Visualizzazione post con etichetta musulmani. Mostra tutti i post
Visualizzazione post con etichetta musulmani. Mostra tutti i post

sabato 11 settembre 2021

Post il-kult

 

Il-bniedem huwa annimal li min-natura tiegħu huwa reliġjuż. Meta ngħid reliġjuż ma rridx infisser li huwa marbut ma’ xi fidi jew tagħlim ta’ xi twemmin partikolari imma s-sens li jħoss ġewwa fih li hemm xi qawwa akbar u ogħla minnu li tmexxi d-dinja u tiddetermina lil ħajtu. Din ir-reliġjożità tista’ tkun marbuta ma’ xi fidi storika jew tista’ ma tkunx. Billi l-bniedem huwa wkoll soċjevoli, dan is-sentiment reliġjuż li jħoss ikun irid jaqsmu ma’ ħaddieħor li jkollu l-istess twemmin. Għalhekk inħolqu il-postijiet tal-kult.

Mill-qedem

Pajjiżna jista’ jiftaħar li fih jinstabu fost l-eqdem tempji tad-dinja li fihom kienu jiltaqgħu gruppi ta’ nies biex jeżerċitaw ir-ritwali reliġjużi tagħhom. It-tempji monumentali u preistoriċi ta’ Malta nbnew bejn 5,500 u 2,500 Qabel Kristu u llum nafu li huma l-eqdem binjiet fl-Ewropa, saħansitra aktar antiki mill-Piramidi tal-Eġittu u Stonehenge tal-Ingilterra. Huma magħrufin għad-diversità tal-forma u t-tiżjin tagħhom u jikklassifikaw fost l-ewwel bini fid-dinja. Dawn il-binjiet huma l-Ġgantija ta’ Għawdex, Ħaġar Qim, l-Imnajdra u t-tempji ta’ Ħal Tarxien. Tempji simili għal dawn li għandna f’pajjiżna nsibuhom mifruxin mal-Ewropa mill-Irlanda sal-peninsula Iberika u lejn ix-xatt tax-xmara Danubju. Kollox jindika kemm l-antenati tagħna ħassew li kellhom iduru lejn dik il-qawwa sopranaturali li tmexxihom.

Aktar qrib tagħna

F'tempju Buddista
Biż-żmien il-bniedem beda jorganizza ruħu aħjar u fejn tidħol ir-reliġjożità beda jidentifika ruġu ma’ xi għaqda jew fidi. Fl-Asja, r-reliġjonijiet l-aktar mifruxin huma dik Buddista u dik Ħindu. Bħala post ta’ kult dawn kellhom u għad għandhom it-tempji. It-tempju Buddista huwa post sagru ġeneralment magħmul jew minn bini wieħed jew aktar. Fih insibu s-sala prinċipali li fiha normalment ikun hemm l-istatwa ta’ Budda. Qrib tat-tempju aktarx ikun hemm xi monasteru għall-irħieb Buddisti. L-arkitettura tat-tempji Ħindu tipprovdi struttura miftuħa u mibnija b’mod simetriku b'ħafna varjazzjonijiet, b’figuri ġeometriċi perfetti, bħal ċrieki u kwadri.

Jekk nibqgħu nersqu aktar qrib żminijietna naraw li l-Griegi tal-qedem ukoll kellhom it-tempji biex fihom iqimu lill-allat tagħhom. Billi dan il-poplu kien jaħkem bosta artijiet, kien jibni tempji kull fejn ikollu preżenza. Illum il-fdalijiet ta’ dawn it-tempji saru l-patrimonju ta’ dik l-art li jinsabu fiha. Mhux wisq bogħod minn pajjiżna, sewwasew fi Sqallija, f’Agrigento għadna nistgħu naraw għadd ta’ tempji Griegi. Ir-Rumani ħadu ħafna mill-Griegi u huma wkoll kienu jibnu tempji lill-allat tagħhom. Meta twieldet il-fidi Nisranija, sakemm dawk li ħaddnu din il-fidi ġdida kellhom il-ħelsien li jipprattikawha, kienu jużaw il-katakombi bħala l-post tal-kult tagħhom. Hawn ukoll pajjiżna jista’ jiftaħar li huwa minn ta’ quddiem għax wara Ruma, Malta tħaddan l-akbar għadd tagħhom.

Qabel l-Insara

L-Insara kienu meqjusin bħala setta li ħarġet mill-fidi Lhudija u għalhekk għall-bidu ftit kien hemm min jagħmel distinzjoni bejn Lhudi u Kristjan. Il-Lhud ukoll kellhom it-tempju fil-belt ta’ Ġerusalemm, imma dan twaqqa’ mir-Rumani fis-sena 70 Wara Kristu. Ta’ min jgħid li dan kien it-tielet tempju mibni fil-post u minn meta twaqqa’ mir-Rumani ma reġa’ nbena qatt. Il-Lhud għandhom is-sinagoga bħala l-post tal-kult tagħhom. Is-sinagoga aktarx li bdiet tintuża matul l-eżilju Babiloniż fil-ħames seklu Qabel Kristu u wara l-qerda tal-ewwel Tempju, id-drawwa tas-sinagoga kienet miġjuba lejn Iżrael mil-Lhud li kienu rritornaw mill-eżilju. Għal-Lhud, it-tempju kien il-post fejn jgħammar Alla u s-sinagoga hija biss il-post tal-kult u t-talb.

Il-knisja, post il-kult Nisrani
Insara 

L-ewwel Insara kienu jiltaqgħu fid-djar biex jiċċelebraw il-kult tagħhom. Din il-ħaġa ma kinitx issir biss f’Iżrael, il-post fejn twieled il-Kristjaneżmu imma kull fejn inxtered. Ruma għadna sal-lum insibu knejjes antiki ddedikati lil xi qaddis jew qaddisa li ma nafux min hu jew min hi, bħal Santa Sabina jew Santa Priska. Dawn ma kienu ħadd għajr is-sidien tad-djar fejn kienu jiltaqgħu l-ewwel Insara biex jeżerċitaw il-kult. Dawn id-djar kienu jissejħu Domus Ecclesia, dar-knisja u biż-żmien sidhom beda jissejjaħ bħala qaddis. Illum il-Kristjaneżmu huwa maqsum fi friegħi u huwa stmat li madwar id-dinja kollha hawn xi 37 miljun knisja.

Musulmani

Taj Mahal huwa wkoll moskea
Il-moskea hija l-post tat-talb għall-fidili tal-Iżlam. Il-moskea għandha miḥrāb, bħal niċċa li tindika d-direzzjoni ta’ Mekka fejn hemm ukoll il-Kaʿba, meqjusa bħala l-ewwel Santwarju Musulman iddedikat għall-qima ta’ Allah. Minkejja li mhix ħaġa obbligatorja, il-moskea ġieli jkollha wkoll il-pulptu minfejn l-imam jaqra l-Koran. Billi l-fidi Iżlamika ma tippermettix xbihat, f’xi moskeji nsibu disinji tabilħaqq sbieħ li jsebbħu lill-binja. Madwar id-dinja nsibu kważi 4 miljun moskea.

Hemm xi denominazzjoniet reliġjużi oħra li minkejja li huma żgħar għandhom il-post tal-kult tagħhom ukoll bħal ngħidu aħna s-sala tas-Saltna tax-Xhieda ta’ Ġehova fost oħrajn.

Hekk rajna fuq fuq xi postijiet li l-bniedem, hu min hu, hu fejn hu, juża biex jesprimi dak is-sentiment reliġjuż li jħoss ġewwa fih.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 11 ta' Settembru 2021



venerdì 21 febbraio 2020

Idur mad-Dinja


Spiss fil-kitbiet tiegħi noħodkom f’xi post interessanti, li aktarx inkun żort iżda llum il-ħsieb tiegħi waqa’ fuq post li ħadd minnha ma mar fih. Illum ħlomt bil-qamar!

Nitfa tagħrif
Hemm ħafna x’wieħed jgħid fuq il-qamar imma jien la jiena astronawta u lanqas nifhem fix-xjenza allura se nwassal dak li fittixt dwaru u li kien ta’ interess għalija u nispera li jkun għalikom ukoll. Il-qamar huwa maħsub li ilu jeżisti madwar 4 biljun sena u nofs, jew ftit wara li kienet inħolqot id-dinja. Aktarx li dan ifforma minn blata li tfarrket f’ħabta bejn id-dinja tagħna u pjaneta oħra bl-isem ta’ Theia. Huwa jinsab tliet mija u erbgħa u tmenin elf u erba’ mitt kilometru bogħod mid-dinja tagħna. Biex vettura spazjali tasal fuq il-qamar trid bosta sigħat u jiddependi jekk il-vettura jkolliex nies fiha jew le. Vettura spazjali bin-nies tista’ tasal fuq il-qamar bejn wieħed u ieħor fi tlett ijiem filwaqt li vettura bla bnedmin fuqha tista’ tasal f’inqas minn nofstanhar. Il-qamar tad-dinja tagħna huwa wieħed mill-bosta qmura li nsibu fis-sistema solari imma huwa l-akbar wieħed li jeżisti.

Marbut mal-imħabba
Il-qamar donnu għandu rabta speċjali mal-maħbubin, bħal donnu sinonimu mal-imħabba. Dan għandu mnejn intrabat mal-maħbubin għax dawn aktarx jiltaqgħu meta hu jkun jidher mid-dinja. U ha ngħiduha kif inhi, mixja għad-dawl tal-qamar hija meravilja. Tant hu hekk li anke l-miżżewġin friski jgħidu li fl-ewwel żmien ikun fuq qamar il-għasel. Din ta’ qamar il-għasel ma hijiex xi ħaġa tal-Maltin biss għax l-Ingliżi jsejħulu honeymoon, kelma li daħlet fostna u keċċiet il barra il-kelma Maltija, u t-Taljani wkoll isejħulu luna di miele. L-Ispanjoli jsejħulu Luna de miel u l-Franċiżi Lune de miel. Mela qed naraw li l-qamar huwa marbut mal-imħabba mhux f’pajjiżna biss.

Mal-kant
Il-qamar insibuh ukoll imsemmi f’bosta kanzunetti. L-ewwel ma tiġi f’moħħi hija dik Taljana ta’ Gianni Togni li propju ġġib l-isem “Luna”. Mużika mill-isbaħ hija dik li jisimha “Moonlight seranade” filwaqt li niftakar f’żgħożiti u fid-diska ta’ Mike Oldfield “Moonlight shadow”. Ftakart kemm konna nisfnuha fis-snin tmenin. Niftakar ukoll il-kliem tad-diska “That’s amore” li jgħid li “when the moon hits your eyes like a big big surprise that’s amore”. Inkun qed nonqos jekk hawnehkk ma nsemmix diska Maltija li titratta l-qamar għalkemm ma għandha x’taqsam xejn mal-imħabba jew il-maħbubin. Qed nirreferi għad-diska ċajtiera ta’ Charles Clews bl-isem “Sparaw għall-Qamar”. Kemm kienet popolari fi tfulti dik id-diska. Illum il-kantant tagħha miet u kważi mietet ukoll il-kanzunetta bil-Malti…. sfortunatament.

Fi kliemna
Meta nitkellmu ġieli nużaw il-qamar biex infissru dak li nkunu rridu ngħidu. Ġieli nirreferi għal xi persuna bħala “qamar” għax ma tkunx tista’ toqgħod fuqha. Dan minħabba li l-attitudni ta’ bniedem bħal dan tvarja spiss sewwasew kif ivarja l-qamar, daqqa kwinta u daqqa jidher biċċa biss minnu. Il-qamar ukoll jiġi assoċjat ma’ dawk li jbatu bl-epilessija. Illum ma tantx għadna nisimgħha imma qabel għal dawn in-nies kienet tintuża l-frażi li “jbatu b’tal-qamar”. Imbagħad meta wieħed ikun irid jindika xi forma ta’ tpattija jew ta’ nkwiet li jkun ser jidħol fih insibu l-idjoma;  “il-qamar fil-bir”.  Meta wieħed ikun mifxul ngħidu li qisu “qiegħed fuq il-qamar” u meta wieħed ikun xi ftit stramb ġieli nsejħulu bħala wieħed li waqa’ mill-qamar.

Simboli
Il-qamar insibuh ukoll fl-araldika. Wieħed mill-Granmastri li mexxew pajjiżna kellu l-arma ta’ kunjomu turi ħames nofs qmura. Dan kien Emanuel  Pinto de Fonseca, Portuġiż li mexxa l-Ordni bejn l-1741 sal-1773. Billi dan il-Granmastru kien ta ismu lir-raħal ta’ Ħal Qormi, il-kunsill lokali ta’ din il-lokalità għandha l-arma b’dawn il-ħames nofs qmura wkoll. Dawn l-istess ħames nofs qmura jidhru wkoll fl-arma tal-Università ta’ Malta. Fuq l-arma tal-kunjom Ellul insibu wkoll in-nofs qamar. Aktarx li dan il-kunjom ġej mill-Għarbi Hilal li tfisser nofs qamar. In-nofs qamar jidher ukoll fuq l-arem tal-familji Inglott, Sultana u Laiviera. In-nofs qamar jirrapreżenta wkoll is-simbolu tal-fidi Musulmana sewwasew kif l-istilla ta’ David tirrapreżenta lil-Lhud u s-salib jirrapreżenta lill-Insara.  Insibu bosta bnadar ta’ stati li fihom jidher in-nofs qamar. Fost l-aktar popolari  hemm il-bnadar tal-Alġerija, l-Ażerbajġan, il-Bangladesh, il-Burunei, tal-Libja, tat-Tuneżija, tat-Turkija, tal-Pakistan u ta’ Singapore. Dawn ma humiex l-uniċi bnadar bin-nofs qamar, anzi huma inqas minn nofshom.
Illum dorna dawra mal-qamar. Hemm ħafna aktar xi ngħidu dwaru.

Illejla jekk tħares il fuq lejn is-sema tkun tista’ tgħid li minkejja li huwa daqstant bogħod minna, xorta nħossuh qrib tagħna għax insemmuh spiss fil-ħajja tagħna.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 22 ta' Frar 2020







sabato 9 maggio 2015

Minkejja t-terrur u l-biża’ xorta baqgħu joqgħodu fl-Iraq

Minkejja li l-qagħda ġewwa l-Iraq ma hija xejn stabbli, minkejja li bosta entitajiet wissew biex dak li jkun iħalli dan il-pajjiż kemm jista’ jkun malajr, xorta hemm min għażel li jibqa’ jgħix f’ nofs it-terrur u l-biża’ li ħakkmu lill-Iraq dawn l-aħħar xhur.

Xhieda
“Matul il-lejl ġieli nisimgħu l-isparar, imma b’ xorti tajba qatt ma kien hemm ġlied qalil qrib id-dar tagħna.” Qal wieħed saċerdot li baqa’ jgħix ġewwa r-raħal ta’ Alqosh li jinsab madwar 12-il kilometru bogħod minn fejn l-armata Kurda qegħda tikkumbati lill-ISIS. Dan is-saċerdot huwa mir-raħal ta’ Batnaya u kien l-aħħar wieħed li ħalla dan ir-raħal qabel waslu fih il-Jiħadisti. Minn meta l-ISIS beda l-attakki fuq l-Iraq, għexieren ta’ qassisin u reliġjużi spiċċaw bla saqaf fuq rashom u kellhom jaħarbu. Dawn tilfu mhux biss darhom ,imma l-kunventi tagħhom, l-iskejjel u d-djar tat-tfal li kellhom – tilfu dak li kienu bnew b’ tant tbatija matul is-snin.

Sor Suhama, soru Dumnikana qalet li huma tilfu 23 dar u kunvent. “Fil-kunvent ta’ Qaraqosh konna 26 soru biss biss. Konna komunità sabiħa u kellna ħafna xogħol. Kellna nitilqu u ġejna ngħixu hawnhekk, qrib Erbil il-belt kapitali tal-Kurdistan. Bosta minna għadna noħolmu li xi darba nerġgħu lura lejn Qaraqosh.” Waqt li Sor Suhama kienet qegħda tirrakkonta, soru oħra kienet qegħda tisma’. Ħin bla waqt infexxet tibki u qaltlina: “Minn kemm ilna li ħallejna Qaraqosh, mietu 14-il soru – imma aħna nibqgħu hawn, qalulna bosta drabi biex inħallu l-Iraq, imma n-nies għandha bżonn il-Knisja, għandha bżonna.”

Sor Suhama qalet li huma obbligati jibqgħu man-nies u jekk l-Insara kollha jħallu l-Iraq, is-saċerdoti u s-sorijiet żgur li jkunu l-aħħar nies li jagħmlu dan. Madanakollu hija ma temminx li xi darba għad jispiċċaw l-Insara kollha mill-Iraq.

Sitwazzjoni attwali
Dawk li kellhom jaħarbu minn darhom, fosthom is-sorijiet, issa qegħdin jgħixu f’ caravans. Kull caravan fiha żewġt ikmamar u kamra tal-banju waħda. Sitwazzjoni bħal din minbarra li ma hija xejn pjaċevoli, qegħda ġġib bosta ġlied u nkwiet bejn il-familji li joqgħodu fl-istess caravan u ma’ oħrajn. Hemm madwar 800 familja jgħixu ’l barra minn Erbil. L-irġiel tilfu xogħolhom u għalhekk il-problemi komplew jiżdiedu anke fil-familji. Bosta drabi l-vittmi ta’ dan l-inkwiet fil-familji jkunu t-tfal li ma jafux jiddefendu ruħhom.

Qrib din iż-żona ta’ caravans hemm subborg bl-isem ta’ Kazanzan fejn hemm 3 sorijiet li jagħmlu dak kollu li jistgħu biex jgħollu l-moral tal-Insara fil-post. Organizzaw kindergarten u fi żmien l-Għid li għadda mexxew il-liturġija minħabba n-nuqqas ta’ preżenza ta’ saċerdot.

Seminaristi
Bosta saċerdoti u seminaristi wkoll kienu mġegħlin mill-ISIS biex jaħarbu minn djarhom u dawn sabu kenn fi djar privati. “L-ISIS mhux talli waqqfuna mill-mixja tagħna, imma komplew isaħħulna l-vokazzjoni” qal Randi, seminaristi li kien jistudja fis-seminarju ta’  Erbil. “Kien hawn min hu xxurtjat u rnexxielu jibqa’ ħaj. Dan juri li Alla huwa Alla tal-ħajja u li jieħu ħsiebna” temm jgħid dan is-seminarist Iraqqin. Martin, seminarist ieħor, li huwa diġa djaknu, qal li x-xewqa tiegħu hija li jiġi ordnat saċerdot, jaf li din ix-xewqa li għandu tista’ jdum xhur twal biex isseħħ, imma l-akbar xewqa tiegħu hija li jagħmel l-ewwel quddiesa tiegħu f’ raħal twelidu, Karamlish mhux bogħod wisq minn Qaraqosh. Huwa qal li postu huwa hemmhekk u ma jimmaġinax li jħalli l-Iraq, minkejja li ommu u missieru ħarbu u llum jinsabu ġewwa l-Istati Uniti. “Posti hawnhekk, irrid naqdi lill-poplu tiegħi” qal Martin.

Jistgħu jitilqu
Bosta minn dawn ir-reliġjużi, saċerdoti u seminaristi kienu offruti l-okkażjoni li jħalli l-Iraq u jmorru jgħixu f’ pajjiż fejn hemm aktar sigurtà. Iżda minkejja kollox huma jħossu li posthom huwa hemm, iħossu li għandhom missjoni kbira x’ jaqdu, iħossu li jridu jerġgħu jibnu pajjiżhom filwaqt li jiżguraw li l-Knisja fl-Iraq tibqa’ tgħix. Iridu jerġgħu jgħallmu lill-poplu li huwa possibbli l-Musulmani jgħixu flimkien mal-Insara fis-sliem, sewwasew kif kienu jgħixu qabel. Tassew li l-aħħar li tmut hija t-tama u Allaħares ma kienx hekk għax kieku l-qagħda ta’ dawn il-povri nies hija bil-wisq agħar milli hi llum. Tama ta’ ħajja aħjar, tama li jerġgħu lura lejn darhom, tama li għad jerġgħu jibdew jgħixu ħajja bla ġlied, bla ħsejjes ta’ sparar. Tamiet u xewqat li nisperaw li ma jdumux wisq ma jsiru realtà.


Fr Reno Muscat


Dan l-artiklu deher f' In-Nazzjon, 9 ta' Mejju 2015





sabato 21 dicembre 2013

Żmien ta’ liema festi?

Il-kwistjoni dwar l-użu tal-kelma Christmas. Kemm varament toffendi lill-oħrajn?


Kull ma jmur iktar qiegħed jersaq il-jum tal-25 ta’ Diċembru, jum li l-parti l-kbira minna nsejħulu l-Milied. Ma’ dan il-jum hemm marbutin għadd ta’ festi u tradizzjonijiet.  Aħna l-Maltin ma aħniex differenti minn popli oħra. Huma wkoll jiem ta’ vaganzi fejn uffiċċji jew fabbriki jagħalqu bwiebhom sabiex il-ħaddiema jkunu jistgħu jgawdu l-familja tagħhom. Sfortunatament hemm faxxa ta’ ħaddiema li xogħolhom ma jistax jieqaf lanqas fi żmien il-festi, anzi hemm każi fejn dawn il-jiem ikunu impenjativi aktar mill-kumplament tas-sena.

Happy holidays
Ta’ kull sena f’dan iż-żmien tqum il-kwistjoni jekk għandniex niktbu Happy Christmas jew Happy Holidays. Jekk tibqa’ taħseb ftit tintbaħ li din ma hijiex ħaġa superfiċċjali imma hemm ħsieb moħbi wara. Bosta jippruvaw iġibu skuża b’ dawk li jħaddnu reliġjon mhux Kristjana u jgħidu li l-kelma Christmas tista’ toffendilhom is-sentimenti reliġjużi tagħhom. L-ewwel ħaġa tajjeb niftakru li holidays tista’ toħodhom meta trid, fis-sajf nieħdu vaganzi imma ma nawgurawx il-happy holidays lil xulxin.  Ma nibgħatux kartolini lil xulxin għax il-fabbrika għamlet ix-Shut down. Imma fil-Milied mhux hekk! Fil-Milied kulħadd jibgħat xi kartolina jew tnejn. Anke llum meta l-posta elettronika ħadet post l-ittri xorta fi żmien il-festi l-pustier jiżdiedlu mhux ħażin xogħolu. Il-mistoqsija hija waħda: Jekk ma jkunx il-Milied, ikollna vaganzi lejn tmiem is-sena? Kemm tabilħaqq il-kelma Christmas toffendi lil min ma jemminx fi Kristu?

Il-Musulmani
Meta naħsbu fuq fatti bħal dawn aktarx naħsbu li dawk li huma kontra l-użu tal-kelma Christmas huma il-Musulmani. Dan huwa żball għax il-Musulmani  l-ewwel ħaġa jirrikonoxxu l-Bibbja bħala ktieb qaddis  u għalhekk dak li hemm imniżżel fih huwa wkoll qaddis u t-tieni ħaġa l-Musulmani għandhom qima kbira lejn il-Madonna u lejn binha Ġesù. Dan ma jfisssirx li t-teoloġija Nisranija u dik Musulmana hija l-istess imma juri li mhux tassew li l-festi tat-twelid ta’ Ġesù joffendu lill-Musulmani.


Reliġjonijiet oħrajn
Flimkien mal-Insara u l-Musulmani, li huma l-ikbar żewġ reliġjonijiet fid-dinja,  hawn il-Buddisti u l-Indu li huma religjonijiet meqjusin kbar. Bejn Insara u Musulmani hawn bejn wieħed u ieħor 54% tan-nies tad-dinja, bejn Buddisti u Indu hawn madwar 22% ("People and Society". The World Factbook. CIA. 2012). L-Indu semgħu bi Kristu mingħand il-missjumarji Insara.  Bosta minnhom jammirawh bla ebda problemi minkejja li ma jikkonvetux. Eżempju wieħed huwa Mahatma Ghandi li dejjem ammira t-tagħlim ta’ Kristu b’ mod profond. L-istorja fil-Buddisżmu hija differenti għax għalihom ma hemx diskors dwar eżistenza jew nuqqas ta’eżistenza ta’ Alla. Madanakollu hemm xi Buddisti li juru interess kbir fit-tagħlim ta’ Kristu. (dokument: Cristo e le altre religioni Commissione Dialogo Interreligioso, 2000).

Tassew li minbarra dawn l-erba’ religjonijiet kbar jifdal kważi kwart tal-popolazzjoni dinjija. Imma kemm tassew iċ-ċelebrazzjonijiet tal-M ilied jagħtuhom fastidju lil dawn it-talin? Kważi nofs dan il-kwart ma jappartjeni għall-ebda reliġjon u n-nofs kwart l-ieħor jiġbor fih popli bi twemmin tribali, f’postijiet fid-dinja li tant huma remoti li niddubita jekk qattx semgħu bi Kristu jew bil-festa ta’ twelidu.

Nibża li dan il-ħafna plejtu li jsir ma huwa xejn għajr duħħan jew hemm xi intenzjoni moħbija. Żgur li l-pressjoni ma tiġix minn persuni ta’ twemmin differenti minn dak Kristjan


Fr. Reno Muscat OP

dan l-artiklu deher f' In-Nazzjon, 21 ta' Diċembru 2013

giovedì 5 settembre 2013

IL-KAŻ TA’ ASIA BIBI

Il-Pakistan huwa pajjiż imbiegħed minn artna, bħalna kien kolonja tal-Imperu Ngliż, anzi biex inkunu eżatti, il-Pakistan ma kienx jeżisti imma kien parti mill-Indja. Inħoloq il-Pakistan biex ikun art għall-Musulmani li kienu batuti taħt l-Indjani. Imma minkejja li kienu jafu xi tfisser tkun f’minoranza, xi wħud mill-Pakistani donnhom insew għax il-minoranzi f’pajjiżhom batew u għadhom ibatu taħthom. Fost ħafna stejjer li ta’ spiss nisimgħu bihom,u ħafna u ħafna iktar li ma nisimgħux bihom, il-każ ta’ Asia Bibi fetaħ għajnejn id-dinja. 

Id-dagħa
F’dan il-pajjiż hemm liġi imsejħa bħala l-Liġi kontra d-dagħa. Fi ftit kliem din il-liġi tgħid li kull min bi kliem, aġir, ħsejjes jew ġesti joffendi s-sentimenti reliġjużi ta’ ħaddieħor ikun meqjus bħala midgħi. Dawn il-każi għandhom piena – minn multa sal-mewt. Din il-liġi tinstab fil-Kodiċi Kriminali tal-Pakistan:   § 295, § 295-A, B u C, § 298, § 298-A, B u C.
 Wieħed jista’ jara dan il-Kodiċi fuq: http://www.pakistani.org/pakistan/legislation/1860/actXLVof1860.html 

It-tazza ilma u l-istqarrija tal-fidi
Aasiya  Noreen Bibi hija raħħala. Ma tafx tikteb u taqra, l-istess bħal żewġha Ashiq. Miegħu tgħix ħajja sempliċi fir-raħal ta’ Ittan Wali fil-provinċja tal-Punjab. Minbarra dik ta’ Asia hemm familja oħra Nisranija fir-raħal, dik ta’ ħabibitha Josephine. Ma għandhomx kurċifiss mal-ħajt ta’ darhom għax perikoluż wisq. Imma għandhom il-Bibbja li jżommu taħt is-saqqu anke jekk ma jafux jaqraw.

Asia għandha ħamest itfal, erbat ibniet u tifel. Tridhom jitgħallmu l-iskola u flimkien ma’ żewġha taħdem iebes biex uliedha jkunu jistgħu jistudjaw. Asia u Ashiq jagħmlu minn kollox biex bl-ebda mod ma jwaqqfu l-istudu ta’ xi ħadd minn uliedhom, għax jafu li bl-iskola biss jistgħu jgħixu ta’ nies fil-Pakistan. F’Ġunju tal-2009, Farah, l-ispiżjara tar-raħal, qalet lil Asia li fl-għelieqi mhux wisq imbegħda kienu qegħdin jaqtgħu t-tut. Jum xogħol kien jitħallas b’ 250 rupie. Kien l-4 ta’ Ġunju tal-2009, il-Ħadd. Asia qamet mas-sebħ: riedet timxi għadd ta’ kilometri biex tasal fl-għelieqi. Żewġha u wliedha kienu għadhom reqdin, ġibdet il-bieb warajha u telqet. X’ħin waslet fl-għelieqi kien hemm diġa madwar ħmistax-il mara jiġbru t-tut. Waħda resqet lejha, newlitilha qoffa u qaltilha li jekk timliha tingħata 250 rupie. Mal-ewwel daqqa t’għajn intebħet li l-qoffa tagħha kienet ikbar minn dawk tal-oħrajn. Kienet in-Nisranija waħdanija hemmhekk, qalb bosta Musulmani. Hija mdorrija ġġorr il-piż minħabba d-differenza fit-twemmin.

F’nofsinhar waqfet ftit. Mifnija u għarqana xraba. Poġġiet il-qoffa tat-tut fl-art, tellgħet barmil ilma, ħadet it-tazza li kien hemm fuq il-ħerża tal-bir u mlietha. Xorbot. Qatgħet l-għatx. Reġgħet xorbot, u wara tat it-tazza mimlija ilma lil waħda mara oħra li kienet ġiet biex tixrob ukoll. Kollox seħħ fi ftit ħin. X’ħin it-tieni mara ressqet it-tazza lejn ħalqha, mara oħra bdiet tgħajjat li dak l-ilma kien mniġġes. Asia ġiet akkużata li niġġset l-ilma tal-bir. Kemm-il darba kienet irċeviet akkużi u diskriminazzjoni. Kemm-il darba baxxiet għajnejha. Imma llum le. Anzi twieġeb għal dik l-akkuża bi kliem iebes: “Jien naħseb li fuq dil-ħaġa Ġesù jaħsibha mod ieħor minn Mawmettu”. Għan-nisa Musulmani din hija dagħwa. Bdew jagħtuha bil-ħarta u għajruha.
Waqa li qalgħet daqqiet u tgħajjir, Asia ġriet lejn darha, beżgħana u mingħajr il-250 rupie li għalihom kienet aċċettat li taħdem fil-jum tal-Ħadd.

Mewt lin-Nisanija!
L-għada Asia marret  għand il-ħabiba tagħha, Josephine. Qaltilha li fi ftit jiem oħra kien sejjer ikun hemm ġabra oħra ta’ tut. Kellha bżonn dawk il-250 rupie, imma kienet qegħda tibża terġa tmur f’ dawk l-għelieqi waħedha. Ħabibitha qaltilha li kienet sejra tmur magħha. Fl-għodwa li kellu jsir il-ġbir, iż-żewġ nisa iltaqgħu kmieni. Biex ma jaqilgħux inkwiet ħadu magħhom żewġ buqari bl-ilma mid-dar. Ix-xogħol beda fost l-indifferenza tan-nisa Musulmani. X’ħin il-qoffa ta’ Asia kienet kważi ntliet instama’ għajjat kbir.Ħarset il fuq u lemħet għadd ta’ rġiel u nisa riesqa lejha. Asia ma fhemitx x’ kien qiegħed jiġri. L-ilħna tal-folla bdew jgħidu: “Mewt lin-Nisranija!” Lil Asia dawruha u bdew jagħtuha bl-addoċċ, kaxkruha sar-raħal, sad-dar  tal-Imam tar-raħal. Akkużawha inġustament u wara offrew lil Asia żewġ possibiltajiet: jew tmut jew tikkonverti. Hija ma rieditx titlaq il-fidi tagħha u ma ammettietx li b’ xi mod offendiet il-fidi Musulmana jew lill-Profeta Mawmettu.

Ħabs u sentenza
Asia intefgħet il-ħabs u ingħatat is-sentenza tal-mewt bit-tgħallieq. Il-Papa Benedettu XVI kien appella għall-ħelsien ta’ Asia. “Illum – qal il-Papa fi Pjazza San Pietru – nuri l-viċinanza spiritwali tiegħi mas-Sinjura Asia Bibi u l-qraba tagħha, waqt li nitlob biex kemm jista’ jkun malajr tinħeles. F’dawn il-jiem id-dinja qegħda ssegwi, bi preokkupazzjoni kbira, il-qagħda mwegħra tal-Insara fil-Pakistan, li spiss qegħdin ikunu vittmi ta’ vjolenza u diskriminazzjoni”. (17 ta’ Novembru 2010)

Il-każ ta’ Asia ġera madwar id-dinja kollha u saru anke petizzjonijiet biex din tinħeles mill-piena tal-mewt. Is-sentenza ingħatat imma għadha ma ġietx eswegwita. Int tista’ titlob lill-awtoritajiet Pakistani jeħilsu lil Asia Bibi billi tiffirma l-petizzjoni fuq: 



Fr Reno Muscat OP

Dan l-artiklu deher f' In-Nazzjon tat-28 ta' Awwissu 2013