Min ma jkunx
qiegħed jistenna s-sajf biex jieħu ftit tal-mistrieħ? Tassew li s-sajf Malti
jista’ jkun qalil u s-sħana tħallik bla nifs, imma l-ħsieb biss ta’ ftit jiem
ta’ mistrieħ donnu jnessilek kull inkonvenjent li jġib miegħu s-sajf. Naf li hemm
ħaddiema li ma jistgħux jieħdu l-mistrieħ tagħhom fis-sajf, bħal ħaddiema ta’
stabbilimenti tal-ikel, lukandi, sptarijiet u servizzi utli oħra li ma jafux b’
sajf jew xitwa.
Intrikibt
mix-xogħol li kont qiegħed nagħmel u nsejt il-baħar. F’ xahar sħih ma mortx
aktar minn tliet sigħat. Warrabt ukoll il-ħsieb li nissellef il-kotba
mil-librerija u kull ma rsaqt lejn il-librerija kien sabiex insellem lil-librar
ħabib tiegħi, imma l-ebda ktieb ma ħrigt miegħi minnn hemm. Intrebaħt minn dak li kelli nagħmel. Imma b’
daqshekk ma jfissirx li ma straħtx, il-mistrieħ ma jfissirx li titgħażżen. Ħdimt
u fl-istess waqt straħt u ma ddejjaqtx. Kien hemm biss żewġ ħwejjeġ li dejquni
dan ix-xahar.
L-ewwel ħaġa li tatni fastidu hija d-deċiżżjoni li ttieħdet is-sena l-oħra
dwar il-kitba tal-Malti. Tneħħa l-aċċent ċirkonfless, fost ħwejjeġ oħra. Issa
l-kelma battal trid tittieħed mis-sens jekk hijiex verb jew aġġettiv. L-istess
xandar ma tafx jekk hijiex verb imperattiv jew il-persuna li twassal l-aħbar.
Bħal tajjar, ma tafx jekk huwiex l-att tat-tifel li kellu t-tajra jew inkella
huwiex il-frott tal-pjanta tal-qoton. Hemm ħwejjeġ oħra, imma ħalli nieqaf
hawn!
Il-ħaġa l-oħra li tatni fastidju hija t-traffic lights tax-Xewkija.
Donnhom li bil-magħmul kull meta nersaq lejhom jixgħelu l-aħmar. Għamilt wegħda
mal-Madonna ta’ Pinu li kull darba li ngħaddi minn hemm u nsib id-dawl mixgħul aħdar
u nibqa’ għaddej, nibqa’ sejjer is-santwarju lilha ddedikat u nixgħelilha
xama’. Nistqarr li f’ xahar sħiħ ma nafx kemm-il darba għaddejt minn fuq dawn
it-traffic lights, imma li naf huwa li l-ebda xama’ ma xegħelt
lill-Madonna!
Xahar għadda, minkejja dak kollu li ħlomt li nagħmel ma għamiltux xorta
waħda inħoss li ħadt il-mistrieħ tiegħi. Għax tassew li tistrieħ ma jfissirx
titgħażżen, tintelaq, tħalli d-dinja ta’ taħt fuq. Il-mistrieħ ifisser il-bidla
fir-rutina tal-ħajja. Anke jekk waqt il-vakanzi taħdem aktar, nemmen li xorta
ssib il-mistrieħ
Reno Muscat O.P.
Nessun commento:
Posta un commento