Visualizzazione post con etichetta assisi. Mostra tutti i post
Visualizzazione post con etichetta assisi. Mostra tutti i post

venerdì 11 ottobre 2024

Carlo Acutis

 

Sa ftit żmien ilu ftit kienu dawk li qatt kienu semgħu bl-isem ta’ Carlo Acutis. Illum il-folja nqalbet u l-isem ta’ dan iż-żagħżugħ sar magħruf sewwa. Sa ftit snin ilu min kien iżur Assisi kien iżur il-qabar ta’ San Franġisk; illum minbarra dan iżur ukoll il-qabar ta’ Carlo Acutis. Nhar il-Ħamis 23 ta’ Mejju 2024, il-Papa Franġisku, waqt l-udjenza laqa’ lill-Kardinal Marcello Semeraro, Prefett tad-Dikasteru għall-Kawżi tal-Qaddisin u awtorizza lill-istess Dikasterju jippromulga d-digriet dwar il-miraklu attribwit lill-Beatu Carlo Acutis. B’din id-deċiżjoni tal-Papa, il-kawża ġiet konkluża b’suċċess u nfetħet it-triq għall-kanonizzazzjoni ta’ dan il-qaddis ta’ żmienna. Il-kanonizzazzjoni tiegħu aktarx ssir matul il-Ġublew tas-sena 2025.

Min hu

Carlo Acutis twieled f'Londra fit-3 ta' Mejju 1991, iben Andrea Acutis, minn Turin l-Italja u Antonia Salzano. Il-koppja kienet iżżewġet is-sena ta’ qabel u kienet qed tgħix fir-Renju Unit minħabba x-xogħol ta’ Andrea. It-tifel kien imsemmi għan-nannu tiegħu, missier missieru. Ftit wara  din il-familja reġgħet lura lejn l-Italja u kienet toqgħod fil-belt ta’ Milan. Iċ-ċkejken Carlo attenda l-iskola elementari u primarja tas-sorijiet Marcelline u l-iskola sekondarja fl-Istitut Leone XIII immexxi mill-patrijiet Ġiżwiti.

Minn età żgħira kellu fidi Kattolika qawwija ħafna minkejja li l-familja tiegħu ma kinitx reliġjuża wisq.

Teknoloġija moderna

Fost il-passjonijiet kbar tiegħu, iż-żagħżugħ Acutis kellu t-teknoloġija tal-informatika li kien jużaha biex ixerred u jagħti xhieda tal-fidi permezz tal-ħolqien ta' websajts. Huwa ħa ħsieb jibni wirja online dwar il-mirakli Ewkaristiċi madwar id-dinja. Din il-wirja żaret il-ħames kontinenti kollha u ġiet murija fi kważi 10,000 parroċċa fl- Istati Uniti tal-Amerika biss, u fil-bqija tad-dinja f’mijiet ta’ parroċċi u f'xi wħud mill- aktar santwarji Marjani famuż, bħal Fatima , Lourdes u Guadalupe. Għal din ir-raġuni qed ikun maħsub li fil-futur Carlo Acutis jiġi dikjarat bħala l-qaddis patrun tal-Internet.

Mard u mewt

Fl-2006, fl-età ta' 15-il sena, f'daqqa waħda nħakem mill-marda tal-lewkimja, li minħabba fiha miet fit-12 ta' Ottubru fl-isptar San Gerardo f'Monza. Qabel ma miet, Carlo qal li ried joffri t-tbatijiet tiegħu għall-Papa u għall-Knisja u wiegħed lil ommu Antonia li kien se jagħtiha ħafna sinjali. L-omm wara ddikjarat li kellha dehra ta’ Carlo f’ħolma fejn qalilha li kien se jkollha tfal oħra.  Dan fil-fatt seħħ fl-2010, meta twieldu t-tewmin Michele u Francesca Acutis. Huwa ġie midfun, kif kien talab espressament, fiċ-ċimiterju ta’ Assisi, fejn baqa’ sakemm ġie trasferit fis-Santwarju ta’ Santa Maria Maggiore, f’Assisi fis-6 ta’ April 2019.

Lejn il-qima tal-artali

Fil-15 ta’ Frar 2013 inbeda l-proċess għall-beatifikazzjoni ta’ Carlo Acutis, liema proċess intemm fl-24 ta’ Novembru 2016. Fil-5 ta’ Lulju 2018 ġie ddikjarat venerabbli mill-Papa Franġisku. Għall-finijiet ta’ beatifikazzjoni, il-Knisja Kattolika teħtieġ ir-rikonoxximent ta’ miraklu permezz tal-interċessjoni ta’ dak li jkun. Fil-każ ta’ Carlo Acutis il-miraklu seħħ ma’ Matheus, tifel Brażiljan ta’ sitt snin li kellu marda fil-frixa, marda li ma kinitx tħalli lil Matheus jiekol la ikel solidu u lanqas likwidu. Il-fejqan “istantanju, sħiħ u dejjiemi” ta’ Matheus kien meqjus bħala inspjegabbli mill-Kunsill Mediku tal-Kongregazzjoni għall-Kawżi tal-Qaddisin. Fil-21 ta’ Frar 2020, fl-eqqel tal-pandemija tal-Covid 19, il-Papa Franġisku rrikonoxxa dan il-miraklu. Iċ-ċerimonja tal-beatifikazzjoni ta’ Acutis saret f’Assisi fl-10 ta’ Ottubru 2020 u kienet ippreseduta mill-Kardinal Agostino Vallini li rappreżenta lill-Papa.

Lejn il-qdusija

Fit-23 ta’ Mejju 2024, il-Papa Franġisku awtorizza lid-Dikasteru għall-Kawżi tal-Qaddisin biex jippubblika d-digriet dwar ir-rikonoxximent tat-tieni miraklu attribwit għall-interċessjoni tal-Beatu Carlo Acutis, dwar il-fejqan ta’ Valeria Valverde, tfajla mill-Costa Rica. Din it-tfajla, fit-2 ta' Lulju 2022, kienet qed issuq ir-rota meta waqgħet u ġarrbet ġrieħi gravi f’rasha. It-tobba kienu xettiċi dwar il-fejqan ta’ Valeria u għalhekk ommha, Laura, daret lejn il-Beatu Carlo u talbitu l-fejqan ta’ bintha waqt li kienet pellegrinaġġ f’Assisi u żaret il-qabar tiegħu. It-tfajla fieqet b’mod li t-tobba ma jafux jispjegaw. Dan beda jitqies bħala l-miraklu li kien hemm bżonn biex tibda t-triq għall-Kanonizzazzjoni. Fl-okkażjoni tal-konċistorju tal-1 ta’ Lulju 2024, il-Papa Franġisku qal li l-kanonizzazzjoni ta’ Acutis għandha tiġi ċċelebrata “f’data li għad trid tiġi stabbilita.”

F’Malta

Id-devozzjoni lejn dan il-qaddis ta’ żmienna, li tajjeb ngħidu li kieku għadu ħaj illum għandu 33 sena, kull ma tkur qed tinxterd u tikber. F’għadd ta’ knejjes fil-gżejjer tagħna qed naraw xi xbieha ta’ dan iż-żagħżugħ qaddis, pitturi kif ukoll statwi. Hawn ukoll numru ta’ parroċċi li għandhom relikwa tiegħu. Il-festa tal-Beatu Carlo Acutis issir fit-12 ta’ Ottubru, jum il-mewt tiegħu għad-dinja u t-twelid tiegħu għall-ġenna.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 12 ta' Ottubru 2024



sabato 2 dicembre 2023

Sorijiet tal-Klawsura

 

Minkejja li jiena saċedot, dawn l-artikli tiegħi ma humiex ta’ xejra spiritwali, biss ġieli nikteb xi ħaġa relatata mal-Knisja, sewwasew kif ser nagħmel illum. Nistqarr li bosta huma dawk li jinteressaw ruħhom f’dawn il-kitbiet.

Persuna ftit ilu kienet qed titkellem miegħi u billi l-kliem bħaċ-ċirasa, waqa’ fuq is-sorijiet u n-nuqqas tagħhom illum kif ukoll fuq is-sorijiet tal-klawsura. Din il-persuna qaltli li tifhem ix-xogħol li tagħmel soru, mat-tfal, mal-anzjani, mal-morda jew ma’ nies oħra imma ma tifhimx il-ħajja ta’ soru li tingħalaq f’kunvent għal ħajjitha kollha. Bdejt infiehem lil din il-persuna li hemm sorijiet ta’ ħajja attiva, jiġifieri dawk li jkollhom kuntatt man-nies kuljum u hemm sorijiet ta’ ħajja kontemplattiva, jew dawk li nsejħulhom tal-klawsura. Id-differenza bażikament hija li tal-ewwel jiddedikaw ħinhom għal servizzi fil-komunitajiet u tat-tieni huma mixħutin għat-talb.

Il-qaddis ta’ Kalaroga

Bdejt ngħid lil din il-persuna li qabel ma San Duminku waqqaf l-Ordni tal-Predikaturi, jew kif isejħulna: id-Dumnikani, huwa waqqaf is-sorijiet tal-klawsura. Huwa kien jaf li ’l quddiem kien ser iwaqqaf ordni ta’ patrijiet, li x-xogħol tagħhom sa dak iż-żmien ma kienx jeżisti: il-predikazzjoni, ħaġa li kienu jagħmluha biss l-isqfijiet. Kien jaf li dawn kien ser ikollhom ħafna ġiri ’l hemm u ’l hawn u għalhekk kellhom bżonn ħafna talb. Ried li dawn ikollhom sostenn mit-talb tas-sorijiet tal-klawsura. L-ewwel komunità ta’ sorijiet Dumnikani twaqqfet f’Notre-Dame-de-Prouille, ħdejn Fanjeaux, fi Franza bejn l-1206 u l-1207. San Duminku ta’ Gużman ġabar flimkien grupp ta’ nisa li kien ikkonverta għall-Kattoliċiżmu mill-ereżija Katara u li kienu esprimew ix-xewqa li jiddedikaw ħajjithom għat-talb u l-penitenza.

Il-qaddis ta’ Assisi

L-istorja tas-sorijiet tal-klawsura li waqqaf San Franġisk hija xi ftit differenti. Dawn ma kinux l-ewwel fondazzjoni Franġiskana imma t-tieni. It-tieni Ordni Franġiskan twieled fil-lejl ta’ Ħadd il-Palm, bejn it-28 jew id-29 ta’ Marzu 1211 jew it-18 u d-19 ta’ Marzu 1212, meta Kjara, wara li ħarbet mid-dar ta’ missierha, Favarone, Konti ta’ Coccorano, marret il-Porziuncola ta’ Assisi u hemm talbet li jkollha xagħarha maqtugħ minn Franġisku. Dakinhar hija rċeviet il-velu monastiku. Għall-ewwel hija kienet marret tgħix f’monasteru tas-sorijiet Benedittini , iżda meta ngħaqdet magħha oħtha Agnese kif ukoll xi sħabha oħra, huma ġew mogħtijin il-kmamar fqajra li kien hemm mal-knisja ċkejkna ta’ San Damjanu. Illum dawn is-sorijiet jissejħu Klarissi.

Fejn jgħixu

Ħaġa li tajjeb ngħidu hija li sa dak iż-żmien ma kienux jeżistu kunventi imma biss monasteri. U hawn nistħajjilkom tistaqsu x’inhi d-differenza. L-isem stess juri d-differenza: Monasteru ġejja minn mono stare, toqgħod waħdek filwaqt li Kunvent ġejja minn con vivere, tgħix flimkien. Id-djar fejn bdew joqgħodu l-patrijiet li waqqfu San Franġisk u San Duminku bdew jissejħu kunventi iżda s-sorijiet tal-klawsura baqgħu joqgħodu fil-monasteri. Malta għandna sorijiet tal-klawsura fosthom il-Klarissi, iżda sorijiet tal-klawsura Dumnikani ma għandniex. Għandna sorijiet tal-klawsura oħrajn bħalma huma l-Benedittini, it-Tereżjani, l-Agostinjani u s-Sorijiet ta’ Sant Ursola, imwaqqfa mill-kavallieri ta’ Malta.

Il-ġurnata fil-klawsura

Bosta jistaqsu kif jgħaddu l-jum fil-monasteru dawn is-sorijiet. L-ewwel ħaġa kull monasteru għandu orarju għalih imma l-ħaġa komuni fil-monasteri kollha huwa n-numru ta’ sigħat li dawn is-sorijiet jgħaddu jitolbu. Jagħtu importanza speċjali għall-Uffiċċju Divin jew il-Liturġija tas-Sigħat. Dan huwa t-talb uffiċjali tal-Knisja Kattolika, Ortodossa u Anglikana li jingħadu fis-sigħat kanoniċi. Ma jonqosx ukoll li jkollhom il-quddiesa kuljum.

Ikun hemm ukoll ħin ta’ silenzju u ħin ta’ xogħol. Il-monasteri normalment ikollhom raba’ u ġonna magħhom u dawn is-sorijiet jaħdmu dawn ir-raba’ u ġonna. Mhux biss, huma jagħmlu ħafna xogħol tal-idejn, fosthom ir-rakkmu, xogħol tal-ganċ, pittura jew xogħol ieħor. F’monasteru Dumnikan qrib Napli jinkitbu (mhux jitpittru) ħafna ikoni tant li sar famuż għalihom. U l-jum itir f’din il-ħidma. Illum xi sorijiet tal-klawsura anke jsegwu xi korsijiet fl-universitajiet (ma nafx jekk dan il-każ jiġrix Malta wkoll, biss l-Italja jsir żgur) għalhekk wieħed għandu jneħħi minn moħħu li dawn huma sorijiet midfunin. Huma sorijiet kontemplattivi li anke x-xogħol tagħhom jagħmluh bħala talba.

Ħajja moħlija?

Ikun hawn min jgħidlek li kien ikun aħjar li kieku dik is-soru minflok marret fil-klawsura marret f’kunvent fejn tgħin in-nies. Hawn min jaraha ħajja moħlija. Ngħidu hekk għax fil-ħajja sfrenata li qed ngħixu llum tlifna is-sens tat-talb, ma għadniex nagħtu valur għat-talb, la flimkien u lanqas personali. Biss meta taħseb bejnek u bejn ruħek tgħid f’qalbek li tassew, it-talb huwa importanti tant li meta ma jkollniex lejn min induru nirrikorru għalih. U fin-nuqqas ta’ talb li hemm fil-ħajja tal-bniedem tal-lum, hemm is-sorijiet tal-klawsura jagħmlu tajjeb.

U żgur li mhix ħajja moħlija!

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 2 ta' Diċembru 2023



venerdì 7 luglio 2023

L-UMBRIA

 

Issib min jgħidlek li l-Italja hija kollha sabiħa, minn fuq nett sa isfel nett. Ngħid għalija naqbel ma’ min jirraġuna hekk għax tmur fejn tmur issib xi ħaġa sabiħa. Biss illum nixtieq ngħid xi ħaġa dwar dak ir-reġjun li spiss jissejjaħ bħala “L-qalb li tħaddar tal-Italja.” Qiegħed ngħid għall-Umbria.

L-Umbria hija mdawra minn reġjuni oħra u hija wieħed mill-ftit reġjuni Taljani li ma jmissux mal-baħar.  Ir-reġjun imiss mat-Toskana lejn il-punent u t-tramuntana, mal-Marche fil-lvant u mal-Lazio fin-nofsinhar. L-art Umbra fiha xaqlibiet bl-għoljiet u muntanjużi u fiha oħrajn kważi ċatt għal kollox. Hi x’inhi, hija art mill-isbaħ!

Storja

L-istorja ta’ dan ir-reġjun hija waħda twila li tmur lura għal qabel Kristu, imma ejjew ma mmorrux daqshekk lura. Wara r-Rivoluzzjoni Franċiża u l-konkwista Franċiża tal-Italja, l-Umbria saret parti mir-Repubblika Rumana (1798–1799) u aktar tard parti mill- Imperu Napoleoniku (1809–1814). Wara t-telfa ta’ Napuljun, il-Papa reġa’ ħa l-Umbria u kienet tagħmel parti mill-Istat Pontifiċju sal-1860.  F’dik is-sena, jiġifieri fl-eqqel tar-Risorgimento Taljan, l-Umbria mar-reġjun ta’ Marche u parti mill-Emilia Romagna ġew meħudin mir-Re tal-Piemonte Vittorio Emanuele II. Ir-reġjun tal-Umbria, bil-kapitali Perugia, sar parti mir- Renju tal-Italja fis-sena ta' wara.

Bħala reġjun l-Umbria tinkludi żewġ provinċji, dawk ta' Perugia u ta’ Terni.

Perugia
Perugia

Perugia hija l-belt kapitali, jew capoluogo tal-Umbria, belt li tinsab madwar 164 kilometru fit-Tramuntana ta' Ruma u 148 fix-Xlokk ta’ Firenze. Il-belt hija magħrufa wkoll bħala l-belt tal-universitajiet , bl-Università ta' Perugia mwaqqfa fl-1308. Il-Katidral ta' dan il-post huwa ddedikat lil San Lawrenz. B'differenza mill-biċċa l-kbira tal-katidrali tal-Italja u tad-dinja kollha wara kollox, il-katidral ta' Perugia għandu l-ġenb tiegħu u mhux il-faċċata fuq il-pjazza ewlenija tal-belt. Il-Fontana Maggiore hija waħda mill-monumenti ewlenin tal-belt u tinsab fil-pjazza ħdejn il-katidral. Hija xempju tal-iskultura medjevali. Hija l-punt fejn jispiċċa l-akwedott medjevali u kienet inbniet biex tiċċelebra l-wasla tal-ilma f’Perugia. Bla dubju anke isem din il-belt ifakkrek fiċ-ċikkulata. Il-festa msejħa Eurochocolate hija avveniment annwali ddedikat għall-kultura taċ-ċikkulata u li jseħħ f'Perugia fix-xahar ta' Ottubru. Dan l-avveniment huwa appuntament iddedikat għat-tradizzjoni taċ-ċikkulata Taljana u internazzjonali.

Terni

Terni
Terni hija belt fin-nofsinhar tar-reġjun tal-Umbria. Huwa qrib il-fruntiera tar-reġjun tal- Lazio. Il-belt hija l-kapitali tal-provinċja ta' Terni. Huwa 104 kilometri fil-Grigal ta' Ruma u 81 kilometru fin-Nofsinhar tal-kapitali reġjonali, Perugia. Il-belt għandha tliet ċentri industrijali importanti: l-ewwel waħda hija ż- Żona tal-Azzar, it-tieni ċentru industrijali huwa magħruf bħala "Żona Polimer", b'erba' industriji multinazzjonali  li jipproduċu kimiċi differenti. It-tielet ċentru industrijali huwa l-Italeaf, li taħdem fis-settur tal-enerġija rinnovabbli u tippromwovi u tiżviluppa programmi fis- settur tat- teknoloġija nadifa. Wieħed dlonk jifhem li din hija belt industrijali. Madanakollu xorta wieħed jekk iżur din il-belt bħala turist isib x’jara. Il-Katidral ta ' Terni huwa ddedikata lil  Marija Assunta. Hemm insibu wkoll dik li tissejjaħ Cascata delle Marmore, kaskata ta' żmien ir-Rumani b’għoli ta’ 165 metru. Din ma hijiex kaskata naturali u hija l-ogħla kaskata magħmula mill-bniedem fid-dinja.

Art tal-qaddisin

Hawn min isejaħ lill-Umbria bħala l-art tal-qaddisin għax minn dan ir-reġjun insibu ħafna qaddisin u postijiet marbutin magħhom. Assisi, Gubbio, La Verna kollha jfakkruna f’San Franġisk. Assisi tfakkarna wkoll f’Santa Kjara u llum sar post marbut ukoll mal-Beatu Carlo Acutis. Norcia hija belt marbuta ma’ San Benedittu u allura ma’ oħtu Santa Skolastika u meta tisma’ l-isem ta’ Cassia mhux bilfors tiftakar f’Santa Rita? Forsi ftit jafu li l-qaddis patrun ta’ Terni huwa San Valentinu li jingħad li kien minn Terni u li ħa l-martirju fl-14 ta’ Frar tas-sena 273, meta kellu 97 sena. Hemm qaddisin oħrajn li huma inqas popolari magħna bħal Sant Angela ta’ Foligno, Santa Luċija ta’ Narni u San Feliċjan ta’ Foligno. Hemm oħrajn imma mhux ser noqgħod insemmi aktar.

Art ta’ ġmiel naturali

F’din il-kitba semmejt bosta bliet li tabilħaqq wieħed isib x’jara fihom imma ma rridux ninsew li hemm bosta bliet u rħula oħra f’dan ir-reġjun li joffru ġmiel naturali li wieħed mhux ta’ min jitlef kemm-il darba jkun qrib. Orvieto bil-katidral u l-istorja marbuta miegħu, Todi mhux wisq bogħod minn Perugia, Spello, Spoleto, Castiglione del Lago, Torgiano u tant oħrajn li huma kollha bliet medjevali bi ġmiel liema bħalu.

Bosta msaġar jiksu ħafna mill-art tal-Umbria u għalhekk jgħidu li hija l-qalb li tħaddar tal-Italja. U min jgħid hekk għandu elf raġun!

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 8 ta' Lulju 2023



domenica 7 ottobre 2018

Il-fqajjar ta’ Assisi

San Franġisk ta' Emvin Cremona (Parroċċa S. Ġorġ Qormi)

Ix-xahar ta’ Ottubru jagħtina t-tifkira ta’ xi wħud mill-aktar qaddisin magħrufin u maħbubin. Fl-4 ta’ dan ix-xahar niċċelebraw wieħed mill-aktar qaddisin li l-kult tiegħu insibuh mifrux mal-erbat irjieħ tad-dinja. Qiegħed nirreferi għal San Franġisk ta’ Assisi, il-qaddis li twieled fil-ġid u l-għana imma ħalla  kollox u ħaddan il-faqar.

X’faqar
Illum il-ġurnata l-faqar nitkellmu dwaru imma ftit li xejn nafu x’inhu jekk ma nkunux direttament fih għaliex il-ħajja mgħaġġla li qegħdin ngħixu lanqas tħallilna ħin naħsbu f’ħaddieħor. Allura jekk il-proxxmu tiegħi jkun qed ibati l-faqar għandi mnejn ngħaddi minn ħdejh kuljum u lanqas ninduna bl-istat li jkun fih. L-importanti li jiena ninsab għaddej tajjeb!

Franġisku ta’ Assisi jissejjaħ “fqajjar” imma liema faqar ħaddan? Il-faqar li għex fih San Franġisk ma kienx il-miżerja li ħafna jaħsbu imma kien dak Evanġeliku, li jfisser li tħobb lil Alla aktar minn kollox u ma tkunx marbut mal-ħwejjeġ tad-dinja b’mod li dawn isiru allat għalik. Sfortunatament illum sar għandna ħafna allat foloz, l-alla flus, l-alla fama, l-alla divertiment, l-alla moda, l-alla xiri bla rażan, l-alla libertà f’kollox u nistgħu nibqgħu sejrin. Il-fqajjar ta’ Assisi Alla wieħed kellu u ftaqar għaliH billi ħabbu aktar mill-ħwejjeġ l-oħra li kellu. Naħseb li din il-ħaġa ta’ min jirrifletti fuqha u nsiru nafu sewwa d-differenza bejn faqar u miżerja!

Sehem Franġisku
Li San Franġisk kien ta’ għajnuna kbira lill-Knisja ta’ Kristu hija ħaġa magħrufa sewwa u ma hemmx għalfejn wieħed jitkellem fuqha għaliex l-istiorja ta’ dan il-qaddis jafha kważi kulħadd. Jekk hawn min ma jafhiex nissuġġerilu jara l-film “Brother sun sister moon” jew dak ta’ Raul Bova “Francesco” u jsir jafha u jara kemm hi ħelwa ħajjet Franġisku. Imma San Franġisk ħalla wkoll wirt li jmur lil hinn mil-fidi u l-Knisja.

Sa żmien Franġisku ta’ Assisi, ġemgħa ta’ rġiel jew nisa li kienu jiddeċiedu li jgħixu flimkien għall-glorja ta’ Alla kienu jiffurmaw monasteru u jgħixu f’ħajja ta’ klawsura. Kienu jissejħu monaċi, jew bil-Malti rħieb; kelma li ftit li xejn għadna nużawha billi Malta ma għandniex monaċi maskili u dawk femminili jissejħu sorijiet tal-klawsura. Bit-twaqqif tal-Ordni ta’ Franġisku u l-Ordni tal-kontemporanju tiegħu Duminku ta’ Gużman, bdew jitwaqqfu l-kunventi. Id-differenza ma hijiex biss fl-isem imma anke fil-mod ta’ ħajja li wieħed jgħix fihom. Monasteru ġejja mill-kelmiet “mono stare”: wieħed jgħix waħdu, maqtugħ mill-oħrajn kemm jista’ jkun. Kunvent ġejja mill-kelmiet “con vivere”: ngħixu fimkien. Sa żmien dawn il-qaddisin il-membru tal-komunità kien jissejjaħ monaku, jew bil-Malti raħeb; fl-ordnijiet ta’ Franġisku u Duminku bdew jissejħu Fratelli, li biż-żmien bdejna nsejħulhom frajiet.

Ħaġa oħra li ta’ min isemmi hija li San Franġisk huwa ewlieni fil-kitba tal-ilsien Taljan. Sa żmienu kulħadd kien jikteb bi djaletti differetni imma l-kantiku tiegħu li jissejaħ “L-għanja tal-Ħolqien” inkiteb bi kliem li jqarreb ħafna lit-Taljan. Fit-tagħlim tal-lingwistika Taljana dan il-kantiku huwa meqjus bħala l-ewwel ktiba bit-Taljan. Jekk wieħed jaqra din il-poeżija fl-oriġinal tagħha ma jsibiex diffiċli biex jifhimha sewwa, ovvjament jekk ikun jaf bit-Taljan. U din inkitbet għall-ħabta tal-1226, is-sena li fiha miet dan il-qaddis famuż.

Dawn huma ftit ħsibijiet dwar din il-figura kbira fil-Knisja li ħalliet il-marka tagħha anke ’l barra mill-ambitu ekleżjali.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f' Il-Mument - 7 ta' Ottubru 2018




venerdì 27 luglio 2018

Turiżmu reliġjuż


Illum il-ġurnata s-safar sar bil-wisq aktar popolari milli kien sa ftit għexieren ta’ snin ilu. Is-sistema ta’ kif taqta’ biljett tal-ajru, issib lukanda fejn toqgħod, tikri karozza biex ikollok biex tiġri u tmur fejn trid illum saret waħda faċli grazzi għat-teknoloġija li għandna f’idejna. Madanakollu xorta baqa’ lok għal turiżmu organizzat fi gruppi, dawk li jissejħu tours. Dawn il-gruppi huma komdi għal min ikun irid isiefer bla ma joqgħod iħabbel rasu għal xejn għaliex il-programm tagħhom ikun lest mill-agenziji li jorganizzaw il-ġiti. Popolari ħafna huma dawk il-ġiti marbutin ma’ xi post fejn hemm devozzjoni lejn xi qaddis jew qaddisa. Dan jista’ jitqies bħala turiżmu reliġjuż. Fejn immorru aħna l-Maltin?

Lourdes
Lourdes
Żgur li wieħed mill-aktar postijiet popolari magħna l-Maltin fejn jidħol it-turiżmu reliġjuż huwa Lourdes fi Franza. Eluf ta’ pellegrini minn Malta jżuru dan il-post ta’ kull sena. Għaċ-ċokon ta’ artna, il-persentaġġ ta’ Maltin f’Loures ta’ kull sena huwa għoli ħafna. Ġieli nisimgħu kritika dwar dan il-post u nisimgħu min jgħid li hemm wisq negozju, wisq ħwienet, wisq xi jtellef mill-qdusija tal-lokal. Tabilħaqq li r-raħal huwa mimli ħwienet, lukandi u dak kollu li jistenna li jsib vjaġġatur waqt il-vjaġġ, biss il-qofol ta’ Lourdes huwa l-parti fejn hemm is-santwarju, fejn hemm l-għar li fih Bernardina Soubirous rat lill-Madonna. Mix-xatba tas-santwarju ’l ġewwa hemm dinja differenti għal kollox minn dik li hemm barra. Għalhekk niżbaljaw meta ngħidu li Lourdes huwa negozju biss; f’Lourdes issib is-sagru u ssib ukoll dak li jista’ jkollok bżonn kif ukoll issib dak li jħajrek tixtri. U la qed insemmu x-xiri, ħaġa li aħna l-Maltin ma ngħaddux mingħajrha meta nsiefru, tajjeb ngħidu li l-ilma ta’ Lourdes ma jinxtarax. Min irid jista’ jixtri l-flixkun u jimlih bl-ilma li huwa b’xejn.

Post Marjan ieħor
Fatima
Fatima wkoll huwa post ta’ turiżmu reliġjuż li bosta Maltin ġieli żaruh jew għandhom ix-xewqa li jżuruh. Billi dan il-post jinsab fil-Portugall il-vjaġġ huwa itwal minn dak lejn Lourdes u għandu mnejn għalhekk il-pellegrini Maltin fih huma inqas. Illum Fatima wkoll hija mimlija bi ħwienet ta’ souvenirs, ristoranti u lukandi. Sa ftit snin ilu ma kinitx hekk, illum differenti. Madanakollu xorta ma tlaħħaqx ma’ Lourdes fejn jidħol negozju. Dan il-post huwa wieħed trankwill ħafna, post fejn issib ħin tirrilassa fiżikament, mentalment u spiritwalment. Post li għadu qed jikber u jiżviluppa. Forsi l-qagħda geografika tiegħu tillimitah milli xi darba jilqa’ fih il-miljuni ta’ pellegrini li jżuru Lourdes.

Fil-Bożnija
Medjugorje
Minkejja li l-Knisja għadha ma approvatx id-dehriet Marjani ta’ Medjugorje, xorta waħda dan ir-raħal fil-Bożnija-Ħersegovina jiġbed lejh bosta Nsara fosthom għadd mhux ħażin ta’ Maltin. Dan ir-raħal darba kien mitluf u minsi. Ħadd għajr il-poplu tar-raħal jew tal-irħula qrib tiegħuma kienu jafu bih. Raħal ċkejken ħafna, nieqes minn kull neċessità. Illum fih inbnew lukandi, infetħu ħwienet ta’ kull xorta u fi ftit kliem nistgħu ngħidu li żviluppa, forsi anke b’rata xi ftit mgħaġġla żżejjed. It-turiżmu reliġjuż hawnhekk idawwar ir-rota ekonomika mhux biss tar-raħal iżda ta’ xi rħula qrib li fihom xi attrazzjoni partikolari. Minkejja li l-post għadu ma huwiex fuq il-livell ta’ Lourdes jew Fatima, xorta huwa post fejn jinġabru eluf kbar ta’ pellegrini minn madwar id-dinja kollha. Kull sena lejn il-bidu ta’ Awwissu jsir il-festival taż-żgħażagħ, esperjenza tal-blieh, biex nużaw kelma li jifhmu sewwa ż-żgħażagħ.  Wieħed mill-iżvantaġġi ta’ dan il-post huwa l-munita. Hawn ma jużawx l-ewro imma għandhom il-munita tagħhom, madanakollu bl-ewro tinqeda wkoll.

Fl-Italja
Assisi
Ruma minn dejjem kienet destinazzjoni preferita mal-pellegrini mid-dinja kollha u għalhekk miljuni jżuruha ta’ kull sena. Dak li jkun jista’ jgħaqqad vjaġġ f’Ruma ma’ xi postijiet oħra relattivament qrib biex ikompli jsebbaħ iż-żjara tiegħu f’dan il-post meraviljuż. Għalkemm mhux wisq qrib, wieħed jista’ jżur Padova, il-post ta’ Sant Antnin. Hemm madwar 500 kilometru bejn iż-żewġt ibliet u jekk wieħed jiddeċiedi li jsuqha aħajr jaħseb biex jgħaddi lejl fil-belt. Eqreb lejn Ruma, fl-Umbria, insibu Assisi, r-raħal ta’ San Franġisk u Santa Kjara  kif ukoll Cassia ir-raħal ta’ Santa Rita. Dawn huma postijiet li wieħed faċli jasal għalihom bil-ferrovija; Assisi aktar minn Cassia. Lanciano fejn seħħ il-miraklu Ewkaristiku wkoll huwa aċċessibbli minn Ruma. Loreto tista’ tkun żjara ta’ ġurnata meta wieħed ikun fil-kapitali Taljana. Irrid insemmi Pompei f’Napli. Hawn ukoll wieħed minn Ruma jista’ jasal fih faċilment billi jinżel bil-ferrovija sa Napli u minn hemm jaqbad ferrovija oħra. Ma nistax nagħlaq bla ma nsemmi qaddis ieħor Taljan li sar jiġbed lejh bosta pellegrini: Padre Piju. Dan twieled Pietralcina u għex f’San Giovanni Rotondo. Ma humiex żewġ postijiet wisq qrib u l-aħjar wieħed jippjana jumejn għalihom għax f’jum wieħed diffiċli jintlaħqu t-tnejn li huma.

Illum dorna dawara ma’ xi postijiet li fihom isiru pellegrinaġġi, postijiet popolari magħna l-Maltin, postijiet li ta’ min wieħed iżurhom.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 28 ta' Lulju 2018








venerdì 16 dicembre 2016

Presepju

Issa li dħalna sew fi żmien il-Milied, jixraq ngħidu xi ħaġa dwar id-drawwa li nsibu mxerrda mad-dinja Kristjana kollha, id-drawwa li narmaw ix-xena tat-twelid ta’ Kristu, jiġifieri l-presepju. Ir-rakkont ta’ dan il-fatt insibuh fl-Evanġelji skont San Luqa u San Mattew

Fil-bidu
L-ewwel xbieha tat-twelid ta' Kristu li nafu biha. Tinsab
fil-katakombi ta’ Priscilla ġewwa Via Salaria Ruma 
L-ewwel xbieha tat-twelid ta’ Kristu li nafu biha nsibuha ġewwa Ruma fil-katakombi ta’ Priscilla ġewwa Via Salaria. Ma nafux min hu l-artist ta’ din il-pittura imma nafu li hija tat-tielet seklu. Fil-Medjuevu bosta artisti famużi kienu mqabbdin minn familji għonja biex ipittru din ix-xbieha. F’ xi opri minn dawn naraw membri tal-familja li tkun tat il-kumissjoni lill-artist. Mhux possibbli nsemmu l-artisti kollha li pittru dan l-avveniment li niċċelebraw kull sena fil-25 ta’ Diċembru.

Mill-pittura ngħaddu għal din ix-xena fuq livell tridimenzjonali. Kien Franġisku ta’ Assisi li fl-1223, ġewwa Greggio, fl-Umbria, għamel rappreżentazzjoni ħajja tat-twelid ta’ Kristu f’ Betlem. Dan kien l-ewwel presepju fis-sens li nafuh illum. Minn dak iż-żmien il-presepju evolva u nfirex madwar id-dinja kollha.

Il-presepju Naplitan
Kull min hu dilettant tal-presepju żgur li għandu x-xewqa li xi darba f’ ħajtu jżur dik il-belt li hija magħrufa għall-presepju tagħha. F’ Napli hemm triq, Via San Gregorio Armeno li hija kollha ħwienet, imma l-ħwienet ta’ ġo fiha ibiegħu biss presepji u aċċessorji għall-presepji. Ma hemm l-ebda eċċezzjoni, f din it-triq issib presepji biss. It-triq li twasslek għaliha, Via San Biagio Dei Librai, hija triq itwal u li fiha wkoll bosta ħwienet tal-presepji.

Parti minn presepju Naplitan
Il-presepju Naplitan huwa kkaratterizzat minn xeni tal-ħajja Naplitana. Mhux biss l-ambjent huwa Naplitan, fejn jidhru bejjiegħa tradizzjonali kif ukoll xi drawwiet tal-post, iżda f’ dan il-presepju jidħlu wkoll personaġġi magħrufin kemm mid-dinja tal-ispettaklu, l-isport jew il-politika. Darba staqsejt ħabib tiegħi,  sid wieħed mill-ħwienet ta’ Via San Gregorio, għalfejn din il-ħaġa u huwa qalli li n-Naplitani jridu juri li Kristu twieled fostna, jekk jagħmlu xeni ta’ Betlem ma jħossux li dan it-twelid sar f’ darhom allura jwelldu lil Ġesù fl-ambjent propju tagħhom biex b’ hekk iħossu li Hu twieled fosthom, sewwasew f’ belthom, mela hu wieħed minnhom.

Dan il-presepju huwa wkoll wieħed għani, b’ pasturi li jkollhom il-wiċċ, l-idejn u s-saqajn tat-terracotta u l-ġisem pupazz tal-ispag biex dan ikun jista’ jingħata l-forma li jkun  hemm bżonn. L-ilbies ta’ dawn il-pasturi wkoll huwa differenti.  Dawn huma pasturi li jitlibbsu l-ħwejjeġ ta’ drapp fin bħal satin u bellus. Fuq l-ilbies ġieli nsibu bizzilel, rakkmu jew glalen mill-isbaħ. Ħaġa li timpressjonani f’ dawn il-presepji hija d-dettall li bih isiru. Darba kont wirja ta’ presepji ġewwa Via Duomo u hemm rajt wieħed li kellu wkoll familja waqt l-ikel. Taħt il-mejda kien hemm ġurdien żgħir mistoħbi. Dan kien dettall li nsertajt rajtu jien u nifli l-presepju, minn jaf kemm irqaqat oħra ma tajtx kashom!

Presepju Malti
Darba żort mużew tal-presepji. Ma nafx jekk hux il-Belġju jew il-Ġermanja għaliex it-triq kienet tagħmel naħa ma’ pajjiż u naħa ma’ ieħor. Fost il-mijiet ta’ presepji ta’ kull għamla u daqs rajt wieħed bil-mitħna tar-riħ li kien imniżżel bħala presepju Malti. Ngħid id-dritt qatt ma stennejt li se nsib dan il-presepju hemmhekk. Dan ifisser li l-presepju Malti huwa wkoll meqjus bħala ikona. Meta ġejt lura Malta kont iltqajt ma’ dak li għamlu u kien urieni presepju ieħor tiegħu, presepju Malti tassew, it-twelid ta’ Kristu f’ razzett Malti, bil-bir u bin-niċċa tal-Madonna f’ kantuniera tad-dar bit-tazza taż-żejt tnemnem quddiemha.

L-artist Manwel Grech jarma l-presepju fi Pjazza San Pietru Ruma 
Din is-sena prespeju Malti qiegħed f’ dik li għalija hija l-isbaħ pjazza tad-dinja, Pjazza San Pietru fil-Vatikan. F’ din il-pjazza, sa mill-1982, beda jintrama presepju fuq xewqa tal-Papa San Ġwanni Pawlu II. Sa ftit snin ilu kien jintrama mill-ħaddiema tal-Vatikan bi statwi kbar li kienu jitlibbsu d-drapp. Kien jinbidel il-prespju iżda jintużaw l-istess pasturi kbar. Ftit snin ilu beda jinbidel kollox, kemm il-presepju kif ukoll il-pasturi. Kien fl-2012 meta Franco Artese, artist Taljan, ta presepju kbir ambjentat fil-wied ta’ Matera fil-Basilicata. Dan ma kellux pasturi kbar imma ċkejknin li ddaħħlu fl-ambjent ta’ Sassi di Matera, post rinomat għall-ġmiel tiegħu. Fis-snin ta’ wara bdejna naraw presepju differenti kull sena f’ din il-pjazza. Illum fl-istess post qed insibu presepju Malti maħdun mill-artist Għawdxi Manwel Grech. Mhux ser nidħol fid-dettall ta’ dan il-presepju għaliex żgur li lkoll rajnih. Nemmen li dan huwa pass ta’ ġgant fil-mixja tal-presepju Malti għaliex ser isir aktar magħruf madwar id-dinja, u min jaf, forsi jibda jkun imfittex aktar minn kollezzjonisti tal-presepji barranin.

Hu x’ inhu, id-dehra ta’ twelid ta’ tfajjel fqajjar, bejn ommu u missieru, baqra, ħmara u xi ftit nagħaġ għandha storja kbira warajha.


Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f' In-Nazzjon - 17 ta' Diċembru 2016





sabato 29 marzo 2014

Is-Sinjal tas-Salib

Is-sinjal tas-salib huwa s-sinjal Nisrani l-aktar magħruf. Għall-Insara huwa s-simbolu li jfakkar fil-passjoni u l-mewt ta’ Ġesù u l-qawmien mill-imwiet li ssegwi. Għar-Rumani kien il-mezz li bih tingħata l-piena kapitali. San Pawl jgħidilna li s-salib kien “skandlu għal-Lhud u bluha għall-pagani” (1 Kor 1, 23) imma għan-Nisrani huwa fidwa. Illum is-salib bil-ġisem ta’ Ġesù imsallab fuqu jissejjaħ kurċifiss u nsibu r-rapreżentazzjoni tiegħu mhux biss fil-knejjes imma f’mużewijiet, palazzi u fi djar privati. Bosta artisti ta’ fama kbira ħallewlna din ir-rapreżentazzjoni ta’ Kristu fuq is-salib. Illum il-kurċifiss huwa s-simbolu magħruf tal-Kristjanità. Insibu wkoll kurrent kontra il-kurċifiss f’postijiet pubbliċi. Tajjeb inkunu nafu li l-qima lejn il-kurċifiss ma kinitx teżisti mill-bidu tal-kristjaneżmu.

Bidu

Fl-ewwel snin tal-Knisja mwaqqfa’ minn Kristu, ir-Rumani kienu jqisu lill-Insara bħala Lhud. Tajjeb insemmu li l-Lhud kienu meqjusin bħala poplu antik ħafna b’reliġjon antika wkoll u għalhekk il-Lhudi kien eżentat mill-kult pagan li kienet obbligata tagħti kull persuna li tkun taħt il-ħakma Rumana. Meta l-Insara bdew jorganizzaw ruħhom u nqatgħu għal kollox mil-Lhud, ma baqgħux aktar eżentati milli jqimu lill-allat Rumani. Hawn bdew il-persekuzzjonijiet u l-martirji. L-insara ma kienux jagħmlu xbiehat tal-kurċifiss, l-ewwel ħaġa minħabba l-biża’ tal-persekuzzjoni u t-tieni ħaġa bħala rispett (ma ninsewx li l-mewt fuq is-salib kienet il-mewt tal-kriminali u tal-agħar nies). Kienu jsiru simboli oħrajn minflok is-simbolu tas-salib, simboli bħal ħuta jew pagun li kollha kellhom b’xi mod jew ieħor xi tifsira marburta mal-fidi tan-Nazzarenu.

Jekk irridu nistudjaw l-ewwel żminijiet tal-kristjaeżmu rridu ninżlu fil-katakombi ta’ Ruma. Hemmhekk insibu sinjali ta’ slaleb minquxin fil-ġebel jew impittra mal-ħajt, imma akatrx li din il-ħaġa hija rarità għaliex aktar insibu simboli oħra milli slaleb bħalma huma il-ħuta li diġà semmejna, il-ħobż u l-ankra. Wara d-digriet tal-Imperatur Kostantinu, li ta l-libertà lill-kult Nisrani, bdejna nsibu slaleb fuq il-lapidi tal-oqbra maġenb l-isem tal-midfun. Ovvajment is-salib kien isir biss jekk il-mejjet ikun Nisrani. Insibu tliet tipi ta’ slaleb, forma ta’ T, is-salib Latin … u s-salib Grieg +. Issa is-salib sar is-sinjal universali tal-Knisja u bdejna insibuh fl-ewwel knejjes. Qegħdin nitkellmu dwar slaleb u mhux dwar kurċifissi. Bdejna nsibu slaleb fil-mużajċi tal-apsidi tal-bażiliċi – slaleb imżejnin b’ħaġar prezzjuż sabiex jindika li s-salib huwa t-tron tas-Sultan tad-dinja. Waħda mill-ewwel knejjes li kellha salib ta’ dan it-tip hija l-knisja ta’ Santa Prudenzjana f’Ruma.  Eżempju ieħor ta’ dan it-tip ta’ salib insibuh fil mawsolew ta’ Galla Placida ġewwa Ravenna.

Kurċifiss

Sa issa l-ebda salib ma kien juri lil Kristu msallab fuqu. L-ewwel darba li kien muri Kristu msallab kien fis-seklu V. Fil-bieb tal-bażilika ta’ Santa Sabina fuq il għolja tal-Aventino ġewwa Ruma – dik li llum hija l-Knisja tal-kurja ġenerali tal-Ordni tal-Predikatari (id-Dumnikani), insibu panew skulturat bi Kristu msallab. Huwa l-ewwel eżempju ta’ din it tip ta’ ikonografija Kristjana. Lil Kristu insibuh b’idejh miftuħin iżda warajh ma hemmx is-salib.

Aktar ma beda jgħaddi żmien aktar il-kurċifiss beda jinxtered fid-dinja Kristjana. Issa anke fil-mużajċi bdejna nsibu is-salib bil-ħaġar prezzjuż u fuqu Kristu msallab. Eżempju sabiħ ta’ din it-tip ta’ ikonografija huwa s-salib fl-arzella tal-bażilika ta’ San Klement f’Ruma.

Fl-arti

Ma nistgħux nitkellmu fuq il-Kristjaneżmu jekk ma nsemmux l-Italja. Irridu jew ma rridux bilfors min hemm irridu nitilqu biex nitkellmu dwar l-arti Kristjana. Jekk il-fidi Nisranija bdiet fir-raħal ta’ Nazzaret, l-arti Nisranija bdiet fil-belt ta’ Ruma u nxterdet malajr fl-ibliet qrib. Qrib is-sena 1000 bdejna nsibu bosta kurċifissi mpittrin fuq l-injam u mdendlin fil-knejjes. Xi katidrali kienu jiġu mogħtija slaleb tal-fidda mill-isfijiet tagħhom. Tajjeb insemmu xi eżempji minn dawn.  L-isqof Aribertu ta’ Milan kien ta salib tal-fidda lid-Duomo ta’ din il-belt fl-1018 u l-Isqof Iljun offra salib tal-fidda lid-Duomo ta’ Vercelli aktarx fl-1026. Mhux isqfijiet biss kienu jagħmlu offerti bħal dawn. Il-badessa Raingarda kienet tat is-salib tal-fidda tagħha lill-katidral ta’ Pavia madwar is-sena 996.

Wasal imbgħad iż-żmien fejn bdew jitpittru bosta kurċifissi u nistgħu ngħidu li l-Italja hija mimlija b’dawn il-kurċifissi mpittrin fuq l injam. Xi wħud minnhom huma xogħol ta’ artisti magħrufin.  Aktarx wieħed mill-aktar kurċifissi magħrufin ta’ dan it-tip huwa dak li nsibu fil-Bażilika ta’ San Duminku ġewwa Bologna. Dan huwa xogħol ta’ Giunta Pisano. Huwa xogħol li tpitter bejn l-1250 u l-1254 u llum għadu jinstab fl-istess bażilika. Fuq il-passi ta’ Pisano imxew artisti oħrajn sabiex ħolqu kurċifissi fuq l-istess linja, xejn inqas famużi minn dak ta’ Bologna.  Madwar is-sena 1275, Cimabue pitter kurċifiss simili għall-knisja tas-Salib Imqaddes ġewwa Firenze. Illum il-kurċifiss ta’ Cimabue jinstab fil-mużew ta’ Santa Croce ġewwa l-istess belt. L-istess artist pitter kopja tal-kurċifiss ta’ Pisano għall-knisja ta’ San Duminku  ta’ Arezzo bejn l-1268 u l-1271. Lejn tmiem is-seklu tlettax, Giotto pitter il-kurċifiss li nsibu fil-Knisja ta’ Santa Maria Novella f’Firenze. Din il-knisja hija knisja oħra tad-Dumnikani, dan ifisser kemm dawn il-patrijiet kienu devoti ta’ din ix-xbieha u kemm ħadmu biex ixerdu l-kult lejn il-Kurċifiss.

Artisti

Minn issa ’l quddiem nistgħu nibdew insemmu lista ta’ artisti li pittru l-kurċifiss, imma nsemmu biss dawk l-aktar famużi. Bejn l-1304 u l-1306, Giotto pitter il-kappella mgħarufa bħala Cappella degli Scrovegni, ġewwa Padova u fost pittura oħra nsibu l-Kristu msallab. Il-beatu Angelico wkoll ħallielna xbiehat ta’ Kristu fuq is-salib. Fil-mużew San Marco ta’ Firenza dan id-Dumnikan għandu l-pittura tal-kurċifiss u pittura oħra ta’ Kristu fuq is-salib qiegħed jiġi minfud bil-lanza, li saru bejn l-1337 u l-1346. Fis-sekli ħmistax u sittax insibu bosta artisti minn madwar l-Ewropa li ħadmu fuq din ix-xena u ħallewlna opri kbar li juru l-kurċifiss. Mathias Grünewald, Paolo Uccello,  Maestro von Sigmaringen, Quentin Massys, Andrea Mantegna, Rembrandt, Robert Campin, Van Eyck, Hans Pleydenwurff,  Johann Koerbecke, Hans von Tübingen, Albrecht Dürer,  Albrecht Altdorfer, Mathias Grünewald, Francesco del Cossa, Luca Signorelli u oħrajn. 

Aktar tard komplejna ngawdu opri oħrajn dwar din ix-xena bħal Kristu fuq is-salib ta’ Francisco de Goya tas-sena 1780 u li llum insibuha ġewwa l-mużew del Prado f’Madrid. Opra famuża ta’ żmienna hija l-kurċifiss ta’ Salvador Dali tal-1951 u li tinsab fil-gallerija tal-arti fi Glasgow.

Kurċifissi magħrufa

Ma nistgħux nitkellmu dwar il-kurċifissi u ma nsemmux is-salib magħruf bħala ta’ San Damjan. Dan il-kurċifiss li nsibu ġewwa l-knisja ta’ Santa Kjara f’Assisi huwa dak il-kurċifiss li quddiemu kien qiegħed jitlob San Franġisk meta semgħu jgħidlu biex jibni mill-ġdid il-Knisja. Huwa salib li l-istil tiegħu kien komuni ħafna ġewwa l-Umbrija fis-seklu XII. Il-kurċifiss li llum insibu fil-knisja ta’ San Damjan f’Assisi huwa replika ta’ dan il-kurċifiss tant għażiż mal-Franġiskani. Tajjeb li insemmu wkoll kurċifiss ieħor li għandu rabta ma’ qaddis kbir ieħor. Ġewwa l-Bażilika ta’ San Domenico Maggiore fil-belt ta’ Napli nsibu l-kappella tal-Kuċifiss. Il-kurċifiss li hemm fiha llum huwa riproduzzjoni tal-kurċifiss antik tas-seklu XIII li skont it-tradizzjoni jingħad li waqt li San Tumas ta’ Akwinu kien qiegħed jitlob quddiemu tkellem u qallu: Tumas, ktibt tajjeb ħafna dwari. Xi trid nagħtik? Il-qaddis dlonk wieġbu: Xejn ħliefek, Mulej!

Kurċifissi skolpiti 

Semmejna hawnhekk kurċifissi mpittrin u għalhekk jixraq nagħtu ħarsa lejn xi kurċifissi skolpiti li huma famużi. Fil-knisja tas-Salib Imqaddes ġewwa Firenze nsibu l-kurċifiss imnaqqax fl-injam maħdum minn Donatello. Aktarx li nħadem bejn l-1406 u l-1408. Ġewwa l-istess belt, fil-Knisja ta’ Santa Maria Novella nsibu kurċifiss tal-injam minqux bejn l-1410 u l-1415 minn Brunelleschi. Ta’ min jgħid li din hija l-opra waħdanija ta’ dan l-artit li nafu biha li hija minquxha fl-injam. Nerġgħu nsemmu lil Donatello. Bejn l-1444 u l-1447 dan l-artist għamel il-kurċifiss ta’ fuq l-altar maġġur li hemm fil-bażilika ta’ Sant’ Antnin ġewwa Padova. Dan huwa xogħol fil-bronż. Miżmum fis-sagristija tal-Bażilka tal-Ispirtu s-Santu mill-ġdid f’Firenze nsibu kurċifiss tal-injam maħdum mimm Michelangelo Buonarroti li sar għall-ħabta tal-1493. Dan huwa xogħol rari għax dan l-artist kien jippreferi jiskolpi l-irħam milli l-injam. Xogħol ieħor ta’ dan l-artist kbir huwa l-kurċifiss imsejjaħ ta’ Tiglio. Dan huwa kurċifiss żgħir tal-injam għad-devozzjoni privata. Illum jinstab fl-ambaxxata Taljana għas-Santa Sede f’Ruma sewwa sew fil-kamra tad-deputati.

F'pajjiżna

Minkejja li l-parti l-kbira ta’ dawn il-kurċifissi li semmejna jnsabu l-Italja, ma jfissirx li ma nsibux kurċifissi oħrajn magħrufin u devoti. Ma hemmx għalfejn immorru bogħod minn xtutna, f’Malta għandna l-kurċifiss ta’ Ġieżu. Dan huwa xogħol fl-injam attribwit lil Frate Umile minn Palermo u li nġieb Malta għall-ħabta tal-1630. Sa minn dak iż-żmien dan il-kurċifiss qajjem devozzjoni kbira lejh, liema devozzjoni għadha teżisti sal-lum. Dan il-kurċifiss nistgħu ngħidu li huwa l-kurċifiss l-aktar magħruf f’art twelidna. Ma nistgħux inħallu barra il-bosta kurċifissi tal-Vara l-kbira ta’ xi wħud mill-purċissjonijiet tal-Ġimgħa l-Kbira, liema kurċifissi huma tabilħaqq devozzjonali.

Dak li kien saħta, dak li kien bluha, dak li kien tkexkix, dak li kien mistmerr illum sar simbolu mill-aktar mifrux madwar id-dinja kollha. Salib, sempliċi salib li kien il-ħsieb ta’ bosta opri tal-arti mill-aqwa artisti mondjali. Kristu msammar ma’ salib sar is-simbolu tas-salvazzjoni rigward il-fidi u sar tema popolari u devozzjonali fejn tidħol l-arti. Mhux ta’ b’xejn l-akbar artisti inkludew il-kurċifiss fix-xogħol tagħhom.


Fr. Reno Muscat OP

dan l-artiklu deher f' In-Nazzjon fil-Ġimgħa Mqaddsa 2012