Visualizzazione post con etichetta shoah. Mostra tutti i post
Visualizzazione post con etichetta shoah. Mostra tutti i post

sabato 27 gennaio 2024

27 ta’ Jannar – Jum it-Tifkira

Jum it-Tifkira huwa anniversarju internazzjonali ċċelebrat fis-27 ta’ Jannar ta’ kull sena bħala jum b’kommemorazzjoni tal-vittmi tal-Olokawst imwettaq min-Nażiżmu matul it-Tieni Gwerra Dinjija. Minn nofs is-seklu 20, it- terminu Olokawst beda jindika l-ġenoċidju mwettqa mill-Ġermanja Nażista u l-alleati tagħha kontra l-Lhud tal-Ewropa . Din kienet tikkonsisti fil-qtil ta’ bejn 5 u 6 miljun Lhudi, ta’ kull sess u età. L-Olokawst bħala ġenoċidju tal-Lhud jissejjaħ ukoll ix- Shoah, kelma bl-Ebrajk li tfisser katastrofi jew qerda. Huma paġni mill-aktar koroh fl-istorja tad-dinja, imma sfortunatament hemm qegħdin u ħażin għad-dinja jekk tinsa jew tiċħad dak li tabilħaqq seħħ.

Il-bidu

F’Settembru 1935, fil-Ġermanja Nażista għaddew żewġ liġijiet separati, magħrufa bħala l-Liġijiet ta’ Nuremberg. Dawn kienu l-Liġi taċ-Ċittadinanza tar-Reich u l-Liġi għall-Protezzjoni tad-Demm u l-Unur Ġermaniż. Iż-żewġ liġijiet kienu espressjoni tat-teoriji razzjali li fuqhom kienet ibbażata l-ideoloġija Nażista u servew biex joħolqu l-ambjent legali għall-persekuzzjoni sistematika tal-Lhud fil-Ġermanja. Il-Liġijiet ta' Nuremberg tħabbru minn Adolf Hitler fil-15 ta' Settembru, 1935. Dlonk il-parlament Ġermaniż, imsejjaħ ir- Reichstag, magħmul kompletament minn rappreżentanti Nażisti, approva dawn il-liġijiet. Il-Liġi taċ-Ċittadinanza tar-Reich stabbiliet min kien meqjus bħala ċittadin Ġermaniż u min ma kienx, kif ukoll min kien Lhudi u min ma kienx. In-Nażi ċaħdu l-idea tradizzjonali li l-Lhud kienu membri ta’ komunità reliġjuża jew kulturali, u minflok argumentaw li kienu razza speċifika, li tista’ tiġi definita biss mit-twelid. Ħafna Lhud fil-Ġermanja kienu abbandunaw il-prattiċi u dehriet tradizzjonali tagħhom u bdew jintegraw sewwa mal-bqija tas-soċjetà. Xi wħud ma baqgħux jipprattikaw il-Ġudajiżmu u kienu saħansitra bdew jiċċelebraw il-festi Kristjani, speċjalment il-Milied, flimkien mal-ġirien tagħhom mhux Lhud. Ħafna oħrajn kienu żżewġu Kristjani jew ikkonvertew għall-Kristjaneżmu. Għalhekk dawn il-liġijiet kienu marbuta mal-oriġina etnika tal-Lhud.  Il-Liġi għall-Ħarsien tad-Demm u l-Unur Ġermaniż, ipprojbixxiet iż-żwieġ bejn Lhud u Ġermaniżi mhux Lhud u kkriminalizzat ir-relazzjonijiet barra ż-żwieġ bejniethom.

Qabel il-gwerra

Għall-bidu, jiġifieri, sakemm faqqgħet il-gwerra, l-għan ewlieni tan-Nażiżmu u Hitler kien li r-Reich ikun Judenfrei, jiġifieri "ħieles mil-Lhud". F'din l-ewwel fażi s-sistema magħżula biex "tnaddaf" il-Ġermanja mil-Lhud kienet li ġġiegħelhom jemigraw.

Irnexxielhom jemigraw madwar 540,000 Lhudi, iżda ma’ kull okkupazzjoni li bdiet twettaq il-Ġermanja Nażista in-numru ta' Lhud beda jikber u nazzjonijiet barranin ma setgħux jew ma ridux jassorbu l-mewġa ta’ emigrazzjoni Lhudija mir-Reich. Lejlet il-gwerra, is-soluzzjoni tal-emigrazzjoni dehret li falliet. Għalhekk twieldet l-idea li jitwessa’ l-kunċett stess tad-deportazzjoni billi jiġu trasferiti bil-forza Lhud Ġermaniżi f’post imbiegħed. Matul il-gwerra l-problema kompliet tmur għall-agħar. L-invażjoni tal-Belġju, l-Olanda, Franza, id-Danimarka u n-Norveġja kompliet żiedet in-numru ta’ Lhud li waqgħu f’idejn in-Nażisti. L-għan ewlieni, jiġifieri li l-Ġermanja ssir "Judenfrei", kiber b'mod drammatiku: issa kienet kwistjoni li l-Ewropa kollha ssir Judenfrei. Is-soluzzjoni ma setgħetx tkun aktar li l-Lhud jemigraw. Għalhekk nibtet idea oħra: id-deportazzjoni tal-Lhud Ewropej lejn il-Lvant billi tikkonċentrahom fit-territorji Pollakki okkupati. Il-ħolqien ta' gettos kbar fil-Polonja dehret li kienet l-aħjar soluzzjon.

Kampijiet tal-mewt

 Auschwitz
In-Nażisti waqqfu kampijiet tal-mewt biex jagħmlu l-qtil tal-massa effiċjenti kemm jista’ jkun. B’differenza mill-kampijiet ta’ konċentrament , li servew primarjament bħala kampijiet ta’ detenzjoni u xogħol, il-kampijiet ta’ sterminazzjoni, magħrufa wkoll bħala “kampijiet tal-mewt”, kienu esklussivament  fabbriki tal-mewt. L-ewwel ċentru ta' sterminazzjoni li nbena kien dak ta' Chelmno , f'Diċembru 1941, fil-parti tal-Polonja li tmiss mal-Ġermanja. Fl-1942 in-Nażisti ħolqu l-kampijiet ta’ sterminazzjoni ta’ Belzec, Sobibor u Treblinka bil-għan li jeliminaw b’mod sistematiku l-Lhud Pollakki kollha.  Mal-wasla tal-Lhud fil-kamp ta’ sterminazzjoni, kważi d-deportati kollha kienu jintbagħtu immedjatament lejn il-kmamar tal-gass, bl-eċċezzjoni ta’ numru żgħir li minflok kienu jkunu assenjati għax-xogħol. L-akbar ċentru ta’ sterminazzjoni kien Auschwitz-Birkenau , il-Polonja, fejn, fl-aħħar tar-rebbiegħa tal-1943, erba’ kmamar tal-gass kienu qed joperaw bl-użu tas-sustanza tossika magħrufa bħala Zyklon B. Meta d-deportazzjonijiet laħqu l-intensità massima tagħhom, in-numru ta’ Lhud li nqatlu bil-gass f'Auschwitz-Birkenau laħqet iċ-ċifra ta' 6,000 ruħ kuljum. Fis-27 ta’ Jannar 1945, is-suldati Sovjetiċi daħlu fil-kamp ta’ Auschwitz-Birkenau.  Auschwitz-Birkenau sar simbolu tal-orrur tal-qtil organizzat u ta’ x'jista' jiġri meta l-mibegħda ma tkunx ikkontrollata.

Illum, infakkru Jum it-Tifkira tal-Olokawst fl-anniversarju tal-ħelsien ta’ dan il-kamp. Niftakru fil-vittmi kollha tal-Olokawst u l-persekuzzjoni Nażista ta’ gruppi oħra. Jum it-Tifkira  għandu jservi għad-dinja kollha bħala riflessjoni dwar dak li ġara lill-poplu Lhudi u lil dawk kollha deportati fil-kampijiet Nażisti. Għandha tibqa’ f’moħħ il-bniedem il-memorja ta’ perjodu traġiku fl-istorja biex ġrajjiet simili qatt ma jkunu jistgħu jerġgħu jseħħu.

Fil-qosor, biex ma ninsewx!

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 27 ta' Jannar 2024




sabato 28 gennaio 2023

Il-familja Ten Boom

Kull nhar is-27 ta’ Jannar issir it-tifkira tal-ġenoċidju li wettqu n-Nazisti fl-aħħar gwerra dinjija fuq il-poplu Lhudi, fuq iż-żingari, fuq l-omosesswali, fuq il-membri tax-Xhieda ta’ Ġeħova u fuq dawk li għenu lil xi wħud minn dawn biex isibu kenn mill-kefrija Nazista. Dan il-ġenoċidju jissejjaħ l-Olokawst jew bil-Lhudi Shoah. Illum nixtieq inlaqqagħkom ma’ familj li minkejja li ma kinitx Lhudija, għenet kemm felħet lil għadd ta’ Lhud matul dan iż-żmien ikrah tat-Tieni Gwerra Dinjija.

Il-familja


Il-familja Ten Boom kienet toqgħod f’Haarlem, l-Olanda.  Il-missier kien Casper li fl-1884 iżżewweġ lil Cornelia Johanna Arnolda Luitingh. Huma kellhom ħamest itfal: Betsie, Willem, Hendrick li miet ta’ ftit xhur, Nollie u ż-żgħira li semmiet għal ommha imma dejjem sejħulha Corrie. Meta Casper kellu tmintax-il sena fetaħ ħanut tad-deheb f’Amsterdam. Sakemm kien jgħix hemmhekk huwa ħadem ħafna fost il-foqra iżda wara xi snin kellu jmur lura lejn Haarlem fejn fetaħ bħala arluġġar fis-sular ta’ isfel ta’ daru. Huwa romol fl-1921 u baqa’ jgħix f’daru ma’ wliedu. Il-familja Ten Boom kienet Kristjana, tappartjeni għall-Knisja Protestanta Riformata Olandiża.

Il-gwerra

Il-ħanut tal-familja Ten Boom
F’Mejju 1940, il-Ġermaniżi nvadew l-Olanda.  F’Mejju 1942, mara liebsa tajjeb marret għand il-familja Ten Booms b’bagalja f’idejha u qaltilhom li kienet Lhudija, żewġha kien arrestat diversi xhur qabel, binha kien ħarab mill-Ġermaniżi u ma kinitx taf fejn kien. Dan l-aħħar kienu marru f’darha xi suldati Ġermaniżi u għalhekk bdiet tibża’ tibqa’ d-dar.  Hija kienet semgħet li l-familja Ten Boom kienet għenet lill-ġirien Lhud tagħhom, il-familja Weils, u staqsiethom jekk setgħux jgħinu lilha wkoll. Casper dlonk qal li setgħet toqgħod magħhom minkejja li l-kwartieri ġenerali tal-pulizija kien biss nofs blokka bogħod minn daru. Billi Casper kien qarrej devot tat-Testment il-Qadim, huwa kien jemmen li l-Lhud kienu l-poplu magħżul u għalhekk qal lill-mara, “F'din id-dar, in-nies ta’ Alla huma dejjem milqugħa.” Bħal din il-mara kien hemm oħrajn li sabu kenn bejn il-ħitan tad-dar ta’ Ten Boom. Il-familja qatt ma fittxet li tikkonverti lil xi wieħed mil-Lhud li baqgħu magħhom.

Corrie u Betsie

Corrie u oħtha Betsie fetħu d-dar tagħhom għar-refuġjati Lhud u l-membri tal- moviment tar-Reżistenza Olandiża u bħala riżultat ta’ hekk kienu mfittxija mill-Gestapo. Ir-Reżistenza Olandiża, li saret taf ukoll b’din il-ħidma, bagħtet perit fid-dar ta’ Ten Boom biex jibni kamra sigrieta għal-Lhud li kienu moħbija fid-dar u nstallaw buzzer ta’ twissija biex iwissu lir-refuġjati biex jidħlu fil-kamra sigrieta kemm jista’ jkun malajr f’każ ta’ bżonn. Il-kamra sigrieta kienet fil-kamra tas-sodda ta’ Corrie wara ħajt falz u kienet tista’ iżżomm fiha sitt persuni. Ġiet installata fiha sistema ta’ ventilazzjoni għall-okkupanti.

Arrest

Fit-28 ta’ Frar 1944, l-Olandiż, Jan Vogel, qal lin-Nazi dwar ix-xogħol ta’ Ten Booms; għall-ħabta tan-nofsiegħa ta’ dak il-jum, in-Nazi arrestaw lill-familja kollha ta’ Ten Boom. Huma ntbagħtu l-ħabs ta’ Scheveningen għax fid-dar tagħhom instab materjal tar-Reżistenza Olandiża u biljetti tar-razzjon tal-ikel żejda. Dak iż-żmien fid-dar ta’ Ten Boom kien hemm sitt refuġjati. Dan il-grupp ta’ sitt persuni moħbija kien magħmul kemm minn Lhud kif ukoll minn ħaddiema tar-reżistenza. Tant kien moħbi sewwa li baqa’ mhux skopert minkejja li d-dar kienet taħt sorveljanza kontinwa wara l-arrest tal-membri tal-familja Ten Boom. Uffiċjali tal-pulizija li kienu wkoll membri tal-grupp tar-reżistenza ħasbu biex ikkordinaw il-ħarba tar-refuġjati.

Meta Casper kien interrogat fil-ħabs, il-Gestapo qaltlu li se jeħilsuh minħabba l-età tiegħu biex ikun jista’ “jmut fis-sodda tiegħu.” Huwa wieġeb, “Jekk illum immur id-dar, għada niftaħ il-bieb għal kull min iħabbat għall-għajnuna.” Meta mistoqsi jekk kienx jaf li seta’ jmut talli għen lil-Lhud, hu wieġeb, “Jien nikkunsidra li dan ikun l-akbar unur għall-familja tiegħi.” Fid-9 ta' Marzu, Casper miet fl-Isptar Muniċipali ta' The Hague, fl-età ta’ 84 sena, wara disat ijiem fil-ħabs ta' Scheveningen.

Betsie mietet f'Ravensbrück f'Diċembru 1944. Willem marad bit- tuberkulożi spinali waqt li kien il-ħabs minħabba x-xogħol tiegħu mar-reżistenza. Għalkemm inħeles, miet bit-tuberkulożi ftit wara l-gwerra. Corrie nħelset mill-kamp ta’ konċentrament ta’ Herzogenbusch. Skont hi, inħelset bi żball. Hija marret lura d-dar f’dik li tissejjaħ “ix-xitwa tal-ġuħ” minħabba n-nuqqas ta’ ikel li kien jeżisti. Hija xorta fetħet il-bibien tagħha għal persuni b’diżabilità li kienu moħbija minħabba l-biża’ li jiġu maqtulin mill-Ġermaniżi.

Corrie Ten Boom irrakkontat l-istorja tal-membri tal-familja tagħha u x-xogħol tagħhom fit- Tieni Gwerra Dinjija fil-ktieb bestseller tagħha, The Hiding Place li ħareġ fl-1971 u Ii nħadem film fl-1975.

Ilum wassaltilkom ftit tagħrif dwar familja li minkejja li ma kinitx Lhudija, għenet kemm setgħet u b’kull mezz lil-Lhud fi żmien il-gwerra. Familja b’morali għolja – familja altruwista.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 28 ta' Jannar 2023



 

 


 

 

 

 

sabato 21 gennaio 2023

Jum internazzjonali b'tifkira tal-Olokawst



Kull 27 ta’ Jannar isir Jum it-tifkira. Nistħajjel li jkun hawn min jistaqsi: liema tifkira tkun iċċelebrata dakinhar? Minkejja li ngħidu li hija tifkira, huwa jum li fih niftakru ġrajja li kulħadd jixtieq jinsa. Dakinhar niftakru f’dawk il-miljuni ta’ bnedmin li ġew maqtulin minħabba filosofija żbaljata, minħabba politika ħażina fejn jeżistu r-razez, il-kuluri, il-firdiet fost il-bnedmin. Dakinhar id-dinja tiftakar fl-Olokawst li seħħ matul it-Tieni Gwerra Dinjija fejn madwar sitt miljun Lhudi ra t-tmiem tiegħu sempliċiment għax kien jappartjeni għall-ġens Lhudi.

Olokawst jew Shoah

L-Olokawst, li huwa magħruf ukoll bħala s-Shoah, kien il-ġenoċidju tal-Lhud Ewropej matul it-Tieni Gwerra Dinjija. Bejn l-1941 u l-1945, il-Ġermanja Nażista u l-kollaboraturi tagħha qatlu sistematikament madwar sitt miljun Lhudi madwar l-Ewropa okkupata mill-Ġermaniżi. Dan in-numru kien jammonta għal madwar żewġ terzi tal-popolazzjoni Lhudija tal-Ewropa. Il-qtil sar kemm f’massakri u sparar tal-massa kif ukoll bi programm ta’ politika ta’ sterminazzjoni permezz ta’ xogħol fil-kampijiet ta’ konċentrament. Sar ukoll fi kmamar tal-gass u vannijiet tal-gass fil-kampijiet ta’ sterminazzjoni Ġermaniżi, prinċipalment Auschwitz-Birkenau , Bełżec , Chełmno , Majdanek , Sobibór , u Treblinka fil-Polonja okkupata.

Il-Ġermanja implimentat il-persekuzzjoni fi stadji. Wara l-ħatra ta' Adolf Hitler bħala Kanċillier fit-30 ta’ Jannar 1933, ir-reġim bena għadd ta’ kampijiet ta' konċentrament fil-Ġermanja għall-avversarji politiċi u dawk meqjusa bħala “mhux mixtieqa”. L-ewwel kamp ta’ konċentrament kien dak ta’ Dachau li fetaħ fit-22 ta' Marzu 1933. Wara li għadda dak li jissejjaħ l-Att ta’ Enabling, fl-24 ta’ Marzu, 1933 Hitler ġie mogħti poteri plenarji dittatorjali, bid-dritt li jgħaddi liġijiet mingħajr ħtieġa ta’ maġġoranza fil-parlament jew approvazzjoni tal-President. Minn dan il-waqt il-gvern Nażista beda jiżola l-Lhud mis-soċjetà ċivili; dan kien jinkludi l-bojkott tan-negozji Lhud f'April 1933 u l-promulgazzjoni tal- Liġijiet ta' Nuremberg f'Settembru 1935. Bejn id-9 u l-10 ta' Novembru 1938, tmien xhur wara li l-Ġermanja ħakmet l-Awstrija , in-negozji Lhud u s-sinagogi kollha u bini Lhudi ieħor ġew meqrudin jew inħarqu madwar il-Ġermanja u l-Awstrija kollha, f’dik li saret magħrufa bħala Kristallnacht, li bil-Malti nistgħu nsejħulu “il-Lejl tal-Ħġieġ imkisser”. Dan kollu seħħ wara li żagħżugħ Lhudi kien qatel diplomatiku Ġermaniż f’Pariġi. Dak li seħħ f’dak il-lejl  kien sinjal għal-Lhud fil-Ġermanja u l-Awstrija biex jaħarbu minn darhom kemm jista’ jkun malajr. Mijiet ta’ eluf ta’ Lhud sabu kenn f’pajjiżi oħra, iżda mhux kulħadd, numru kbir ta’ Lhud fosthom xjuħ u morda, baqgħu f’darhom.

Kristallnacht

Wara li l-Ġermanja invadiet il-Polonja f’Settembru tal-1939, li nistgħu ngħidu kien il-bidu għat-Tieni Gwerra Dinjija, ir-reġim waqqaf gettos biex jissegrega l-Lhud. Eventwalment, mijiet ta’ kampijiet u siti oħra ta’ detenzjoni ġew stabbiliti madwar l-Ewropa okkupata mill-Ġermaniż. Matul is-snin tal-gwerra l-Olokawst wettaq atroċitajiet li sal-lum għadhom iħammru wiċċ id-dinja.

Politika ta’ razza

Il-bidu ta’ dan il-perjodu ikrah fuq id-dinja kien frott ta’ filosofija żbaljata fejn il-bniedem beda jemmen, ovvjament għax hekk ġie mgħallem minn dawk ta’ fuqu, li neżistu aħna u jeżistu huma u min mhux magħna jew bħalna huwa kontra tagħna u min hu kontra tagħna huwa għadu tagħna mela għandna neħilsu minnu kemm jista’ jkun malajr. Il-poplu Ġermaniż ġie ddottrinat li hemm razza ta’ bnedmin puri u min mhux minn dik ir-razza għandu jitwarrab. Fil-verità aħna bħala umani nappartjenu għal razza waħda, ir-razza umana u la iżjed u lanqas inqas. Biss il-politika Nażista għallmet diversament. Ma tistax tlum lil min ġie ddotrinat b’dan il-mod li jemmen li dak li tgħallem huwa s-sewwa.

Meta nsemmu l-Olokawst spiss nifhmu l-ġenoċidju tal-Lhud, iżda matul is-snin tal-gwerra, jiġifieri bejn l-1933 u l-1945, seħħew kemm-il darba qtil sistematiku tal-massa jew ta’ gruppi oħra tal-popolazzjoni. Dawn kienu jinkludu lir-Rom jew Żingari , Pollakki , Ukrajini , Sovjetiċi ċivili u priġunieri tal-gwerra. Gruppi iżgħar kienu wkoll vittmi taʼ persekuzzjoni Nażisti, bħall-membri tax- Xhieda taʼ Ġeħova, il- Ġermaniżi Suwed, il- persuni b’diżabilità, il- komunisti u l-omosesswali.

Għalfejn niftakru?

Imma gaħlfejn ta’ kull sena nerġgħu niftakru fi żmien li d-dinja kollha tixtieq tinsa? Huwa propju għalhekk li rridu niftakru għax kif jgħid sewwa l-filosfu George Santayana: “Dawk li ma jiftakrux l-imgħoddi huma kkundannati li jerġgħu jgħixuh.” Din il-frażi tinsab miktuba f’waħda mid-daħliet tal-barrakki ġewwa l-kamp ta’ konċentrament f’Auchwitz. Għalhekk ma rridux ninsew dak li d-dinja għaddiet minnu għax inkella jkun hemm ir-riskju li terġa’ tgħaddi minnu. Dak li seħħ fi żmien il-gwerra seħħ minħabba politiku b’ideoloġija li llum nafu li kienet żbaljata iżda fi żmienha kienet aċċettata. Għalhekk it-tifkira, biex ma ninsew qatt u biex forsi ma nerġgħux ngħaddu minn dak li għaddew minnu dawk ta’ qabilna.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 21 ta' Jannar 2023


 

 

 

 

 

sabato 25 gennaio 2014

Jum it-tikfira

Is-27 ta’ Jannar iffakkarna x’ ġara fil-kampijiet ta’ konċentrament

Kull nhar is-sebgħa u għoxrin ta’ Jannar niddedikaw jum li nsejħulu jum ta’ tifkira. Tifkira mhux għax għandna biex niċċelebraw xi rebħa jew xi okkażjoni speċjali, imma tifkira biex il-bniedem ma jinsa qatt x’seħħ ġewwa l-kampijiet ta’ konċentrament matul it-tieni gwerra dinjija.

Għalfejn dak il-jum?
Intgħażel dan il-jum għax kien fih li fl-1945 it-truppi Sovjetiċi, fi triqithom lejn Berlin, waslu fil-belt Pollakka ta’ Oświęcim jew kif nafuha aktar: Auschwitz. Huma sabu l-kamp ta’ konċentrament mibni min-Nażi, il-post li jħammar wiċċ l-umanità, il-barrakki li fihom seħħew uħud mill-agħar atti kriminali fid-dinja suppost ċivilizzata. Tassew li dan ma kienx il-ġenoċidju waħdieni li seħħ fl-istorja tal-bniedem, imma huwa l-aktar wieħed magħruf. It-truppi fetħu x-xatba ta’ dan il-post ta’ tant qirda biex taw il-ħelsien lil ftit li kienu għadhom fih u li kienu ħelsuha mill-mewt.

Biex ma ninsew qatt
Fl-1 ta’ Novembru, 2005, il-Ġnus Magħquda għaddiet riżoluzjoni biex fil-pajjiżi membri tal-organizzazjon  jibda jiġi mfakkar dak li spiss jissejjah is-Shoah, jiġifieri il-qerda tal-poplu Lhudi matul il-gwerra. L-ewwel darba li kien imfakkar dan il-jum kien fl-2006. L-assemblea ġenerali qalet li dan huwa jum li jfakkar dak li seħħ biex inżommu għajnejna miftuħin beraħ biex ma jerġax iseħħ. Huwa wkoll jum li jiftaħ għajnejn id-dinja dwar bosta intolleranzi li jeżisti madwarna.

Bnedmin bħalna
Il-filosofija tar-razza, jiġifieri li bejn il-bnedmin jeżistu razez differenti kienet ilha mis-snin tletin tinfirex bejn in-nażisti Ġermaniżi, u l-faxxisti Taljani kellhom jimxu fuq il-passi ta’ sħabhom.  Kien hemm min ħolom bir-razza perfetta, bir-razza li minnha ħarġu l-bnedmin imsejħin Arjani. Min kien imħallat ma’ xi razza oħra kien meqjus inpur. Imma dan it-twemmin kien wieħed falz u bla ebda bażi xjentifika għax minkejja li hawn bnedmin ta’ ġilda bajda jew sewda jew safra, fl-aħħar mill-aħħar huma lkoll tal-istess razza – ir-razza umana. Kull min huwa differenti minna ma jfissirx li ma jagħmilx parti mir-razza tagħna. Ħtija ta’ din il-filosofija id-dinja għadha ssofri minn razziżmu kultant bla sens u sfrenat. Irridu nammettu li aħna lkoll tal-istess razza u ħadd ma hu differenti minn ħadd għajr għall-aspett fiżiku.


Tifkiriet
Fil-pajjiż ġar tagħna, l-Italja, il-Lhud batew ħafna matul il-gwerra ta’ nofs is-seklu li għadda. F’ bosta bliet għad hemm irkejjen li jissejħu Getto, il-post fejn il-Lhud kienu imġegħlin jinġabru. Tkeċċew minn djarhom u ġabruhom ilkoll flimkien f’ dawn il-Getti. Sa minn qabel ma beda jkun iċċelebrat dan il-jum, xi komunitajiet ħasbu biex qrabthom maqtulin f’ xi kamp ta’ konċenterament ma jintesewx. Ruma hemm bosta minn dawn it-tifkiriet. Via della Lungara għandha rħama li tfakkar xi Lhud li kienu deportati minn dik in-naħa. Jekk tkun għaddej minn Lungotevere Tor di Nona, qrib l-ambaxxata Maltija tara lapida oħra u jekk tinzerta quddiem il-knisja ta’ San Ġwakkin fi Prati tista’ tara rħama li tfakkar meta grupp ta Lhud staħbew fuq il-bejt ta’ din il-knisja biex jaħarbu d-destin li kien hemm lest għalihom: il-kamp ta’ konċenterament! Barra minn hekk fuq bosta bankini tara plakki tar-ram li jfakkru xi persuna li kienet toqgħod hemm u waqt il-gwerra ttieħdet Auschwitz.


Għalhekk isir din it-tifkira, biex id-dinja ma tinsa qatt dak li seħħ u biex tara li ma jerġax iseħħ.


Fr Reno Muscat OP


Dan l-artiklu deher f' In-Nazzjon 25 ta' Jannar 2014