas inqas. Biss il-politika Nażista għallmet diversament. Ma tistax tlum lil min ġie ddotrinat b’dan il-mod li jemmen li dak li tgħallem huwa s-sewwa.

Meta nsemmu l-Olokawst spiss nifhmu l-ġenoċidju tal-Lhud, iżda matul is-snin tal-gwerra, jiġifieri bejn l-1933 u l-1945, seħħew kemm-il darba qtil sistematiku tal-massa jew ta’ gruppi oħra tal-popolazzjoni. Dawn kienu jinkludu lir-Rom jew Żingari , Pollakki , Ukrajini , Sovjetiċi ċivili u priġunieri tal-gwerra. Gruppi iżgħar kienu wkoll vittmi taʼ persekuzzjoni Nażisti, bħall-membri tax- Xhieda taʼ Ġeħova, il- Ġermaniżi Suwed, il- persuni b’diżabilità, il- komunisti u l-omosesswali.

Għalfejn niftakru?

Imma gaħlfejn ta’ kull sena nerġgħu niftakru fi żmien li d-dinja kollha tixtieq tinsa? Huwa propju għalhekk li rridu niftakru għax kif jgħid sewwa l-filosfu George Santayana: “Dawk li ma jiftakrux l-imgħoddi huma kkundannati li jerġgħu jgħixuh.” Din il-frażi tinsab miktuba f’waħda mid-daħliet tal-barrakki ġewwa l-kamp ta’ konċentrament f’Auchwitz. Għalhekk ma rridux ninsew dak li d-dinja għaddiet minnu għax inkella jkun hemm ir-riskju li terġa’ tgħaddi minnu. Dak li seħħ fi żmien il-gwerra seħħ minħabba politiku b’ideoloġija li llum nafu li kienet żbaljata iżda fi żmienha kienet aċċettata. Għalhekk it-tifkira, biex ma ninsew qatt u biex forsi ma nerġgħux ngħaddu minn dak li għaddew minnu dawk ta’ qabilna.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 21 ta' Jannar 2023


 

 

 

 

 

venerdì 30 gennaio 2015

Jum it-tifkira

Biex ma ninsew qatt dak li seħħ

Kull nhar is-27 ta’ Jannar infakkru dak li seħħ fil-kampijiet ta’ konċentrament matul it-tieni gwerra dinjija. Forsi nistaqdu jekk illum, li għaddew 70 sena minn dawn il-ġrajjiet, għadx hemm ħtieġa li nibqgħu nfakkru dan kollu? Jien ngħid li llum aktar minn qatt qabel jeħtieġ inkunu nafu x’ seħħ f’ dawk is-snin biex noqgħodu attenti li ma jerġgħux iseħħu dawk l-atti kriminali li ġraw. Bla ma rrid qed jiġi quddiem għajnejja dak li hemm miktub f’ waħda mill-barrakki fil-kamp ta’ konċentrament ta’ Auschwitz:  “The one who does not remember history is bound to live through it again...” Min ma jiftakarx dak li għadda minnu huwa ddestinat li jerġa’ jgħaddi minnu. Kliem mimli għerf. Ilum insibu bosta films u bosta u bosta kotba li jitrattaw stejjer ta’ nies li għexu f’ dawn il-kampijiet ta’ konċentrazzjoni. Biex nifhmu dak li għaddew minnu dawk l-imsejkna irridu naqraw dawn il-kotba u naraw dawk il-films.

Lejl
Wieħed minn dawk li għadda snin ġewwa Auschwitz kien Elie Wiesel. Fil-ktieb tiegħu La Nuit, bil-Malti il-Lejl, huwa jagħti ħarsa ddettaljata ta’ x’ għaddew minnu dawk l-imsejkna bħalu li spiċċaw f’ xi kamp ta’ konċentrament. Araw kif jispega l-wasal tiegħu fil-kamp ta’ konċentrament:


L-oġġetti għeżież li ġarrejna magħna ħallejniehom fil-karru, u magħhom ħallejna it-tamiet kollha tagħna.
Kull żewġ metri kien hemm suldat tal-S.S., bl-azzarin ippuntat lejna. Hemm id f’ id imxejna wara l-folla.
Wasal uffiċċjal tal-S.S. bil-lembuba f’ idu. Ordnalna:
‘L-irġiel fuq ix-xellug u n-nisa fuq il-lemin!’
Erba’ kelmiet indifferenti, bla ebda emozzjoni. Erba’ kelmiet qosra u sempliċi. Imma kien il-waqt li ħallejt lil ommi. Lanqas biss kelli l-ħin naħseb li ma ħassjetx id missieri fuq spallti; bqajna waħedna. Għal sekonda stajt nara lil ommi, lil ħuti sejrin lejn il-lemin. Zipporà żammet id ommi. Rajthom jitbiegħdu, ommi tmelles ix-xagħar isfar ta’ oħti, donna biex tipproteġiha, u jien miexi ma’ missieri, mal-irġiel. U ma kontx naf li dak il-ħin, f’ dak il-post, kont qiegħed nitlaq lil ommi u lil Zipporà għal dejjem. Komplejna nimxu. Missieri żammli idi. Warajja wieħed xiħ waqa’ fl-art. Ħdejh l-S.S. poġġa l-pistola f’ postha.

Waħda mill-aktar siltiet iebsin f’ dan il-ktieb insibuha fir-raba kapitlu fejn inqatel tifel:

Jum minnhom mar id-dawl fiċ-ċentru ta’ Buna. Għajtu fuq il-post lill-Gestapo għax ħasbu li kien sabutaġġ. Sabu ħjiel ta’ xi ħaġa. Marru fil-blokk tal-Oberkapo Olandiż. U hemm wara t-tfittix sabu ftit armi mhux ħażin.
L-Oberkapo kien arrestat dak il-ħin. Kien ittorturat biex jikxef imma ma lissen l-ebda isem. Bagħtuh Auschwitz u ma smajna xejn aktar dwaru.
Imma ċ-ċkejken Pipel tiegħu baqa’ fil-kamp, fil-ħabs. Ittorturawh imma lanqas hu ma semma lil ħadd. Allura l-S.S. ikkundannawh għall-mewt flimkien ma’ żewġ  priġunieri oħra li kienu sabulhom xi armi.
Jum minnhom meta ġejna lura mix-xogħol rajna tliet forok imwaqqfin fil-misraħ tar-rassenja: tliet ċawliet suwed. Rassenja. L-S.S. madwarna bl-azzarini ppuntati lejna. Iċ-ċerimonja tas-soltu. Tliet kundannati fil-ktajjen, u wieħed minnhom iċ-ċkejken Pipel, l-anġlu ta’ għajnejh imnikka.


L-S.S. dehru aktar imħassbin u mtaqqlin mis-soltu. Li tgħallaq tfajjel quddiem eluf ta’ nies mhix ċajta. Il-kap tal-kamp qara il-verdett. Għajnejn kulħadd kienu fuq it-tfajjel. Kien jidher kaħlani, kważi kalm, u beda jigdem xufftejh. Id-dell tal-forka kien fuqhom.
Il-Lagerkapo din id-darba ma riedx li jkun il-bojja. Tliet suldati tal-S.S. ħadu postu.
It-tliet ikkundannati telgħu flimkien fuq il-banketti tagħhom. It-tliet għonuq ġew imlibbsa flimkien l-għoqiedi.
‘Viva l-ħelsien’  għajtu t-tnejn il-kbar.
Iż-żgħir, sieket.
‘Fejn hu Alla t-twajjeb? Fejn hu?’ staqsa xi ħadd minn warajja.
Mas-sinjal tal-kap tal-kamp, it-tliet banketti ġew imneħħija.
Skiet assolut. Fuq l-orizzont dehret ix-xemx nieżla.

Nisa
Sa ftit snin ilu l-kitbiet kollha li kellna dwar l-oppressjoni tal-Lhud fil-pajjiżi b’liġijiet antisemitiċi u dwar dak li ġara fil-kampijiet ta’ konċentrament kienu kollha ta’ irġiel. Forsi din il-ħaġa kienet frott tal-mentalità sessista li għandu l-poplu Lhudi u li kellha d-dinja kollha sa ftit snin ilu. Sa ftit ilu forsi ftit li xejn konna naħsbu dwar dak li għaddew in-nisa Lhud fi żmien l-oppressjoni u aktar u aktar fil-kampijiet ta’ konċentrament. Araw xà kitbet Lucille Eichengreen fil-ktieb tagħha From Ashes to Life: My Memories of the Holocaust:

In-nisa fl-Ewropa, fis-snin tletin u anke wara, kienu ċittadini tat-tieni klassi. Kienu jaħdmu bħala infermiera, segretarji, għalliema, nisa tad-dar, imma qatt ħadd ma kien jaħseb li jara mara tmexxi uffiċċju jew fabbrika jew li tkun kap ta’ ġemgħa ħaddiema.
Madanakollu fil-getto ta’ Lodz, bejn l-1940 u l-1944, ħin bla waqt  inbidel kollox ta’ taħt fuq. Għall-ewwel darba, daqs li kieku xejn, in-nisa sabu rwieħhom mexxejja ta’ fabbriki, uffiċċji, kċejjen u ta’ kull qasam ieħor fil-ħajja tal-getto. Kienu nisa kapaċi, intelliġenti, ħabrieka u ambizjużi. Riedu jibqgħu ħajjin. Riedu li tal-anqas ikollhom is-setgħa li jiddeċiedu fuq parti minn ħajjithom, f’kondizzjonijiet li kienu ’l bogħod ħafna minn dawk normali. U rnexxielhom. Saħansitra l-irġiel, b’attenzjoni u kontra qalbhom, ikollhom jammettu li dawk in-nisa li jilħqu f’xi post ta’ tmexxija, jispiċċaw biex imexxu b’ mod aktar effiċjenti, isiru esperti u jsiru kapaċi jaħdmu aħjar minnhom.
Eżatt bħall-irġiel, huma wkoll kienu jimxu bil-favoriżmi, imma lil dawk li kienu jipproteġu kienu aktarx dejjem irġiel u rari li dawn in-nisa kienu jgħinu jew iduru ma’ nisa oħrajn. Intbaħt meta kelli sittax-il sena, kont bdejt infittex xi xogħol f’ xi fabbrika. Xogħol ikun xi jkun. In-nisa lanqas biss kienu jaħlu l-ħin jisimgħu xi rrid. Id-diriġenti rġiel bil-kontra, dlonk kienu jkunu lesti li jħaddmuni magħhom. Il-mistoqsija waħdanija li kienu jagħmuli kienet: «X’lesta ttini bi tpattija?» Bla esperjenza u bla ħażen ta’ xejn, kont inwiegeb: «Ma għandix flus, ma għandix ġojjelli. Tassew ma għandi xejn ta’ valur.» Id-daħq li kienu jidħqu wara t-tweġiba tiegħi kienet tħallinni mħawda. Ma kontx nista’ nifhem. Kellha tgħaddi sena fil-getto sabiex tgħallimt kif jimxu l-affarijiet: jekk titlob pjaċir, trid tkun lesta tintelaq biex tagħmel is-sess. Sempliċi.
[...] Fost niesna, minn Rumkowski sa sid il-ħanut taż-żebgħa, is-sess issa kien meqjus bħala mezz ta’ tpartit. Imma mhux ilkoll kellhom xewqa li ‘jpartu’. Xi wħud minna preferew imutu bil-ġuħ.

Dan huwa biss ftit, imma biżżejjed biex nifhmu ftit x’ sar u biex darba f’ sena nieqfu u niftakru fil-vittmi waqt li nittmaaw li dan ma jerġa jiġri qatt u qatt.


Fr Reno Muscat 

Dan l-artyiklu deher f' In-

Nazzjon, 31 ta' Jannar 2015