F’ dawn l-aħħar ftit snin il-bniedem kien
milqut minn mard li sa ftit qabel konna nafuh biss bħala mard tal-annimali.
Forsi il-mad cow disease kienet marda li ġiet fuq l-annimali kif ukoll
kienet trasmessa fil-bniedem ħtija tal-bniedem stess. Ftit snin ilu konna lkoll
preokkupati bl-avjarja, influenza tat-tajr li laqtet u qatlet ukoll lil xi
wħud. Għalkemm instabet kura għal din l-influwenza għadna sal-lum kultant
nisimgħu li din il-marda neħħiet il-ħajja ta’ xi ħadd. Issa ħin bla waqt
qegħdin nisimgħu bl-influwenza l-ġdida: l-influwenza tal-majjali. U allura bla ma trid tibda taħseb u tgħid kemm hu
differenti l-bniedem mill-annimal.
Charles Darwin |
F’nofs is-seklu dsatax,
Charles Darwin ħareġ bit-teorija tal-evoluzzjoni – il-bniedem huwa annimal evolut.
Fi ftit kliem Darwin ried jgħid li l-bnidem ġej mix-xadini. Jien għandi d-dubji
tiegħi dwar din it-teorija għax personalment naħseb li ħadd ma jista’
jiżviluppa dak li qatt ma kellu. U l-bniedem huwa differenti minn kwalunkwe
annimal ieħor għax għandu l-kapaċità li jirraġuna, li jaħseb. Ix-xandin ma
jirraġunax. Ix-xadin għandu l-istint imma ma għandux intelliġenza. Niżbaljaw
meta naraw xi animal jagħmel xi ħaġa straordinaja u ngħidu li huwa ntelliġenti.
Dak li ma għandux intelliġenza ma jistax ikun intelliġenti. Intant it-teorija
ta’ Darwin, naqbel magħha jew le tibqa’ teorija.
Imma meta tibda taħseb u
tara dan il-kwalità ta’ mard li qed jolqot lill-bniedem dawn l-aħħar snin tibda
tgħid li tassew il-bniedem ma huwa xejn għajr annimal. It-terminu annimal ma
għandux jinftiehem f’ sens ta’ disprezz. Jekk tgħid li bniedem huwa annimal
minħabba l-mod ta’ kif iġib ruħu tkun qiegħed tiddisprezzah, imma meta tgħid li
l-bniedem huwa annimal li jaħseb u li jirraġuna tkun qed tiddefinixxi l-enti
tal-bniedem. Filosofi bħal Platun irraġunaw b’ dan il-mod. Imma jekk il-bniedem
huwa annimal x’ jagħmlu differnti mill-baqra, mit-tiġieġa, mill-majjal jew
mix-xadin? L-intelliġenza, il-kapaċità li jaħseb u jirraġuna hija l-unika
differenza bejna u bejn l-annimali li nsibu fl-irziezet.
U din id-differenza
teżisiti għax il-bniedem huwa maħluq xbieha ta’ Alla. Il-bniedem ma huwiex biss
ġisem, qafas ta’ għadam, laħam u demm imma fih ukoll l-ispirtu, għandu r-ruħ li
tagħmlu jixbaħ lil Alla u tipprovdilu r-raġuni. Per eżempju l-annimali kollha
jibżgħu min-nar. Il-bniedem bħala annimal jitwerwer min-nar ukoll. Imma għax
jirraġuna u għax għandu l-intelliġenza in-nar sar iservi lill-bniedem biex
isaħħnu fil-kesħa, jdawwallu l-iljieli u jsajjarlu l-ikel. L-ebda annimal ieħor
ma wasal biex jagħmel dak li għamel il-bniedem.
Nerġa’ lura għall-mard li
bdejt bih. Huwa veru li każi bħal dawn li semmejt iġibuna wiċċ’imb wiċċ
mar-realtà. Ħaġa ħafifa tgħid li llum ma hemmx differenza bejn l-annimal u
l-bniedem imma jekk wieħed jaħseb (u jaħseb għax huwa bniedem) jinduna li għalkemm
annimal għandu kapaċitajiet li l-ebda annimal ieħor ma għandu. Eżempju fil-każ
ta’ dan il-mard, il-bniedem kapaċi jfittex rimedju – ħaġa li ebda annimal ieħor
ma jista’ jagħmilha. U dan kollu grazzi għar-ruħ li tinsab f’ kull bniedem.
Ix-xbieha ta’ Alla fina.
© Reno Muscat O.P.
Nessun commento:
Posta un commento