Minkejja li
l-qagħda ġewwa l-Iraq ma hija xejn stabbli, minkejja li bosta entitajiet wissew
biex dak li jkun iħalli dan il-pajjiż kemm jista’ jkun malajr, xorta hemm min
għażel li jibqa’ jgħix f’ nofs it-terrur u l-biża’ li ħakkmu lill-Iraq dawn
l-aħħar xhur.
Xhieda
“Matul il-lejl
ġieli nisimgħu l-isparar, imma b’ xorti tajba qatt ma kien hemm ġlied qalil
qrib id-dar tagħna.” Qal wieħed saċerdot li baqa’ jgħix ġewwa r-raħal ta’
Alqosh li jinsab madwar 12-il kilometru bogħod minn fejn l-armata Kurda qegħda
tikkumbati lill-ISIS. Dan is-saċerdot huwa mir-raħal ta’ Batnaya u kien l-aħħar
wieħed li ħalla dan ir-raħal qabel waslu fih il-Jiħadisti. Minn meta l-ISIS beda
l-attakki fuq l-Iraq, għexieren ta’ qassisin u reliġjużi spiċċaw bla saqaf fuq
rashom u kellhom jaħarbu. Dawn tilfu mhux biss darhom ,imma l-kunventi tagħhom,
l-iskejjel u d-djar tat-tfal li kellhom – tilfu dak li kienu bnew b’ tant
tbatija matul is-snin.
Sor Suhama, soru
Dumnikana qalet li huma tilfu 23 dar u kunvent. “Fil-kunvent ta’ Qaraqosh konna
26 soru biss biss. Konna komunità sabiħa u kellna ħafna xogħol. Kellna nitilqu
u ġejna ngħixu hawnhekk, qrib Erbil il-belt kapitali tal-Kurdistan. Bosta minna
għadna noħolmu li xi darba nerġgħu lura lejn Qaraqosh.” Waqt li Sor Suhama
kienet qegħda tirrakkonta, soru oħra kienet qegħda tisma’. Ħin bla waqt
infexxet tibki u qaltlina: “Minn kemm ilna li ħallejna Qaraqosh, mietu 14-il
soru – imma aħna nibqgħu hawn, qalulna bosta drabi biex inħallu l-Iraq, imma
n-nies għandha bżonn il-Knisja, għandha bżonna.”
Sor Suhama qalet
li huma obbligati jibqgħu man-nies u jekk l-Insara kollha jħallu l-Iraq,
is-saċerdoti u s-sorijiet żgur li jkunu l-aħħar nies li jagħmlu dan. Madanakollu
hija ma temminx li xi darba għad jispiċċaw l-Insara kollha mill-Iraq.
Sitwazzjoni attwali
Dawk li kellhom
jaħarbu minn darhom, fosthom is-sorijiet, issa qegħdin jgħixu f’ caravans. Kull
caravan fiha żewġt ikmamar u kamra tal-banju waħda. Sitwazzjoni bħal din
minbarra li ma hija xejn pjaċevoli, qegħda ġġib bosta ġlied u nkwiet bejn
il-familji li joqgħodu fl-istess caravan u ma’ oħrajn. Hemm madwar 800 familja
jgħixu ’l barra minn Erbil. L-irġiel tilfu xogħolhom u għalhekk il-problemi
komplew jiżdiedu anke fil-familji. Bosta drabi l-vittmi ta’ dan l-inkwiet
fil-familji jkunu t-tfal li ma jafux jiddefendu ruħhom.
Qrib din iż-żona
ta’ caravans hemm subborg bl-isem ta’ Kazanzan fejn hemm 3 sorijiet li jagħmlu
dak kollu li jistgħu biex jgħollu l-moral tal-Insara fil-post. Organizzaw
kindergarten u fi żmien l-Għid li għadda mexxew il-liturġija minħabba n-nuqqas
ta’ preżenza ta’ saċerdot.
Seminaristi
Bosta saċerdoti u
seminaristi wkoll kienu mġegħlin mill-ISIS biex jaħarbu minn djarhom u dawn
sabu kenn fi djar privati. “L-ISIS mhux talli waqqfuna mill-mixja tagħna, imma
komplew isaħħulna l-vokazzjoni” qal Randi, seminaristi li kien jistudja
fis-seminarju ta’ Erbil. “Kien hawn min
hu xxurtjat u rnexxielu jibqa’ ħaj. Dan juri li Alla huwa Alla tal-ħajja u li
jieħu ħsiebna” temm jgħid dan is-seminarist Iraqqin. Martin, seminarist ieħor,
li huwa diġa djaknu, qal li x-xewqa tiegħu hija li jiġi ordnat saċerdot, jaf li
din ix-xewqa li għandu tista’ jdum xhur twal biex isseħħ, imma l-akbar xewqa
tiegħu hija li jagħmel l-ewwel quddiesa tiegħu f’ raħal twelidu, Karamlish mhux
bogħod wisq minn Qaraqosh. Huwa qal li postu huwa hemmhekk u ma jimmaġinax li
jħalli l-Iraq, minkejja li ommu u missieru ħarbu u llum jinsabu ġewwa l-Istati
Uniti. “Posti hawnhekk, irrid naqdi lill-poplu tiegħi” qal Martin.
Jistgħu jitilqu
Bosta minn dawn
ir-reliġjużi, saċerdoti u seminaristi kienu offruti l-okkażjoni li jħalli
l-Iraq u jmorru jgħixu f’ pajjiż fejn hemm aktar sigurtà. Iżda minkejja kollox
huma jħossu li posthom huwa hemm, iħossu li għandhom missjoni kbira x’ jaqdu,
iħossu li jridu jerġgħu jibnu pajjiżhom filwaqt li jiżguraw li l-Knisja fl-Iraq
tibqa’ tgħix. Iridu jerġgħu jgħallmu lill-poplu li huwa possibbli l-Musulmani
jgħixu flimkien mal-Insara fis-sliem, sewwasew kif kienu jgħixu qabel. Tassew
li l-aħħar li tmut hija t-tama u Allaħares ma kienx hekk għax kieku l-qagħda
ta’ dawn il-povri nies hija bil-wisq agħar milli hi llum. Tama ta’ ħajja aħjar,
tama li jerġgħu lura lejn darhom, tama li għad jerġgħu jibdew jgħixu ħajja bla
ġlied, bla ħsejjes ta’ sparar. Tamiet u xewqat li nisperaw li ma jdumux wisq ma
jsiru realtà.
Fr Reno Muscat
Dan l-artiklu deher f' In-Nazzjon, 9 ta' Mejju 2015
Nessun commento:
Posta un commento