Visualizzazione post con etichetta napuljun. Mostra tutti i post
Visualizzazione post con etichetta napuljun. Mostra tutti i post

venerdì 15 settembre 2023

Iċ-ċurkett tat-tieġ tal-Madonna - 2

 

It-tieni parti

 

Il-ġimgħa l-oħra bdejt nagħtikom xi tagħrif dwar relikwija li nsibu fil-katidral ta’ Perugia l-Italja, relikwija li jingħad li hija ċ-ċurkett taż-żwieġ li San Ġużepp kien ta lil Marija. Rajna l-istorja kif wasal sal-post fejn qiegħed illum. Illum inkomplu naraw aktar dwar dan iċ-ċurkett.

Iċ-Ċurkett Imqaddes

F'konformità mal-ħajja umli ta' Marija u Ġużeppi, is-Santo Anello mhuwiex xi ċurkett elaborat miksi b'ġojjelli. Huwa ċurkett magħmul minn ħaġra semi prezjuża sabiħa li tidher bajda daqs il-ħalib fid-dawl tax-xemx. It-tip ta’ ħaġra hija Kalċedonja (Chalcedony). Il-Katidral ta’ San Lawrenz ta’ Perugia rrapporta li analiżi ġemoloġika fl-2004 iddeterminat li ċ-ċurkett huwa tal-ħaġar Kalċedonja u “meta wieħed iqis il-karatteristiċi kollha, jidher li probabilment imur lura għall-ewwel seklu, u aktar iva milli le ġej mill-Lvant .”

Lura f’Perugia, mill-1517, dan iċ-ċurkett Imqaddes, jew aħjar is-Santo Anello, inżamm fl-istess relikwarju tad-deheb u tal-fidda mfassal apposta għalih mill-arġentiera Federico del Roscetto u ibnu Cesarino. Ir-relikwarju qisu ostensorju, b'tinqix, figuri u ornamenti. Huwa fost l-isbaħ opri ta' xogħlijiet tal-arġentiera Rinaxximentali Taljani.

Iċ-Ċurkett Imqaddes jidher imdendel ġewwa r-relikwarju ma’ kuruna tal-fidda ndurata bid-deheb li saret fl-1716. Matul il-biċċa l-kbira tas-sena, ir-relikwarju ikun merugħ f'żewġ kaxxaforti tal-ħadid u tal-injam 'il fuq mill-artal tal-kappella u jibqa’ wara l-purtieri. Minħabba l-protezzjoni kbira, jeħtieġu 14-il ċavetta biex jinfetaħ il-kaxxaforti. Iċ-ċwievet tiegħu jinżammu minn erba’ istituzzjonijiet differenti, reliġjużi u muniċipali. Meta ċ-Ċurkett Imqaddes ikun għall-qima, ir-relikwarju jitbaxxa fuq l-artal permezz ta’ apparat li ġie nstallat fis-seklu 18. Din il-wirja uffiċjali taċ-Ċurkett Imqaddes issir darbtejn fis-sena f’okkażjonijiet uffiċjali. L-ewwel darba hija bejn id-29 u t-30 ta’ Lulju, id-data li s-Santo Anello ġie trasferit mill-kappella fil-palazz għall-kappella fil-katidral fl-1488. It-tieni darba tkun fit-12 ta’ Settembru, it-tifkira tal-Isem Imqaddes ta’ Marija. L-ewwel dati għandhom x'jaqsmu maż-żewġ viżjonijiet tal-Beata Anna Katarina, li seħħew fid-29 ta' Lulju u fit-3 ta' Awwissu. Lejn l-aħħar ta’ Lulju, gruppi kbar ta’ koppji, miżżewġin jew li dalwaqt se jiżżewġu, jiġu biex iqimu ċ-ċurkett. Il-koppji jitħallew imissu ċ-ċrieket tat-tieġ tagħhom mas-Santo Anello biex jirċievu barka fuq iż-żwieġ tagħhom. Il-Beata Anna Katarina milli jidher kienet rat dan iseħħ fil-viżjonijiet tagħha! Iċ-Ċurkett Imqaddes kultant jintwera xi drabi oħra marbuta ma’ avvenimenti partikolari tal-Knisja ta’ Perugia.

Fl-aħħar nett

Il-kappella tal-katidral fejn insibu ċ-ċurkett fiha l-pittura taż-żwieġ tal-Verġni, li saret fl-1825 minn Jean-Baptiste Wicar. Iżda dan ma kienx l-il-kwadru oriġinali. Il-pittura oriġinali fil-Cappella del Santo Anello, kienet tpittret minn Pietro Vannucci, magħruf bħala il-Perugino fil-bidu tas-seklu XVI, ftit snin wara li ċ-Ċurkett Imqaddes inġieb fil-katidral. Hemm xebh kbir bejn dan il-kwadru u dak aktar magħruf u popolari, li wkoll juri ż-żwieġ tal-Verġni, xogħol ta’ Raffaello, li tlesta kważi fl-istess żmien, fl-1504 — it-tnejn juru lil Ġużeppi se jpoġġi ċ-ċurkett tat-tieġ fuq suba’ Marija f’xena kważi identika. Huwa maħsub li Raffaello kien ispirat mix-xogħol ta’ Perugino biex jagħmel il-verżjoni tiegħu. Il-pittura ta’ Perugino ġiet meħuda mit-truppi ta’ Napuljun Bonaparti fl-1798 u issa tinsab ġewwa l-Musée des Beaux-Arts f’Caen, fi Franza. Fil-bidu tal-2023 dan il-kwadru ttieħed minn Franza għal Perugia biex jiġi esebit għal ftit xhur billi kien jaħbat il-ħames ċentinarju mill-mewt ta’ dan il-pittur.

Il-katidral jgħid li dan iċ-ċurkett sar “simbolu” li jirreferi għall-okkażjoni storika taż-żwieġ ta’ Ġużeppi u Marija, benniena u kustodja tal-misteru tal-Inkarnazzjoni tal-Iben ta’ Alla, għal min jemmen, għajn ta’ grazzja u barka. Għalhekk il-katidral ta’ Perugia, f’kontinwità mat-tradizzjoni nobbli li akkumpanjat il-protezzjoni ta’ dan il-ġojjell matul is-sekli, iżommu b’għożża kbira u joffrih għall-qima, f’okkażjonijiet speċjali, bħala  tifkira tas-sehem tal-għaqda ta’ Marija u Ġużeppi fil-misteru tal-Inkarnazzjoni, kif ukoll bħala sinjal ta’ fedeltà matrimonjali, li tagħmel kull żwieġ is-simbolu tal-imħabba ta’ Alla għall-umanità, għajn ta’ frott u ta’ ħajja.

Imma veru?

Żgur li ħafna jistaqsu dwar kemm tabilħaqq dan iċ-ċurkett huwa awtentiku, kemm verament huwa dak li kien intuża minn Ġużeppi meta żżewweġ lil Marija. Temmen jew ma temminx xejn ma jnaqqas il-fidi tiegħek, din mhux xi domma ta’ fidi. Biss li huwa żgur hu li hemm devozzjoni qawwija lejh u hemm ukoll dak li kienet kitbet dwaru l-Beata Anna Katarina Emmerich, li semmejna fl-artiklu tal-ġimgħa l-oħra.

Il-mistoqsija tibqa’ dejjem: “Imma dan huwa veru l-liżar li fih tkeffen Ġesù?” Il-fidi tagħna ma għandhiex tkun ibbażata fuq affarijiet li naraw b’għajnejna jew immissu b’idejna. Dawn jistgħu biss jgħinuna fil-fidi tagħna imma qatt ma għandhom ikunu l-bażi tat-twemmin. Niftakru dejjem x’kien qal il-kittieb u l-ekonomista Stuard Chase: “Għal dawk li jemmnu, m’hemmx bżonn ta’ prova. Għal dawk li ma jemmnux, l-ebda prova mhi biżżejjed."

 

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 16 ta' Settembru 2023



sabato 6 maggio 2023

Il-Monarka u l-Monarkija


Żgur li għajnejn id-dinja kollha llum ser ikunu ffukati lejn l-inkoronazzjoni tar-Re Karlu III tar-Renju Unit  u martu Camilla bħala Reġina Konsorti. Tajjeb illum naraw xi ħaġa dwar il-monarku u l-monarkiji minkejja li dan it-tip ta’ mexxejja politiċi naqsu sewwa minn wiċċ id-dinja. Monarkija hija forma ta' gvern li fiha persuna, li tissejjaħ il-monarka, li tista’ tkun re, sultan, imperartur, prinċep, maharajah jew xi titlu ieħor, tkun kap ta' stat għal għomru jew sal-abdikazzjoni. Il-leġittimità politika u l-awtorità tal-monarka jistgħu jvarjaw minn ristretti u fil-biċċa l-kbira simboliċi li tissejjaħ monarkija kostituzzjonali għal uħud kompletament awtokratiċi, li tissejjaħ monarkija assoluta. Dawn jistgħu jvarjaw fuq oqsma eżekuttivi, leġiżlattivi u ġudizzjarji.

Isem

Il-kelma monarka ġejja mill- kelma Griega antika monárkhēs (μονάρχης) u tnisslet minn żewġ kelmiet:  mónos (μόνος) li tfisser wieħed biss u árkhō (ἄρχω) li tfisser bejn wieħed u ieħor mexxej. Fil-Latin saret monarchia. Il-ħsieb wara l-ħolqien ta’ din il-kelma kien li l-ħakkiem jew mexxej huwa wieħed biss. Ma rridux naħsbu fil-politika tal-lum fejn tista’ tgħid id-demokrazija tinsab kważi fid-dinja kollha. L-użu tal-kelma monarkija llum normalment tirreferi għal sistema tradizzjonali ta’ tmexxija ereditarja, peress li l-monarkiji elettivi huma pjuttost rari.

Karatteristika

Il-monarkiji huma assoċjati ma ’ renju ereditarju, li fih il-monarki jsaltnu għal għomorhom u r-responsabbiltajiet u s-setgħa tal-pożizzjoni  tagħhom jgħaddu lil uliedhom jew lil xi membru ieħor tal-familja tagħhom meta jmutu. Ħafna mill-monarki, kemm qabel kif ukoll illum, twieldu u trabbew fi ħdan familja rjali. Il-monarki futuri ħafna drabi jiġu mħarrġa għar-responsabbiltajiet futuri mistennija minnhom bħala re, sultan jew liema titlu jħaddnu. Filwaqt li ħafna mill-monarki fl-istorja kienu rġiel, ma nistgħux ngħidu li fid-dinja ma kienx hawn monarki nisa jsaltnu wkoll. It-terminu “Regina Regnant” jirreferi għal monarka ħakkiema, filwaqt li “Reġina Konsorti” tirreferi għall-mara tar-re li jkun qed jirrenja.

Il-vantaġġ ewlieni tal-monarkija ereditarja huwa l-kontinwità immedjata tat-tmexxija kif jidher fil-frażi klassika "The King is dead. Long live the King!"

Xi monarkiji mhumiex ereditarji. F'monarkija elettiva, il-monarki jiġu eletti jew maħtura minn xi korp jew kulleġġ elettorali,  għal għomorhom jew għal perjodu definit. Illum madwar id-dinja jeżistu xi monarkiji elettivi. Dawn insibuhom fil-Kambodja, fil-Malażja u fl-Emirati Għarab Magħquda li huma kollha kreazzjonijiet tas-seklu XX, filwaqt li nsibu waħda antika, anzi antikissima. Din il-waħda hija il- papat, għax tajjeb ngħidu li l-papa kien meqjus bħala re tas-Santa Sede (l-aħħar papa li kien inkurunat kien Pawlu VI fl-1963, li warrab il-prattika li jilbes it-tiara, jew kuruna papali, ftit wara. Sal-lum, ħadd mis-suċċessuri tiegħu ma libes it-tiara u ċ-ċelebrazzjonijiet tal-inawgurazzjoni papali ma nkludew l-ebda ċerimonja tal-inkurunazzjoni. Minkejja dan, it-tradizzjoni ma ġietx ipprojbita, u kull papa huwa liberu li jerġa’ jdaħħal l-użu tat-tiara fi kwalunkwe ħin matul il-pontifikat tiegħu). Tajjeb insemmu wkoll li fl-Ordni Militari Sovran ta’ Malta jew kif nafuhom aħjar, il-Kavallieri ta’ Malta, il- Prinċep u l-Gran Mastru jiġi elett għal għomor mill-Kunsill u l-membri tiegħu.

Napuljun I Imperatur tal-Franċiżi
Monarkija awtoproklamata nsibuha fil-każ meta persuna titlob jew tieħu l-monarkija mingħajr ebda rabtiet storiċi ma’ xi dinastija preċedenti. Hemm eżempji ta’ mexxejja repubblikani li pproklamaw lilhom infushom monarki. Napuljun I ta’ Franza ddikjara lilu nnifsu Imperatur tal-Franċiżi u ħakem l-Ewwel Imperu Franċiż. Yuan Shikai, l-ewwel President formali tar- Repubblika taċ-Ċina, inkuruna lilu nnifsu Imperatur tal-Imperu taċ-Ċina għal żmien qasir ftit snin wara li twaqqfet ir-Repubblika taċ-Ċina fl-1912 u l-President Jean-Bédel Bokassa tar- Repubblika Ċentru-Afrikana ddikjara lilu nnifsu Imperatur tal-Imperu Ċentrali Afrikan fl-1976. 

Insibu wkoll il-monarkija semi-kostituzzjonali. Din hija monarkija fejn il-monarka jmexxi skont kostituzzjoni demokratika iżda xorta jżomm setgħat sostanzjali. Pereżempju l-Prinċipat ta' Liechtenstein u l-Prinċipat ta' Monaco huma monarkiji semi-kostituzzjonali Ewropej.

Rwol

Il-monarkija, speċjalment il-monarkija assoluta, xi drabi hija marbuta ma’ aspetti reliġjużi. Ħafna monarki xi drabi sostnew dan id-dritt u kienu jgħidu li kienu jaħkmu bir-rieda ta’ Alla, dak li jissejjaħ  id-dritt Divin tas-Slaten jew il-Mandat tal-Ġenna. Oħrajn kienu jsostnu li kelhom xi konnessjoni speċjali ma' xi divinità, allura hawn insibu ir-re sagru, jew saħansitra ġieli allegaw li huma slaten divini, jew inkarnazzjonijiet ta’ allat, bħalma kien meqjus l-imperatur tal-Imperu Ruman. Ħafna monarki Ewropej ġew imsejħa Fidei defensor (Difensur tal-Fidi). Ikollna ngħidu li xi wħud għandhom pożizzjonijiet uffiċjali relatati mar-reliġjon tal-istat jew mal-Knisja tal-pajjiż bħall-każ tal-Monarka Brittanika li huwa wkoll il-kap taċ-Church of England.

Illum

Bħalissa fid-dinja nsibu 43 nazzjon u popolazzjoni ta’ madwar nofs biljun ruħ li għandhom monarka bħala kap ta' stat. Fost dawn ir-Re Karlu III huwa r-re ta’ ħmistax-il nazzjon fil-Commonwealth. Minbarra dawk li semmejna fl-artiklu tajjeb insemmu wkoll il- Prinċipat ta' Andorra, ir- Renju tal-Belġju, ir- Renju tad-Danimarka, il- Gran Dukat tal-Lussemburgu, ir -Renju ta’ Netherlands, ir- Renju tan-Norveġja, ir- Renju ta' Spanja u r-Renju tal-Isvezja li huma stati Ewropej, kompletament demokratiċi, li fihom il-monarka għandu rwol limitat jew fil-biċċa l-kbira ċerimonjali. Fil-kumplament tad-dinja nsibu monarkiji oħra, xi wħud bi tmexxija assoluta imma hawn illimitajt ruħi għal dawk Ewropej.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 6 ta' Mejju 2023



 

sabato 15 dicembre 2018

Is-Sacra Infermeria


Waħda mill-binjiet li l-Kavallieri ta’ Malta ħasbu li jibnu ġewwa l-Belt Valletta kienet dik li huma sejħu s-Sacra Infermeria, jew aħjar il-post li kien iservi biex fih jiġu kkurati l-morda. Ma rridux ninsew li l-Ordni ta’ San Ġwann minbarra li kien Ordni ta’ Kavallieri u għalhekk kien dmirhom li jissieltu, kien ukoll fl-istess waqt Ordni ta’ Ospitalieri għalhekk kellhom ukoll id-dmir li jikkuraw lill-morda.

Ftit storja
Il-bini ta’ dan il-post enormi nbeda lejn tmiem is-sena 1574 meta l-Ordni ta’ San Ġwann u għalhekk anke pajjiżna kienu mmexxija mill-Gran Mastru Franċiż  Jean de la Cassiere. Ma rridux nimmaġinaw li l-bini li naraw illum sar f’daqqa għax fis-sewwa dan tkabbar kemm-il darba sa taħt it-temxxija tal-aħwa Aragoniżi il-Gran Mastri Rafel u Nikola Cotoner bejn l-1660 u l-1666. Allura dlonk nindunaw li l-bini baqa’ jitkabbar jew jinbidel għall-aħjar għal aktar minn disgħin sena. Meta l-binja ħadet il-forma aħħarija tagħha kellha fiha waħda mill-itwal swali fl-Ewropa ta’ dak iż-żmien, sala li għadna narawha u nużawha; sala twila 155 metru. Bħala sptar dan il-post kien meqjus wieħed mill-aqwa fl-Ewropa u kien jista’ jilqa’ fih aktar minn disa’ mitt pazjent, numru tabilħaqq kbir għal dawk is-snin. Fl-1676 f’dan l-isptar twaqqfet l-iskola tal-Anatomija li nistgħu ngħidu kienet il-bidu tal-iskola tal-mediċina f’Malta. Meta Napuljun Bonaparti u s-suldati tiegħu keċċew lill-Kavallieri minn pajjiżna, is-sacra Infermeria baqgħet isservi bħala sptar militari. Minkejja ż-żmien qasir ta’ dawn il-ħakkiema fuq artna, huma għamlu xi tibdil fil-bini li qed insemmu biex ikollu ventilazzjoni aħjar. Mal-qawma tal-Maltin kontra l-mexxejja mhux mixtieqa minnhom u l-imblokk tal-Franċiżi, dan l-isptar spiċċa ħażin għax ma kellux ikel u xorb biżżejjed għall-pazjenti ta’ ġo fih.

L-Ingliżi żammew dan il-bini bħala sptar għal xi żmien ukoll. Billi huwa qrib, nistgħu għidu max-xatt tal-Port il-Kbir, iċ-ċentru tal-kummerċ tal-pajjiż kollu, is-Sacra Infermeria, li bdew isejħu Knights Hall, serviet bħala sptar għall-baħħara li jaslu Malta morda u għall-morda b’mard serju. It-tmiem tal-ewwel gwerra dinjija ra wkoll it-tmiem ta’ dan il-bini bħala sptar. Issa l-bini beda jintuża bħala kwartieri ġenerali tal-pulizija. Matul it-tieni gwerra dinija dan il-bini intlaqat bosta drabi u ħafna minnu twaqqa’

Restawr
Mis-sala t-twila kien fadal biċċa mhux ħażin li baqgħet mhux minsusa bil-gwerra għalhekk wara dak iż-żmien ta’ qerda, parti minn din is-sala sar post ta’ divertiment għat-truppi Brittaniċi. Infetaħ ukoll teatru għat-tfal u aktar tard dan il-post beda jintuża bħala sala għall-eżamijiet tal-kbar, dawk li kienu jissejħu General Certificate of Education (GCEs).

Iżda kull ma jmur il-binja kienet qed tiddeterjora u kien hemm bżonn ta’ restawr. Saru bosta tentattivi biex dan il-bini jkun restawrat imma l-akbar xogħol seħħ lejn tmiem is-snin sebgħin tas-seklu li għadda fejn sar xogħol kbir biex infetħet Dar il-Mediterran għall-Konferenzi. L-aktar li nafu bihom huma s-sala t-twila li għandha suffett tas-saqaf tal-injam mill-isbaħ u s-sala Repubblika li fiha jsiru l-aktar avvenimenti jew festivals importanti fil-pajjiż. Biss dan mhux kollox. Fil-binja hemm bosta swali oħra bħal dawk imsejħin għal La Cassier, Perellos, Vassalli u Temi Zammit. Insibu wkoll restaurant li kapaċi jilqa’ fih sa elf ruħ, naħseb li dan huwa l-akbar post tal-ikel f’Malta. Meta kien lest dan il-proġett ta’ restawr estensiv, u l-post kien inawgurat fil-11 ta’ Frar 1979, kien deskritt bħala xogħol stupend u tassew kien hekk għaliex il-post ingħata l-premju Europa Nostra; il-premju għall-ħarsien tal-patrimonju Ewropew.

Disgrazzja
Fil-25 ta’ Marzu tas-sena 1987 fil-post kienet qed issir konferenza ta’ kumpanija barranija. Kien intuża laser li f’ħin minnhom kien ippuntat lejn il-purtira tal-palk u din ħadet in-nar. Ma damx wisq ma nfirex il-ħruq li tant kien kbir li parti mis-saqaf tas-sala ċediet. Il-ħsara li telgħet għal miljuni ta’ ewro ġiet imsewwija u sar il-ftuħ mill-ġdid tal-post fl-4 ta’ Ottubru 1989.

Żgur li l-Maltin jiġuhom f’moħħhom żewġ avvenimenti meta nsemmu Dar il-Mediterran: il-festival tal-Kanzunetta għall-Ewropa u l-Fiera tal-Ktieb. Dawn huma żewġ avvenimenti li jiġbdu eluf kbar ta’ Maltin lejn dan il-post imma dawn ma humiex l-attivitajiet waħdanin li jsiru hemmhekk. Matul is-sena jsiru għadd ta’ rappreżentazzjonijiet u attivitajiet oħra ta’ livell għoli li jkun jixraq li jsiru f’ dan il-post tant prestiġjuż.

Is-Sacra Infermeria, l-isptar militari, id-depot tal-pulizija, sala tat-teatru, sala tal-eżamijiet u ċentru tal-konferenzi. Kemm għaddiet minn storja twila din il-binja li taħkem fuq is-swar tad-daħla tal-Port il-Kbir. Tajjeb li meta nżuru dan il-post niftakru l-għan li għalih inbniet u x’serviet matul is-snin għaliex hija parti mill-istorja tagħna, hija binja importanti fil-Belt Valletta, il-Belt Kulturali Ewropea tas-sena 2018.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 15 ta' Diċembru 2018