lunedì 3 dicembre 2012

L-10 ta' Frar ġewwa Ruma


prospero Grech3.JPGL-10 ta’ Frar għalina l-Maltin huwa jum speċjali u nkunu fejn inkunu ma jistax jonqos li ma niftakrux kemm hu għażiz għalina dan il-jum. Nhar il-Ġimgħa li għaddiet, il-Komunità Maltija f’Ruma ċċelebrat il-festa tan-Nawfragju ta’ San Pawl f’Malta. Il-qofol taċ-ċelebrazzjoni kienet Quddiesa Solenni li kienet iċċelebrata mill-Isqof Prospero Grech u minn 22 saċerdot Maltin jew Ghawdxi li bħalissa jinsabu jistudjaw jew jaħdmu ġewwa Ruma. Din il-quddiesa saret fil-Bażilika ta’ San Lorenzo in Damaso. F’komunikat maħruġ lill-Maltin li jinsabu ġewwa Ruma, Monsinjur Charles Scicluna qal li L-Eċċellenza Tiegħu Rev.ma Mons Prospero Grech OSA ġentilment aċċetta li jippresiedi il-Quddiesa, ftit jiem wara li ser ikun ikkonsagrat Isqof u gimgħa qabel jinħatar Kardinal mill-Q.T. il-Papa Benedittu XVI. Flimkien mal-Arċisqof Grech u s-saċerdoti Maltin, ikkonċelebra wkoll Don Carlo Purgatorio, kappillan tal-bażilika San Lorenzo in Damaso.


prospero Grech5.JPGFil-Bidu tal-quddiesa, Don Purgatorio qal illi ġuranta qabel kien għadu kif wasal minn Malta mal-pellegrinaġġ tas-saċerdoti ta’ Ruma. Dan il-pellegrinaġġ tmexxa mill-kardinal Agostino Vallini, vigarju tad-djoċesi ta’ Ruma. Don Carlo qal kemm kellhom laqgħa sabiħa ġewwa Malta. It-temp f’ Ruma nhar l-10 ta’ Frar xejn ma Kien sabiħ u minn ħin għall-ieħor kien misteni s-silġ. L-Arċisqof Grech beda l-omelija tiegħu billi semma li t-temp f’Ruma xejn ma kien sabiħ imma fakkar ukoll li mill-maltemp jista joħroġ il-ġid ukoll. Kien propju b’ maltempata li Pawlu wasal Malta sostna l-Arċisqof Prospero Grech. Għal din il-quddiesa attendaw għadd ta’ Maltin li jgħixu jew jistudjaw Ruma, fosthom l-istaff tal-Ambaxxata Maltija ġewwa Ruma. Fi tmiem il-quddiesa Mons. Alfred Xuereb, wieħed mis-segretarji personali tal-Qdusija Tiegħu l-Papa Benedittu XVI wassal messaġġ tal-Qdusija Tiegħu, lill-membri tal-Ambaxxata ta’ Malta f’Ruma u lill-Komunità Maltija fl-Italja. Mal-messaġġ il-Papa bagħat il-barka appostolika tiegħu lil Maltin kollha speċjalment lil dawk li qegħdin Ruma. Huwa qal illi bla ebda dubju l-għada l-Papa kien sejjer jistaqsih kif marret din il-quddiesa.


prospero Grech.JPGWaqt riċeviment li ngħata wara l-quddiesa ġewwa s-sala parrokkjali tal-parroċċa San Lorenzo in Damaso, dawk preżenti kienu ndirizzati minn Charles Inguanez, Ambaxxatur ta’ Malta għall-Italja. Fid-diskors tiegħu l-Ambaxxatur Inguanez feraħ lill-Arċisqof Grech f’ isem il-Maltin li jgħixu l-Italja. Huwa qal illi bħala Malti ma jistax ma jgħidx kemmiħossu kburi bin-Nomini ta’ Monsinjur Prospero Grech bħala t-tieni Kardianl Malti f’ elfejn sena ta’ storja ta’ Kristjaneżmu. Din l-attività issir kull nhar l-10 ta’ Frar u tkun organizzata minn Monsinjur Charles Scicluna u mill-Ambaxxata Maltija f’ Ruma. Bdiet fis-snin 70 u llum saret appuntament regolari għall-Maltin u l-Għawdxin li jkunu Ruma nhar l-10 ta’ Frar. Din hija l-ewwel darba li din il-festa keinet qegħda tkun organizzata taħt l-Ambaxxatur Inguanez. Fil-fatt is-Sur Charles Inguanez inħatar Ambaxxatur ta’ Malta għall-Italja fl-1 ta’ Lulju tas-sena l-oħra.
© Fr Reno Muscat OP

Nessun commento:

Posta un commento