Visualizzazione post con etichetta fidi. Mostra tutti i post
Visualizzazione post con etichetta fidi. Mostra tutti i post

venerdì 19 giugno 2026

Elementi tal-Festa Maltija

Wasal Ġunju u dalwaqt jgħaddi wkoll, u għalhekk waslu il-jiem marbutin mal-festi tradizzjonali li jsiru fl-ibliet u l-irħula tagħna l-Maltin. Dwar dawn il-festi hemm ħafna x’wieħed jgħid, fosthom li hawn min jgħix is-sena kollha għall-festa u hawn imbagħad oħrajn li jieħdu qatgħa malli jisimgħu l-ewwel murtal. Hu x’inhu, tħobbhom jew ma tħobbhomx, minn l-aħħar ta’ Mejju jew il-bidu ta’ Ġunju sa Settembru jew il-bidu ta’ Ottubru f’pajjiżna jkun għaddej l-istaġun tal-festi.

Elementi ta’ ġewwa

Bħal kollox, il-festa Maltija fiha elementi li jsawruha, elementi li mingħajrhom ma tkunx festa kompluta. Prinċipalment il-festa tar-raħal hija avveniment reliġjuż, biss dan il-fatt spiss jintesa u jsir aktar enfasi fuq dak li jseħħ fit-toroq milli dwar dak li l-aktar huwa importanti fil-festa.

Il-ġimgħa tal-festa tibda bil-ħruġ tal-vara min-niċċa. Din wara sena msakkra terġa’ tinħareġ ftit għall-arja biex titgawda. Mhux l-għan tiegħi li nsemmi xi festi partikolari, imma ngħid biss li l-ħruġ tal-vara minn ġewwa n-niċċa hawn festi li jattendu għalih nies daqs kemm jattendu għall-purċissjoni. Element ieħor tal-ġimgħa tal-festa huma it-tlett ijiem tat-tridu. Dawn għandhom l-għan li fihom isiru prietki minn saċerdot mistieden biex il-parruċċani jagħrfu l-virtujiet li bihom kien imżejjen il-qaddis patrun tar-raħal. Hawn kultant tħoss uġigħ ta’ qalb, tara knisja armata sa snienha, predikatur li jkun fittex li jħejji prietka mill-aqwa biex imbagħad ikun hemm knisja kważi vojta. Mhux l-istess isir fil-marċ, hemm ikun hemm folla mhux ħażin! Ara l-knisja fil-jiem tat-tridu, inħalluha għal dawk ix-xjuħ li wara l-funzjoni jmorru lejn darhom għax issa ma għadhomx imorru jaqbżu mal-banda!Iżda ngħid ukoll li hawn festi fejn il-knisja tkun mimlija wkoll. Imbagħad hemm it-Te Deum, li normalment kien isir fil-jum tas-Sibt filgħodu. Minħabba n-nuqqas ta’ attendenza, llum hawn festi li qed jagħmluh il-Ġimgħa filgħaxija. Personalment nippreferi s-Sibt filgħodu, imma aħjar hekk milli ma jsir xejn. Is-Sibt ukoll issir it-transulazzjoni tar-relikwija tal-qaddis jew qaddisa u hekk uffiċjalment jibda l-jum tal-festa. Imbagħad jisbaħ il-Ħadd, filgħodu l-quddiesa tal-festa u tard waranofsinhar l-Għasar Solenni u l-purċissjoni bl-istatwa tal-qaddis jew qaddisa.

Dan huwa bejn wieħed u ieħor il-programm tal-knisja fil-festa Maltija. Jiena ħadt tip ta’ festa li tkun iċċelebrata l-Ħadd għax fl-istaġun tal-festi Maltin hemm festi li jiġu ċċelebrati fost il-ġimgħa fil-jum liturġiku tal-festa tal-qaddis jew qaddisa u hemm festi oħra li l-programm tagħhom ikun xi ftit differenti minn dan li ktibt jiena.

Elementi ta’ barra

Jekk fil-jiem tal-festa l-knisja tkun armata sa snienha, l-istess nistgħu ngħidu għat-toroq tal-parroċċa. Illum fil-jiem tal-festi tagħna nkunu nistgħu ngawdu bosta opri artistiċi mill-aqwa; xogħol ta’ pilandri u trofej, kolonni, statwi, xogħol ta’ ħjata ta’ pavaljuni, bandalori u bnadar, kollha fuq disinn inħażżeż minn artist Malti, li jkollna ngħiduha kif inhi, illum hawn minn dawn l-artisti li tabilħaqq huma ta’ livell. Ma’ dawn jidħol ħafna xogħol ieħor, bħall-irħamar tal-pilandri u armar ieħor u xogħol ieħor li ma jidhirx, bħal xogħol ta’ ħadid u xogħol tad-dawl. Insomma fi ftit kliem nistgħu ngħidu li fil-jiem tal-festa t-toroq tagħna jinbidlu f’vetrina ta’ artiġjanat u ta’ volontarjat, għax bosta mix-xogħol li naraw ikun sar matul is-sena minn numru ta’ volontiera.

Element ieħor li nsibu fil-festa esterna hija l-mużika. Għal kull soċjetà mużikali, il-ġimgħa tal-festa hija l-aktar waħda impenjattiva. Normalment isiru għadd ta’ marċi matul il-ġimgħa filgħaxija u s-Sibt jew il-Ħadd filgħodu, imma l-akbar impenn żgur li jkun il-programm mużikali ta’ fuq il-planċier. Mal-ħoss tal-mużika jingħaqad il-ħoss tan-nar. Nemmen li fost l-aktar kritika li jaqilgħu l-festi tagħna tkun minħabba l-eseġerazzjoni fil-logħob tan-nar. Wisq nibża’ li dan jiġri minħabba l-ħoss qawwi kif ukoll minħabba li dawn il-ħsejjes idumu wisq. Sa fejn naf jien hemm liġi f’Malta li kull storbju jrid jieqaf fil-ħdax ta’ bil-lejl. Ma jidhirlix li din il-liġi xi darba tneħħiet imma nemmen li tpoġġiet fuq l-ixkaffa. Jiġi mill-organizzaturi tal-festa li jiġi irrispettat dan il-ħin.

Tal-qubbajd u tal-hotdogs

Ħa ngħidha kif inħossha, festa fejn ma ssibx lil tal-qubbajd u l-gabbana tal-hotdogs naraha festa mhux kompluta b’kollox. Jista’ jkun li nħoss dan is-sentiment għax fi tfuliti tal-qubbajd u tal-hotdogs kienu l-uniċi bejjiegħa fil-festi tagħna. Mhux bħal-lum issib minn kollox, fi tfuliti tixtri hotdog u flixkun luminata, li kienu jiswew 5 ċenteżmi, u forsi jekk tkun il-każin tal-banda tixtri sandwich bil-butir mielaħ u l-perżut. Il-bqija ma kont issib xejn aktar. Nammetti li meta llum inkun f’xi festa u nara xi gabbana mill-antiki (jekk fadal xi waħda) jew xi mejda tal-quddajd, tiġini nostalġija kbira għal snin tfuliti.

Li ma kienx hemm żgur fil-festi ta’ tfuliti kienu l-parties li jsiru llum, li ngħid id-dritt ma naqbel xejn magħhom, imma mhux billi ngħid jien. Biss nistaqsi mistoqsija dwar dawn tal-aħħar, allura issa li l-festa Maltija hija ddikjarata bħala wirt intanġibbli, dawn il-parties jagħmlu parti minn dan il-wirt ukoll?

Fr Reno Muscat


Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon 20 ta' Ġunju 2026



sabato 11 settembre 2021

Post il-kult

 

Il-bniedem huwa annimal li min-natura tiegħu huwa reliġjuż. Meta ngħid reliġjuż ma rridx infisser li huwa marbut ma’ xi fidi jew tagħlim ta’ xi twemmin partikolari imma s-sens li jħoss ġewwa fih li hemm xi qawwa akbar u ogħla minnu li tmexxi d-dinja u tiddetermina lil ħajtu. Din ir-reliġjożità tista’ tkun marbuta ma’ xi fidi storika jew tista’ ma tkunx. Billi l-bniedem huwa wkoll soċjevoli, dan is-sentiment reliġjuż li jħoss ikun irid jaqsmu ma’ ħaddieħor li jkollu l-istess twemmin. Għalhekk inħolqu il-postijiet tal-kult.

Mill-qedem

Pajjiżna jista’ jiftaħar li fih jinstabu fost l-eqdem tempji tad-dinja li fihom kienu jiltaqgħu gruppi ta’ nies biex jeżerċitaw ir-ritwali reliġjużi tagħhom. It-tempji monumentali u preistoriċi ta’ Malta nbnew bejn 5,500 u 2,500 Qabel Kristu u llum nafu li huma l-eqdem binjiet fl-Ewropa, saħansitra aktar antiki mill-Piramidi tal-Eġittu u Stonehenge tal-Ingilterra. Huma magħrufin għad-diversità tal-forma u t-tiżjin tagħhom u jikklassifikaw fost l-ewwel bini fid-dinja. Dawn il-binjiet huma l-Ġgantija ta’ Għawdex, Ħaġar Qim, l-Imnajdra u t-tempji ta’ Ħal Tarxien. Tempji simili għal dawn li għandna f’pajjiżna nsibuhom mifruxin mal-Ewropa mill-Irlanda sal-peninsula Iberika u lejn ix-xatt tax-xmara Danubju. Kollox jindika kemm l-antenati tagħna ħassew li kellhom iduru lejn dik il-qawwa sopranaturali li tmexxihom.

Aktar qrib tagħna

F'tempju Buddista
Biż-żmien il-bniedem beda jorganizza ruħu aħjar u fejn tidħol ir-reliġjożità beda jidentifika ruġu ma’ xi għaqda jew fidi. Fl-Asja, r-reliġjonijiet l-aktar mifruxin huma dik Buddista u dik Ħindu. Bħala post ta’ kult dawn kellhom u għad għandhom it-tempji. It-tempju Buddista huwa post sagru ġeneralment magħmul jew minn bini wieħed jew aktar. Fih insibu s-sala prinċipali li fiha normalment ikun hemm l-istatwa ta’ Budda. Qrib tat-tempju aktarx ikun hemm xi monasteru għall-irħieb Buddisti. L-arkitettura tat-tempji Ħindu tipprovdi struttura miftuħa u mibnija b’mod simetriku b'ħafna varjazzjonijiet, b’figuri ġeometriċi perfetti, bħal ċrieki u kwadri.

Jekk nibqgħu nersqu aktar qrib żminijietna naraw li l-Griegi tal-qedem ukoll kellhom it-tempji biex fihom iqimu lill-allat tagħhom. Billi dan il-poplu kien jaħkem bosta artijiet, kien jibni tempji kull fejn ikollu preżenza. Illum il-fdalijiet ta’ dawn it-tempji saru l-patrimonju ta’ dik l-art li jinsabu fiha. Mhux wisq bogħod minn pajjiżna, sewwasew fi Sqallija, f’Agrigento għadna nistgħu naraw għadd ta’ tempji Griegi. Ir-Rumani ħadu ħafna mill-Griegi u huma wkoll kienu jibnu tempji lill-allat tagħhom. Meta twieldet il-fidi Nisranija, sakemm dawk li ħaddnu din il-fidi ġdida kellhom il-ħelsien li jipprattikawha, kienu jużaw il-katakombi bħala l-post tal-kult tagħhom. Hawn ukoll pajjiżna jista’ jiftaħar li huwa minn ta’ quddiem għax wara Ruma, Malta tħaddan l-akbar għadd tagħhom.

Qabel l-Insara

L-Insara kienu meqjusin bħala setta li ħarġet mill-fidi Lhudija u għalhekk għall-bidu ftit kien hemm min jagħmel distinzjoni bejn Lhudi u Kristjan. Il-Lhud ukoll kellhom it-tempju fil-belt ta’ Ġerusalemm, imma dan twaqqa’ mir-Rumani fis-sena 70 Wara Kristu. Ta’ min jgħid li dan kien it-tielet tempju mibni fil-post u minn meta twaqqa’ mir-Rumani ma reġa’ nbena qatt. Il-Lhud għandhom is-sinagoga bħala l-post tal-kult tagħhom. Is-sinagoga aktarx li bdiet tintuża matul l-eżilju Babiloniż fil-ħames seklu Qabel Kristu u wara l-qerda tal-ewwel Tempju, id-drawwa tas-sinagoga kienet miġjuba lejn Iżrael mil-Lhud li kienu rritornaw mill-eżilju. Għal-Lhud, it-tempju kien il-post fejn jgħammar Alla u s-sinagoga hija biss il-post tal-kult u t-talb.

Il-knisja, post il-kult Nisrani
Insara 

L-ewwel Insara kienu jiltaqgħu fid-djar biex jiċċelebraw il-kult tagħhom. Din il-ħaġa ma kinitx issir biss f’Iżrael, il-post fejn twieled il-Kristjaneżmu imma kull fejn inxtered. Ruma għadna sal-lum insibu knejjes antiki ddedikati lil xi qaddis jew qaddisa li ma nafux min hu jew min hi, bħal Santa Sabina jew Santa Priska. Dawn ma kienu ħadd għajr is-sidien tad-djar fejn kienu jiltaqgħu l-ewwel Insara biex jeżerċitaw il-kult. Dawn id-djar kienu jissejħu Domus Ecclesia, dar-knisja u biż-żmien sidhom beda jissejjaħ bħala qaddis. Illum il-Kristjaneżmu huwa maqsum fi friegħi u huwa stmat li madwar id-dinja kollha hawn xi 37 miljun knisja.

Musulmani

Taj Mahal huwa wkoll moskea
Il-moskea hija l-post tat-talb għall-fidili tal-Iżlam. Il-moskea għandha miḥrāb, bħal niċċa li tindika d-direzzjoni ta’ Mekka fejn hemm ukoll il-Kaʿba, meqjusa bħala l-ewwel Santwarju Musulman iddedikat għall-qima ta’ Allah. Minkejja li mhix ħaġa obbligatorja, il-moskea ġieli jkollha wkoll il-pulptu minfejn l-imam jaqra l-Koran. Billi l-fidi Iżlamika ma tippermettix xbihat, f’xi moskeji nsibu disinji tabilħaqq sbieħ li jsebbħu lill-binja. Madwar id-dinja nsibu kważi 4 miljun moskea.

Hemm xi denominazzjoniet reliġjużi oħra li minkejja li huma żgħar għandhom il-post tal-kult tagħhom ukoll bħal ngħidu aħna s-sala tas-Saltna tax-Xhieda ta’ Ġehova fost oħrajn.

Hekk rajna fuq fuq xi postijiet li l-bniedem, hu min hu, hu fejn hu, juża biex jesprimi dak is-sentiment reliġjuż li jħoss ġewwa fih.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 11 ta' Settembru 2021



sabato 28 aprile 2018

Antropoċentriżmu


Il-kelma antropoċentriżmu hija kelma magħmula minn żewġ kelmiet Griegi; Antropos (ánthrōpos) li tfisser bniedem u Kendron (κέντρον) li tfisser in-nofs, jew aħjar iċ-ċentru. Meta ngħaqqdu dawn iż-żewġ kelmiet flimkien inkunu qed nirreferu għall-bniedem bħala ċ-ċentru tal-ħolqien kollu.

Fil-fidi
Li l-bniedem inħalaq biex imexxi lid-dinja, biex ikun kap tal-ħolqien kollu insibuha fir-reliġjonijiet il-kbar bħall-Ġudajiżmu, il-Kristjaneżmu u l-Islam. U tabilħaqq hu hekk għaliex kollox jindika li l-bniedem minkejja li huwa annimal, huwa annimal bir-raġuni u għalhekk huwa superjuri għal kull annimal ieħor. Mela r-raġuni dlonk tgħidilna li aħna l-bnedmin ma aħniex bħal kull annimal ieħor iżda rridu mmexxu lil din id-dinja, anzi l-univers kollu kemm hu.

Annimal u annimal
Kultant issib min jgħidlek li ladarba l-bniedem imut jispiċċa u jitmermer, isir trab u qisu qatt ma kien jeżisti. Biss argument bħal dan huwa insult għall-bniedem li għandu moħħ biex jirraġuna. Il-bniedem kapaċi jagħmel ħafna aktar minn kull annimal ieħor. Tassew li hemm annimali li jagħmlu dak li bniedem mhux kapaċi jagħmel, bħal iġorr piż kbir bħaż-żwiemel, iljunfati barrin u oħrajn, jgħaddi xhur bla ikel bħall-ors, imma dik hija n-natura. Il-bniedem huwa superjuri għall-annimali l-oħra għax kapaċi joħloq. In-nar huwa element li jbeżża’ anżi jwerwer lill-annimali kollha, iżda l-bniedem kien kapaċi jużah biex isajjar l-ikel u jdawwal daru. L-ebda annimal ieħor ma kien kapaċi jagħmel ħaġa bħal din. Aħna qegħdin  nikkomunikaw permezz tal-kitba u l-qari. Liema annimal ieħor kapaċi jikteb xi ħaġa biex ikun jista’ jaqraha annimal ieħor? Liema annimal kapaċi jsuq karozza? Liema annimal kien kapaċi jitla’ fuq il-qamar? Ħadd ħlief il-bniedem. Dan huwa sinjal tas-superjorit à tal-essere uman fuq kull essere ieħor u dan għax il-bniedem huma mogħni bl-intelliġenza filwaqt li l-annimali l-oħra għandhom biss stint. Mela ma jistax ikun li mal-mewt tal-bniedem jintemm kollox għaliex kieku nkunu qed ngħidu li l-bniedem u l-kelb, il-qattus u l-ħmar huma fuq l-istess skala, imma l-fatti juruna biċ-ċar mod ieħor.

Kollox f’ idejna
Id-dinja kollha f'idejna
Il-fatt li l-bniedem huwa superjuri għal kull ħlejqa oħra kien ukoll abbużat. Kemm-il darba wettaq massakri fuq annimali oħra. Insomma, il-bniedem ġieli wettaq massakri fuq bnedmin oħra bħalu, aħseb u ara fuq annimali inferjuri għalih! Biss l-abbuż mill-bniedem ma sarx biss fuq annimali u ħlejjaq oħra. Kemm inħlew riżorsi naturali? Kemm-il foresta nqerdet bla ma ħadd ħaseb biex jiżra’ oħra flokha? Il-politika ta’ sostenibilità dommna ma ntbaħna li hija meħtieġa daqs l-ilma li nixorbu, daqs l-ikel li nieklu! L-istess seħħ fil-konsum ta’ fossili naturali li jieħdu miljuni ta’ snin biex isiru. Iż-żejt, il-gass u l-faħam jintużaw kuljum. imma kemm fadal minnhom fid-dinja? Tieħu bla trodd is-swar tħott!

U xi ngħidu għal pajjiżna? Bini, bini, bini bla rażan u mhux żgur fadal ġebla Maltija fuq din in-nitfa art tagħna u għalhekk nibnu bil-konkos u l-knaten tad-djar li nwaqqgħu nordmu bihom minflok jerġgħu jintużaw. Tassew li xi wħud jiġu rriċiklati,imma mhux kollha.

Dan huwa r-riżultat tal-antripoċentriżmu żbaljat. Dan huwa dak li konna kapaċi nagħmlu aħna l-bnedmin għax għandna d-dinja kollha f’idejna! Imma mhux kollox mitmun, le jien nista’ nagħmel ftit tad-differenza jekk nibda nibża’ għal dak li jkolli, nirriċikla, naħli inqas, nerġa’ nuża. Wara kollox id-dinja hija tiegħi għax jien parti mir-razza tal-bnedmin. Mela nista’ nirranġa ftit id-dinja tiegħi minkejja li hija ċkejkna u b’hekk inkun qed ngħin lid-dinja anzi lill-ħolqien kollu.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f' Il-Mument - 29 ta' April 2018



sabato 31 ottobre 2015

Reliġjon u reliġjożità

Hemm differenza bejniethom?

Spiss nisimgħu kliem dwar reliġjon u reliġjożità imma kultant nibdew nitħalltu ħaġa ma’ oħra, naħsbu li huma l-istess ħaġa meta fil-verità ma humiex l-istess, għalhekk tajjeb nippruvaw nifirduhom minn xulxin biex naraw id-differenza ta’ bejniethom

Il-Fidi
Ir-reliġjon, jew aħjar nużaw il-kelma Maltija, il-fidi, hija għadd ta’ twemmin u manifestazzjonijiet li fihom il-bniedem jagħraf l-eżistenza ta’ xi ħaġa sopranaturali, xi qawwa aqwa minnu. Il-fidi hija sentiment ta’ rispett u biża’ lejn id-divinità. Meta ngħidu biża’ irridu nfissru biża’ riverenzjali. Xi jkun dan il-biża’ li qed insemmu? Kelma oħra għalih hija “soggezzjoni” – il-bniedem ikollu soggezzjoni għal dak l-essere suprem li minkejja li qatt ma jkun rah, ikun iħoss ġewwa fih innifsu li jeżisti. Ir-reliġjonijiet Monoteisti, jiġifieri dawk li jemmnu f’ essere suprem wieħed, isejħulu Alla. Mela fi kliem ħafif il-fidi tfisser it-twemmin u r-rispett lejn Alla. Imma mhux kulħadd jemmen f’ Alla u b’ daqshekk ma jfissirx li dak li jkun ma’ jkunx jemmen. Il-kunċett ta’ Alla, kif nifhmuh aħna, insibuh fir-reliġjon Lhudiuja, f’dik Kristjana u fl-Iżlam. Fid-dinja hemm bosta reliġjonijiet oħrajn minbarra dawn li semmejna, fosthom reliġjonijiet kbar u mifruxin sewwa bħalma huma l-Induiżmu u l-Buddiżmu. Minkejja li l-bażi ta’ fidi ta’ dawn huma differenti minn dawk li nafu lkoll kemm  aħna, xorta huma reliġjonijietli jħossu b xi mod xi qawwa barranija.

Mela r-reliġjon hija dik il-ħaġa li tressqek lejn is-sopranaturali li kull persuna jħoss ġewwa fih li jeżisti.

Reliġjożità
Ir-reliġjożità ma hijiex il-fidi għalkemm timxi id f’ id magħha. Ir-reliġjożità hija s-sentiment ta’ dak li huwa sagru, qaddis, divin. Hija d-dehra esterna ta’ dak li hemm fuq ġewwa tal-persuna. Jista’ jkun post li jqanqal sentimenti ta’ reliġjożità. Mar-reliġjożità nistgħu ndaħħlu dawk li jissejħu Pietà Popolari. Xi jkunu dawn? Purċissjoni hija att ta’ pietà popolari, il-Via Sagra wkoll. Devozzjonijiet personali u pellegrinaġġi lejn xi santwarji jew postijiet marbutin mar-reliġjon huma atti ta’ reliġjożità.

Ir-reliġjożità hija dak kollu estern li juri b’ mod ħaj xi jkun qiegħed iħoss il-bniedem. Pietà popolari huma l-mod kif dak li jkun jesprimi il-fidi tiegħu. U hawn fejn jinqalgħu l-problemi. Jekk bniedem iċapċap quddiem statwa ma nistgħux ngħidu li dak ikun att ta’ twemmnin, mela ma huwiex reliġjon, imma dak ikun att li juri l-ferħ li jkun qiegħed iħoss ġewwa qalbu x’ ħin sab ruħu quddiem dik l-istatwa, mela dak ikun att ta’ reliġjożità.

X’ differenza hemm?
Biex naraw id-differenza bejn reliġjon u reliġjożità sejrin inġibu eżempju sempliċi. Hawn Maltin li jekk imorru Għawdex iridu jżuru l-bażilika tal-Madonna ta’ Pinu. Fih innifsu dan huwa att sabiħ, imma dan ma nistgħux insejħulu reliġjon iżda huwa att ta’ reliġjożità. Jekk immur Għawdex u ma mmurx ninvista s-santwarju Ta’ Pinu ma nkun qed nagħmel l-ebda dnub u ma nkun qed nonqos kontra l-ebda kmandamnet u ma nkun qed immur kontra l-ebda domma ta fidi għax żjara f’ dan il-post hija biss espressjoni esterna tal-imħabba li dak li jkun ikollu lejn il-Madonna li nsibu meqjuma hemmhekk.

Każi ta’ reliġjożità insibu kemm irridu, u mhux fil-fidi Kattolika biss. Il-bniedem fin-natura tiegħu irid jesprimi b’ mod viżiv dak li jkun qiegħed iħoss u għalhekk jorganizza festi u manifestazzjonijiet.

Hemm waħda bla oħra?
Ir-reliġjożità hija frott tar-reliġjon u mhux suppost li jkun hemm waħda mingħajr oħra. Fil-verità nistgħu nsibu bnedmin reliġjużi li ftit li xejn juru sinjali ta’ reliġjożità, għax il-fidi tagħhom tkun ibbażata aktar fuq is-sens ġewwieni milli fuq dak li jidher, u ġieli nsibu persuni li jagħmlu bosta atti ta’ reliġjożità imma jkunu neqsin mill-fidi. Tinstema’ ħaġa stramba, imma hekk hi.

Meta r-reliġjożità tkun mifruda mir-reliġjon din minkejja li tibqa’ tidher bħala tali, imma tkun att superfiċċjali, att bla ebda bażi. Ta’ xejn immur kull pelleġrinaġġ li jorganizza l-kappillan jekk ma nħossx ġo fija s-sentiment reliġjuż. Jekk immur pelleġrinaġġ bla ma nħoss il-fidi timbuttani biex immur, inkun mort sempliċimnet dawra, jew ġita. Jekk tiġi l-festa tar-raħal u mmur kull marċ li jsir, immur nisma’ l-prietki tat-tridu u l-paniġierku, sempliċiment għax hekk imdorri u biex ta’ kontra ma jgħidux li kien hemm il-knisja vojta, inkun qed nagħmel att ta’ reliġjożità fażul, inkun qed nagħmel teatrin, inkun qed nafferma dak jgħidu dawk li għomorhom u żmienhom jikkritikaw il-festi.

Din hija d-differenza bejn reliġjon u reliġjożità, waħda tinstab mistura f’ qalbi, fija nnifsi u l-oħra hija l-espressjoni ta’ dak li hemm fil-font ta’ qalbi. Tajjeb li qatt ma nifiruhom minn xulxin dawn iż-żewġ atti.


Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f' In-Nazzjon, 31 ta' Ottubru 2015