sabato 7 novembre 2026

Ir-Relikwi

 

Ir-relikwi għandhom post importanti fl-istorja u fit-tradizzjoni Nisranija. Il-kelma “relikwa” ġejja mil-Latin reliquiae, li tfisser dak li jibqa’ jew dak li jitħalla warajh. Fil-kuntest reliġjuż, relikwa tista’ tkun parti mill-fdalijiet ta’ qaddis jew oġġett marbut mill-qrib mal-ħajja tiegħu.

Fil-bidu

Sa mill-ewwel sekli tal-Kristjaneżmu, l-Insara kienu jagħtu ġieħ lill-fdalijiet tal-martri u tal-qaddisin. Dawn kienu persuni li taw xhieda tal-fidi tagħhom, u ħafna minnhom saħansitra tilfu ħajjithom minħabba t-twemmin tagħhom. Il-fdalijiet tagħhom kienu għalhekk jinżammu b’rispett kbir bħala tifkira tal-ħajja u tal-fidi tagħhom.

Fit-tradizzjoni Kattolika, ir-relikwi jistgħu jinkludu partijiet mill-ġisem ta’ qaddis, bħall-għadam, ix-xagħar jew id-demm. Jistgħu jkunu wkoll oġġetti personali li kienu jappartjenu lil qaddis jew li kellhom kuntatt miegħu. Ir-relikwi ħafna drabi jinżammu f’kontenituri apposta msejħa relikwarji, li jistgħu jkunu xogħlijiet artistiċi u dekorattivi ħafna.

Qima u venerazzjoni


Huwa importanti li ssir distinzjoni bejn il-qima lil Alla u l-venerazzjoni tar-relikwi. Fit-tagħlim Kattoliku, ir-relikwa mhijiex meqjuma bħala xi divinità. Dina tingħata venerazzjoni minħabba r-rabta tagħha mal-qaddis, u għandha tgħin lill-fidili jiftakru fl-eżempju tiegħu u jersqu aktar lejn Alla.

Ir-relikwi għandhom ukoll rabta qawwija mal-istorja reliġjuża ta’ Malta. Il-venerazzjoni tagħhom fil-gżejjer tagħna kompliet tiżviluppa b’mod partikulari wara l-wasla tal-Ordni ta’ San Ġwann fl-1530. Relikwi ta’ qaddisin kienu jinġiebu Malta u jinżammu fil-knejjes, kultant f’urni mżejna jew f’figuri magħrufa bħala corpi santi. Dokumentazzjoni storika tindika li l-ewwel translazzjoni dokumentata ta’ relikwi f’Malta seħħ fir-Rabat fl-1608.

Il-Korpi Santi

Il-Korpi Santi huma relikwi ta’ martri Nsara li nġiebu minn katakombi u ċimiterji antiki ta’ Ruma u tqiegħdu għall-venerazzjoni f’diversi knejjes. Matul is-sekli, ħafna minn dawn ir-relikwi ngħataw lil parroċċi u komunitajiet reliġjużi u biż-żmien inħolqot devozzjoni qawwija lejhom.

Ħafna drabi, il-fdalijiet kienu jitqiegħdu f’figura li tirrappreżenta lill-martri, liebsa b’ilbies rikk u mżejna b’deheb, fidda u dekorazzjonijiet oħra. Dawn il-figuri kienu jinżammu f’urni jew relikwarji tal-ħġieġ biex il-fidili jkunu jistgħu jarawhom u jqimuhom. Xi wħud minnhom għadna nsibuhom kemm taħt kif ukoll fuq l-artali fil-knejjes tagħna.

F’Malta, il-Korpi Santi saru parti importanti mill-wirt reliġjuż ta’ diversi parroċċi. Il-wasla tagħhom kienet ġieli tkun akkumpanjata minn ċelebrazzjonijiet solenni, purċissjonijiet u talb. Għalhekk, minbarra l-importanza reliġjuża tagħhom, illum il-Korpi Santi għandhom ukoll valur storiku, kulturali u artistiku, u jfakkruna fid-devozzjoni lejn il-martri li żviluppat matul is-sekli.

Il-Bejgħ tar-Relikwi

Matul l-istorja, ir-relikwi saru oġġetti mfittxija ħafna minħabba l-importanza reliġjuża tagħhom. Dan wassal ukoll għal abbużi, fosthom il-bejgħ u x-xiri ta’ relikwi. Fil-Knisja Kattolika, ir-relikwi sagri m’għandhomx jiġu ttrattati bħala oġġetti kummerċjali u huwa projbit kull bejgħ tagħhom. Il-liġi tal-Knisja tipprojbixxi b’mod ċar il-bejgħ ta’ relikwi sagri. Il-Kodiċi tal-Liġi Kanonika jgħid li huwa assolutament ipprojbit li jinbiegħu relikwi sagri. Din il-projbizzjoni tgħin biex tinżamm id-dinjità tagħhom u biex jiġi evitat li d-devozzjoni reliġjuża tinbidel f’negozju.

Illum wieħed jista’ jiltaqa’ ma’ relikwi jew oġġetti ppreżentati bħala relikwi għall-bejgħ, speċjalment fuq l-internet u fis-suq tal-antikitajiet. Minbarra l-kwistjoni reliġjuża, f’każijiet bħal dawn tista’ tqum ukoll il-kwistjoni tal-awtentiċità u tal-provenjenza tagħhom. Għalhekk, ir-relikwi għandhom jitqiesu primarjament bħala parti mill-wirt reliġjuż u storiku, aktar milli bħala oġġetti għall-kummerċ. Dak li jitħallas għandu jkun għall-kontenitur u mhux għar-relikwa.

Relikwa ta’ San Mikiel

San Mikiel huwa anġlu u għalhekk, skont it-tradizzjoni Nisranija, m’għandux ġisem jew fdalijiet umani bħalma għandhom il-qaddisin. Għalhekk ma jistax ikun hemm relikwa tiegħu fis-sens ta’ għadam jew parti minn ġismu. Iżda hemm aneddotu ħelu li jirrakkonta storja tal-Medju Evu, żmien fejn kien isir ħafna negozju ta’ relikwi. Jingħad li wieħed negozjant mar f’raħal biex ibiegħ relikwa ta’ San Mikiel. U x’kienet din ir-relikwa? Huwa qal li waqt li San Mikiel kien qed ikeċċi lil Luċifru mil-ġenna, waqgħetlu rixa mil-ġwienaħ u din ġiet fid-dinja. Xi ħadd induna bl-ingann ta’ dan in-negozjant u bidillu r-rixa f’faħma. Hekk kif in-negozjant fetaħ il-borża li kellha jkollha fiha r-rixa minflokha sab il-faħma, niżel għarkupptejh u talab lil dawk li kienu qed jarawh jagħmlu bħalu. Qalilhom li kien għadu kemm seħħ miraklu għax ir-rixa ta’ San Mikiel inbidlet mal-faħma li biha tqabbad in-nar tal-infern. Stejjer bħal dawn min jaf kemm hemm u għalhekk kienet għaqlija l-Knisja li twaqqaf dan it-tip ta’ negozju. Il-Vatikan jiċċara wkoll li huma pprojbiti kemm il-bejgħ għal prezz kif ukoll il-kummerċ jew skambju ta’ relikwa għal flus jew għal xi ħaġa oħra.

Għal ħafna Nsara r-relikwi mhumiex sempliċement oġġetti antiki. Huma tifkiriet tanġibbli ta’ persuni li għexu l-fidi tagħhom b’dedikazzjoni. Fl-istess ħin, għandhom valur storiku u kulturali għax jgħinuna nifhmu aħjar it-tradizzjonijiet, id-devozzjonijiet u l-arti reliġjuża li żviluppaw matul is-sekli.

Fr Reno Muscat

 

 Dan l-artiklu dweher f'In-Nazzjon - 7 ta' Novembru 2026




Nessun commento:

Posta un commento