Il-bniedem huwa annimal li min-natura tiegħu huwa reliġjuż. Meta ngħid
reliġjuż ma rridx infisser li huwa marbut ma’ xi fidi jew tagħlim ta’ xi
twemmin partikolari imma s-sens li jħoss ġewwa fih li hemm xi qawwa akbar u
ogħla minnu li tmexxi d-dinja u tiddetermina lil ħajtu. Din ir-reliġjożità
tista’ tkun marbuta ma’ xi fidi storika jew tista’ ma tkunx. Billi l-bniedem
huwa wkoll soċjevoli, dan is-sentiment reliġjuż li jħoss ikun irid jaqsmu ma’
ħaddieħor li jkollu l-istess twemmin. Għalhekk inħolqu il-postijiet tal-kult.
Mill-qedem
Pajjiżna jista’ jiftaħar li fih jinstabu fost l-eqdem tempji tad-dinja li
fihom kienu jiltaqgħu gruppi ta’ nies biex jeżerċitaw ir-ritwali reliġjużi tagħhom.
It-tempji monumentali u preistoriċi ta’ Malta nbnew bejn 5,500 u 2,500 Qabel Kristu
u llum nafu li huma l-eqdem binjiet fl-Ewropa, saħansitra aktar antiki
mill-Piramidi tal-Eġittu u Stonehenge tal-Ingilterra. Huma magħrufin
għad-diversità tal-forma u t-tiżjin tagħhom u jikklassifikaw fost l-ewwel bini
fid-dinja. Dawn il-binjiet huma l-Ġgantija ta’ Għawdex, Ħaġar Qim, l-Imnajdra u
t-tempji ta’ Ħal Tarxien. Tempji simili għal dawn li għandna f’pajjiżna
nsibuhom mifruxin mal-Ewropa mill-Irlanda sal-peninsula Iberika u lejn ix-xatt
tax-xmara Danubju. Kollox jindika kemm l-antenati tagħna ħassew li kellhom
iduru lejn dik il-qawwa sopranaturali li tmexxihom.
Aktar qrib tagħna
F'tempju Buddista |
Jekk nibqgħu nersqu aktar qrib żminijietna naraw li l-Griegi tal-qedem
ukoll kellhom it-tempji biex fihom iqimu lill-allat tagħhom. Billi dan il-poplu
kien jaħkem bosta artijiet, kien jibni tempji kull fejn ikollu preżenza. Illum
il-fdalijiet ta’ dawn it-tempji saru l-patrimonju ta’ dik l-art li jinsabu
fiha. Mhux wisq bogħod minn pajjiżna, sewwasew fi Sqallija, f’Agrigento għadna
nistgħu naraw għadd ta’ tempji Griegi. Ir-Rumani ħadu ħafna mill-Griegi u huma
wkoll kienu jibnu tempji lill-allat tagħhom. Meta twieldet il-fidi Nisranija,
sakemm dawk li ħaddnu din il-fidi ġdida kellhom il-ħelsien li jipprattikawha,
kienu jużaw il-katakombi bħala l-post tal-kult tagħhom. Hawn ukoll pajjiżna
jista’ jiftaħar li huwa minn ta’ quddiem għax wara Ruma, Malta tħaddan l-akbar
għadd tagħhom.
Qabel l-Insara
L-Insara kienu meqjusin bħala setta li ħarġet mill-fidi Lhudija u għalhekk
għall-bidu ftit kien hemm min jagħmel distinzjoni bejn Lhudi u Kristjan.
Il-Lhud ukoll kellhom it-tempju fil-belt ta’ Ġerusalemm, imma dan twaqqa’
mir-Rumani fis-sena 70 Wara Kristu. Ta’ min jgħid li dan kien it-tielet tempju
mibni fil-post u minn meta twaqqa’ mir-Rumani ma reġa’ nbena qatt. Il-Lhud
għandhom is-sinagoga bħala l-post tal-kult tagħhom. Is-sinagoga aktarx li bdiet
tintuża matul l-eżilju Babiloniż fil-ħames seklu Qabel Kristu u wara l-qerda
tal-ewwel Tempju, id-drawwa tas-sinagoga kienet miġjuba lejn Iżrael mil-Lhud li
kienu rritornaw mill-eżilju. Għal-Lhud, it-tempju kien il-post fejn jgħammar
Alla u s-sinagoga hija biss il-post tal-kult u t-talb.
Il-knisja, post il-kult Nisrani |
L-ewwel Insara kienu jiltaqgħu fid-djar biex jiċċelebraw il-kult tagħhom.
Din il-ħaġa ma kinitx issir biss f’Iżrael, il-post fejn twieled il-Kristjaneżmu
imma kull fejn inxtered. Ruma għadna sal-lum insibu knejjes antiki ddedikati
lil xi qaddis jew qaddisa li ma nafux min hu jew min hi, bħal Santa Sabina jew
Santa Priska. Dawn ma kienu ħadd għajr is-sidien tad-djar fejn kienu jiltaqgħu
l-ewwel Insara biex jeżerċitaw il-kult. Dawn id-djar kienu jissejħu Domus Ecclesia,
dar-knisja u biż-żmien sidhom beda jissejjaħ bħala qaddis. Illum
il-Kristjaneżmu huwa maqsum fi friegħi u huwa stmat li madwar id-dinja kollha
hawn xi 37 miljun knisja.
Musulmani
Taj Mahal huwa wkoll moskea |
Hemm xi denominazzjoniet reliġjużi oħra li minkejja li huma żgħar għandhom
il-post tal-kult tagħhom ukoll bħal ngħidu aħna s-sala tas-Saltna tax-Xhieda ta’
Ġehova fost oħrajn.
Hekk rajna fuq fuq xi postijiet li l-bniedem, hu min hu, hu fejn hu, juża
biex jesprimi dak is-sentiment reliġjuż li jħoss ġewwa fih.
Fr Reno Muscat
Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 11 ta' Settembru 2021
Nessun commento:
Posta un commento