“L-isem tal-Papa
Piju V iqanqal bosta drabi, fost storiċi u ħassieba, sentimenti li huma
kuntrarji għal xulxin. Hemm uħud li
jaraw fih mexxej qawwi u determinat, bniedem providenzjali li kienet teħtieġ
il-Knisja fi żminijiet tant imqallba. Oħrajn,
iżda, jaraw fih inkwiżitur u Papa fanatiku u feroċi li kull fejn iħares ma
kienx jara ħlief ereżiji, bniedem għatxan għad-demm ta’ dawk kollha li ma jħaddnux
il-fidi kattolika.” Hekk iddeskrivih Patri Joe Ellul O.P. lil dan il-qaddis li ismu huwa marbut
mar-rużarju, waqt Akkademja Mużiko-letterarja li saret biex tfakkar il-500 sena
mit-twelid ta’ dan il-Papa, fid-19 ta’ Mejju, 2004.
Tajjeb inkunu
nafu xi ħaġa dwar dan il-Papa li tant huwa marbut mat-talba tar-Rużarju. Antonio
Ghislieri twieled f’Bosco ħdejn Alessandria fl-Italja fis-17 ta’ Jannar, 1504. Ta’
14-il sena daħal fl-Ordni tal-Predikaturi, id-Dumnikani u ngħata l-isem ta’
Mikiel. Wara li ordna sacerdot fl-1528,
kompla l-istudji tiegħu u beda jgħallem it-teologija. Kien magħruf għal tjubitu u għal kemm kien aħrax
mieghu nnifsu. Sar kummissarju ġenerali
tal-Inkwizizzjoni Rumana fl-1551, wara l-Papa Pawlu IV fl-1556 ħatru isqof ta’
Nepi u Sutri u fl-1557 sar kardinal. Fl-1560 ingħata d-djocesi ta’ Mondovi
fil-Piemonte.
Fid-9 ta’
Diċembru, 1565, is-sena tal-Assedju l-kbir ta’ Malta, miet il-Papa Piju IV. Fis-7
ta’ Jannar, 1566, it-52 kardinal miġbura
fil-konklavi, għażlu lil Ghislieri bħala Papa. Ħa l-isem ta’ Piju V. Bil-għajnuna tan-neputi tiegħu, San Karlu
Borromeo ħadem kemm felaħ għas-salvazjoni tal-erwieħ u għat-tiġdid fil-ħajja
tal-Knisja. Huwa ħadha kontra l-eretiċi
ta’ żmienu u ħabrek ħafna biex jiddefendi u jxerred it-tagħlim tan-Nazzarenu. Huwa attwa d-digrieti tal-Konċilju ta’ Trento.
Organizza l-Kurja Rumana. Promulga l-katekiżmu tal-Knisja u billi ra li
t-tagħlim fost is-saċerdoti ma kienx wisq għoli ordna li ġewwa s-seminarji,
tibda tiġi studjata s-Somma Teologica ta’ San Tumas ta’ Aquino. Fl-1567 huwa
ddikjara lil Tumas ta’ Akwinu bħala Duttur tal-Knisja u sejjaħlu bħala l-Qaddis
Angeliku. Organizza il-liturġija tal-Knisja skont kif talab il-konċilju ta’
Trento u fl-1568 intoduċa l-użu tal-Brevjar uniku fil-Knisja kollha. Sentejn
wara ħareġ il-Missal Ruman.
Il-bust fil-Belt Valletta |
Kellu rabta
mill-qrib mal-ġżejjer Maltin. Huwa kien bagħat lill-Arkitett Francesco
Lapparelli ġewwa Malta sabiex jgħin fit-tfassil tal-bini tal-Belt Valletta.
Huwa kien ukoll jgħin finanzjarjament il-bini tal-Belt Kapitali tagħna. Bħala
rikonoxximent ix-xbieha tiegħu kienet tidher fuq il-bieb prinċipali tal-Belt
Valletta. Dan il-bust kien tneħħa meta fis-snin sittin inbidel bieb il-Belt.
Illum dan il-bust jinsab fil-pjazza ta’ quddiem il-Qorti. Il-Papa San Piju V huwa wkoll l-fundatur
tal-Parroċċa ta’ Sidtna Marija tal-Portu Salvu u San Duminku fil- belt Valletta. Bust ieħor tiegħu jidher fil-faċċata ta’ din
il-Bażilika. Fil-fatt kien hu li b’motu proprio tat-2 ta’ Lulju 1571, għolla
l-knisja msemmija ghad-dinjità ta’ parroċċa tal-belt il-ġdida. Sa dak iż-żmien
l-għolja Xiberras kienet tagħmel parti mill-parroċċa ta’ San Ġorġ ta’ Ħal
Qormi. Filfatt insibu li l-Kappillan ta’ din il-parroċċa ġie maqtul fil-forti
Sant Iermu, mit-Torok, waqt li kien qiegħed jassisti lis-suldati u
lill-kavallieri waqt l-Assedju l-Kbir. Kien dmir tiegħu għax Sant Iermu kien
għadu jagħmel mat-teritorju tal-parroċċa tiegħu. Bit-twaqqif ta’ din
il-parroċċa Beltija, il-parroċċa Qormija saret ukoll matriċi.
Il-Papa Piju V
huwa wkoll marbut mal-festa tal-Madonna tar-Rużarju. Din ir-rabta twieledet
fl-1571. It-torok minkejja t-telfa li ġarrbu sitt snin qabel fl-Assedju ta’
Malta, xoerta ma qatgħux qalbhom li jakkwistax artijiet Insara. F’ din is-sena
il-Misilmin attakkaw Lepanto, fil-Greċja, Il-Papa ħeġġeġ lill-Insara biex
jitolbu għal ġellieda Nsara. It-talba speċjali kienet ir-Rużarju. Ir-rebħa
seħħet nhar is-7 ta’ Ottubru u sena wara dan il-jum kien iddikjarat bħala
l-festa tal-Madonna tal-Vittorja, imma aktar ’il quddiem bdiet tissejjaħ
il-Madonna tar-Rużarju. Sal-lum għadna niċċelebraw din il-festa f’ dan il-jum.
Bħala Papa kien
mexxej spirtwali imma wkoll mexxej tal-istati Pontifioċji. Dan il-Papa huwa
magħruf għall-bini ta’ Borgo Pio, Borgo Angelico u Borgo Vittorio, ġewwa Ruma,
tliet toroq li sal-Patti Lateranensi li saru bejn il-Knisja Kattolika u l-Gvern
Faxxista Taljan ta’ Mussolini fl-1929, kienu jagħmlu parti mit-teritorju
tal-Vatikan. Illum minkejja li jagħmlu parti mit-territorju tar-Repubblika
Taljana, għadhom bl-istess ismijiet u bosta mill-bini fihom imur lura għas-snin
tas-seklu XVI.
Hemm xniegħa li
tgħid li dan il-Papa kien xi ftit sever. Araw x’ qal P. Joe Ellul : “Meta ħarġet
l-aħbar li l-kardinal Alessandrino Ghislieri ġie elett Papa u li ħa l-isem ta’
Piju V bosta kienu dawk li ħadu qatgħa. Mhux
biss in-nies ta’ Ruma li kienu jafu li sa jneħħi l-immoralità bla rażan
fil-belt eterna, imma wkoll xi kardinali u isqfijiet li sabu Papa li issa ma
kienx lest iħalli l-affarijiet għaddejjin.
Ħadu wkoll qatgħa bosta mexxejja ta’ Stati, fosthom dawk ta’ Venezja,
ta’ Franza u tas-Sagru Imperu Ruman, li fih kienu jaraw bniedem li mhux lest
jittollera politika li tbiegħ il-prinċipji tagħha għall-interessi ekonomiċi u
kummercċali. Kien bniedem bla kwiet u ma
kienx lest li jħalli lil ħaddiehor bi kwietu”.
Minn dan il-ftit li rajna nistgħu nifhmu kemm kien Papa rett.
It-tradizzjoni tgħid li dan il-Papa kellu d-drawwa li qabel jorqod ibus riġlejn
il-kurċifiss li kellu fil-kamra tas-sodda tiegħu. Meta kien qiegħed jirfes
il-kallijiet ta’ xi wħud jingħad li dawn poġġew il-velenu fuq il-kurċifiss.
Meta l-Papa mar biex ibus riġlejn il-kurċifiss, dan warrab saqajh sabiex
xufftejn il-Papa ma jmissux mal-velenu. Huwa għalhekk li bosta xbiehat iġibu
lil dan il-Papa bil-kurċifiss f’idejh.
Il-qabar ta' S. Piju V |
Huwa miet f Ruma
fl-1 ta’ Mejju, 1572. Il-Papa Klement X fl-1 ta’ Mejju 1672, ibbeatifikah, u
l-Papa Klement XI fit-22 ta’ Mejju 1712, ikkanoniżżah. Il-fdalijiet tiegħu
jinsabu għall-qima tal-fidili fil-bażilika ta’ Santa Maria Maggiore, Ruma. Il-Provinċja
Dumnikana Maltija, meta fl-1838 inqatgħet minn mal-provinċja Dumnikana ta’
Sqallija u saret provinċja awtonoma għażlitu bħala Patrun tagħha u sal-lum
għadha magħrufa bħala l-Provinċja San Piju Ħamsa.
© Fr. Reno Muscat
OP.
Nessun commento:
Posta un commento