Visualizzazione post con etichetta lussu. Mostra tutti i post
Visualizzazione post con etichetta lussu. Mostra tutti i post

sabato 30 maggio 2015

Festi, festi u aktar festi

L-importanza tal-konservazzjoni tal-opri artistiċi li fihom


Bejn tmiem Mejju u l-bidu ta’ Ġunju f’ pajjiżna jibda –istaġun festiv,  nibdew niċċelebraw il-festi titulari tal-parroċċi tagħna. Nibdew naraw l-antarjoli jitwaħħlu u l-festuni tad-dawl jiddendlu. Kollox jibda juri li waslu l-festi li tant ikun hemm min ilu jaħdem għalihom.

Tul is-snin li ilni nikteb f’ dan il-ġurnal, ma għaddietx sena li ma ktibtx xi ħaġa dwar il-festi, għaliex dawn tant huma vasti li hemm ħafna x’ wieħed jgħid fuqhom. Barraminhekk dan huwa argument li jolqot lil bosta Maltin. Xhieda ta’ dan huwa artiklu tiegħi li kien jismu “Referendum dwar il-Festi” li deher f’  dan il-ġurnal (25 ta' April 2015). Meta poġġejt dan l-artiklu fuq il-blog tiegħi, in-numru ta’ persuni li daħlu jaraw il-blog f’ nofstanhar qabeż in-numru li s-soltu jidħlu f’ xahar. Dan juri l-interess li aħna l-Maltin għandna fejn jidħlu l-festi tagħna u dak kollu marbut magħhom u kien għalhekk li tħajjart nerġa’ nikteb għax naf li hemm interess qawwi fihom.

Festi titulari
Illum lanqas nimmaġinaw parroċċa tradizzjonali Maltija mingħajr festa. Il-festa Maltija llum fiha tiżwieqa ta’ fidi, arti u kultura. Fl-Arċidjoċesi ta’ Malta għandna madwar sebgħin parroċċa u fid-Djoċesi Għawdxija hemm ħmistax-il waħda. Huma waħdiet dawk il-parroċċi li ma jiċċelebrawx il-festa titulari tagħhom. Kien hemm żmien li dawn il-festi kienu jiġu ċċelebrati fil-jum tal-festa tal-qaddis, imma maż-żmien il-festi bdew isiru fis-sajf meta t-temp aktar jippermetti. Illum fadlilna żewġ festi parrokkjali li jiġu ċċelebrati fix-xitwa: San Pawl tal-Belt u l-Kunċizzjoni ta’ Bormla. Minkejja li llum il-poplu għandu fejn jiddeverti matul is-sena kollha, xorta waħda l-festa titulari għadna insibuha fuq nett fil-lista tal-festi u okkażjonijiet oħrajn li jsiru matul is-sena.

Ħela, lussu jew xiex?
Il-festa tal-patrun hija okkażjoni fejn il-Knisja ssir vetrina ta’ opri artistiċi li missirijietna minn dejjem fittxew li jsebbħu t-tempju ta’Alla bihom. Fided u dehbijiet, skultura, pittura u x’naf jien. Din il-ħaġa spiss toħloq lok għal diskussjoni dwar jekk il-Knisja għandiex tbiegħ dawn l-opri biex bil-flus tagħhom tagħmel karità. Tajjeb ngħidu li dawn l-opri bosta minnhom huma antiki u l-ebda prezz ma jista’ jitħallas għalihom għax minn banda għandhom is-snin fuqhom u mill-banda l-oħra dawk l-artisti li ħolquhom ma għadhomx magħna u lanqas jekk isiru kopji tagħhom ma jkunu qatt ta’ preġju daqs l-oriġinali. Tajjeb niftakru wkoll li l-benefatturi li ħallsu għal dawn l-opri għamlu hekk biex dawn jitpoġġew fil-knisja. Jekk jinbiegħu jispiċċaw f’ xi kollezzjoni privata fejn ikunu jistgħu jitgawdew minn ftit nies biss. Fil-knisja jkun jista’ jarahom kulħadd.  Punt ieħor hu li dawn l-opri huma wirt kollettiv tal-parroċċa u l-parruċċani u ħadd ma għandu dritt ibiegħhom jew jiddisponi minnhom għax huma ta’ kulħadd. Mela nasal biex ngħid li min jgħid li l-opri artistiċi fil-knejjes tagħna huma lussu, ikun qiegħed iwarrab minn moħħu li dak huwa patrimonju komuni.

Nibżgħu għall-patrimonju
Ladarba dan kollu huwa patrimonju wieħed għadnu jibża’ għalih. Kien proprju għalhekk li anke l-Unjoni Ewropeja ġieli toffri fondi biex isiru xi restawri fi knejjes jew xi opri li nsibu fihom. Hemm fejn ikunu l-parruċċani stess li joħorġu l-flus għal xi proġett ta’ restawr bħal dan.
Min matul dawn l-aħħar xhur mar l-Imdina u għadda minn quddiem il-ħanut tax-xogħol tal-induraturi li hemm fit-triq ewlenija li tieħdok lejn il-Katidral, seta’ jinduna li kien qiegħed isir restawr fuq statwa. Forsi min hu midħla tal-festi u l-knejjes intebaħ, għandu mnejn oħrajn baqgħu għaddejjin bla ma taw każ. F’ dan il-ħanut tax-xogħol għal dawn l-aħħar xhur kienet qegħda tiġi rrestawrata l-istatwa ta’ San Ġorġ ta’ Ħal Qormi.

Ta’ Ħal Qormi biss?
Il-Qormin isejħu lil San Ġorġ “Ġorġi tagħna” imma meta jkollok ftit tagħrif dwar din l-istatwa ta’ San Ġorġ kważi tasal tgħid li llum din l-istatwa ma hijiex patrimonju tal-Qormin imma ta’ Malta kollha. Din hija statwa li riesqa lejn it-tielet seklu  tal-eżistenza tagħha u għalhekk hija waħda mill-ewwel li saret. Aktarx hija t-tieni waħda għax l-ewwel waħda hija dik ta’ San Nikola tas-Siġġiewi. Tnaqqxet ġewwa pajjiżna stess minn artist Malti u għalhekk l-istess bħall-istatwa ta’ San Nikola hija ta’ importanza għall-istorja tal-arti u l-kultura tagħna. Mingħajr ma noffendu lil Qormin jew lis-Siġġiewin, ngħidu bla tlaqlieq li dak li huma jgħidu li huwa tagħhom, illum sar patrimonju nazzjonali. Għalhekk tajjeb li jitħares u jiġi rrestawrat.

Illum ħadt punt ċkejken dwar il-festi – l-importanza tal-konservazzjoni tal-opri artistiċi li nsibu fihom. Trattajna punt wieħed biss, l-istatwa titulari, għaliex bħala opri hemm baħar bla qies, opri li huma tiegħi u tiegħek .


Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f' In-Nazzjon 30 ta' Mejju 2015













sabato 15 marzo 2014

Randan

Kulħadd jaf xi jfisser iż-żmien li għadha kemm bdiet il-Knisja Kattolika. Ir-randan huwa dak iż-żmien ta’ qabel l-Għid li fih insumu u niċċaħdu. Kemm għadu rilevanti llum dan iż-żmien? Kemm hawn min għadu josserva dak li qabel kien jiġi osservat minn kulħadd­­?

Ibieraħ u llum
Qabel il-Konċilju s-sawn kien obbligat tul ir-randan kollu. Illum is-sawn huwa obbligat fl-Erbgħa ta’ rmied u fil-Ġimgħa l-Kbira biss. Il-Knisja tobbliga li f’dawn il-jumejn niċċaħdu mill-ikel u ma nieklux laħam. Imma nerġa’ nistaqsi: illum x’ sens tagħmel li tgħid lil xi ħadd inaqqas mill-ikel jew ma jiekox laħam meta bosta minna jagħmlu d-dieta matul is-sena u ħafna oħrajn huma veġitarjani u ma jieklux laħam is-sena kollha u mhux f’ dawn il-jumejn biss. Jew inkella ma narahiex li tagħmel sens li f’dawn il-jiem ma tiekolx laħam imma tiekol il-ħut. Bosta minna jippreferu l-ħut mil-laħam u hawn ċertu ħut iktar rikk mil-laħam. L-għan ta’ dan kollu kien li dak li jkun jiċċaħħad minn xi ħaġa tajba, imma dan kien fi żmien li l-laħam ma kienx jasal fuq il-mejda tagħna kuljum bħalma jasal illum.

Jaqbel lilna
Jekk ngħidu lill-poplu ta’ xi pajjiż fejn hemm il-ġuħ biex isum inkunu qegħdin nagħmlu l-isbaħ farsa għax dawn bilkemm għandhom x’ jieklu u r-randan għalihom huwa twil 365 jum, imma aħna li ngħixu fil-lussu u fil-fsied nistgħu nnaqsu minn dak li nikkunsmaw,  jekk mhux bi skop reliġjuż ġieli nagħmuh minħabba saħħitna.
Hemm xorta oħra ta’ sawm li tajjeb nibdew nipprattikaw ruħna fih. Tajjeb li nippruvaw innaqqsu minn xi difetti li lkoll kemm aħna għandna minnhom, bħal tpaċpiċ żejjed, piki żejda, inkejja u tant oħrajn. Bit-tnaqqis ta’ dawn id-difetti nistgħu nikbru.

Tħejjijiet
Beda wkoll iż-żmien tal-preparamenti għall-festi tal-Ġimgħa l-Kbira u l-Għid il-Kbir. Tibda tara bosta żgħażagħ jersqu lejn il-knisja għax ikunu sejrin jieħdu sehem jew fil-pageant jew fil-purċissjoni. Ħasra li xi wħud minn dawn jidhru biss f’ dan iż-żmien u donnhom jistaħbew fix-xhur l-oħra tas-sena. Tajjeb li dawk li jieħdu sehem f’dawn l-attivitajiet iżommu f’moħħom li dawn huma rappreżentazzjonijiet reliġjużi, attivitajiet sagri, marbutin mal-mewt u l-qawmien ta’ Ġesù Kristu għalhekk bl-ebda mod ma nistgħu ndaħħlu piki, għira jew ġlied fihom. Ma ninsewx li l-jiem tal-Ġimgħa l-Kbira u tal-Għid il-Kbir ma għandhom x’ jaqsmu xejn mal-ħamest ijiem ta’ qabel jibda ir-randan (mhux għax fil-karnival għandu jkun hemm piki, għira jew ġlied).

Arti
Ma nistax ma nsemmix kemm preparamenti jibdew isiru għall-bosta wirjiet li jinfetħu lejn tmiem ir-randan, wirjiet li wħud minnhom jilħqu livell artistiku tassew għoli. Dawn il-wirjiet isiru mhux biss minn għaqdiet imma wkoll minn individwi. Illum sar impossibli li ddur il-wirjiet kollha li jsiru f’pajjiżna għax in-numru tagħhom huwa kbir ħafna tant li l-ħin ma jippermettix li żżurhom ilkoll kemm huma. Tajjeb li dawn il-wirjiet isibu aktar appoġġ mill-poplu Malti.

Għadna fil-bidu ta’ dan iż-żmien u propju għalhekk ridt li nikteb dan illum għax jekk ngħid dan kollu xahar ieħor ikun kważi għadda r-randan. Dawn il-jien għandhom mnejn iservuna ta’ ġid materajli apparti milli spiritwali, tnaqqis mill-ikel jagħmel tajjeb għal saħħitna, il-kontroll tad-difetti jista’ jevitalna l-inkwiet, tħejjija kemm fil-knejjes, fit-teatri kif ukoll fis-swali tal-wirjiet jistgħu jkunu mezz li jkabbru t-talenti tagħna.

Ir-randan fih anke gwadan materjali iva!


Fr Reno Muscat OP

Dan l-artiklu deher f' In-Nazzjon 15 ta' Marzu 2014