Visualizzazione post con etichetta Ċina. Mostra tutti i post
Visualizzazione post con etichetta Ċina. Mostra tutti i post

venerdì 21 agosto 2026

Id-dulliegħ

Bla dubju ta’ xejn fost il-frott kollu tas-sajf, id-dulliegħ huwa wieħed mill-aktar popolari għax bla dubju minbarra t-togħma tajba tiegħu, fih ħafna meraq u felli dulliegħa kiesaħ jaqta’ l-għatx żgur fil-jiem sħan tas-sajf. Id-dulliegħa hija pjanta annwali b’weraq kbar u frott kbir, tond jew ovali. Il-pjanta hija rikonoxxibbli mill-weraq distintivi tagħha u l-għadd kbir ta' frott li tipproduċi, saħansitra kultant sa mitt waħda kull pjanta. Il-frott huwa disponibbli esklussivament fil-perjodu tas-sajf, bejn wieħed u ieħor minn Mejju sa Settembru.

Oriġini

Aktarx li l-ewwel kultivazzjoni tad-dulliegħ saret fl-Eġittu tal-qedem. Hemm leġġenda li tgħid li kien f'dan il-post stess li d-dulliegħa oriġinat miż-żerriegħa ta’ Set, l-alla Eġizzjan tal-qedem tad-deżert, maltempati, kaos, vjolenza u l-barranin. Spiss kien ikun impitter b’ġisem ta’ bniedem iżda b'ras misterjuża ta' annimal. Dan l-alla kien magħruf għall-qtil ta' ħuh Osiris. Għalhekk, l-Eġizzjani kienu jpoġġu għadd ta’ dulliegħ fl-oqbra tal-Fargħuni, bħala mezz ta' sostenn għall-ħajja ta' wara. 

It-tabib Skoċċiż, missjunarju u l-esploratur famuż tal-Afrika David Livingstone, li għex bejn l-1813 u l-1873, kien qal li l-pjanta tad-dulliegħ tikber b'mod abbundanti fid-Deżert ta’ Kalahari, minn fejn jidher li oriġinat. Hemmhekk, il-frott jikber selvaġġ u huwa magħruf bħala tsamma. Id-Deżert ta’ Kalahari jestendi fuq żona ta’ aktar minn disa’ mitt elf kilometru kwadru u huwa mifrux fi tliet nazzjonijiet, Il-Botswana, in-Namibja u l-Afrika ta’ Isfel. Dan id-deżert huwa xott ħafna u għal din ir-raġuni l-frotta tad-dulliegħ hija sors regolari ta' ilma għall-abitanti taż-żona, kif ukoll isservi bħala ikel kemm għall-bnedmin kif ukoll għall-annimali.

Fis-seklu 10 AD , id-dulliegħ beda jkun ikkultivat fiċ-Ċina, biex illum dan il-pajjiż sar l-akbar produttur fid-dinja ta’ din il-frotta bnina. Huwa kkalkulat li f’dan il-pajjiż ikunu prodotti 63,960,353 tunellata ta’ dulliegħ kull sena. Fl-Ewropa, il-pjanta ta’ din il-frotta ġiet introdotta mill-Għarab fis-seklu tnax.

Forma, lewn u varjetà

Bħalma għidt, u ovvjament tafu, id-dulliegħ ikun tond jew ovali, biss xi snin ilu fil-Ġappun bdew jibdlu l-forma ta’ din il-frotta. Dan isir billi meta titfaċċa l-frotta fix-xitla, din jitpoġġielha kontenitur kwadru madwarha biex meta tikber tieħu l-forma tiegħu. Dulliegħa kwadra tkun aktar faċli biex tinġarr u jinħela anqas spazju fil-ġarr.

Fejn jidħol il-lewn tad-dulliegħ aħna ngħidu li hija ħadra minn barra u ħamra minn ġewwa, iżda ġieli naraw dulliegħ li jkun isfar minflok aħmar. Il-dulliegħ isfar huma naturali. Fil-fatt din hija varjetà antika li kienet teżisti qabel id-dulliegħ aħmar komuni, u tmur lura għal aktar minn 5,000 sena. Il-kulur safrani mhuwiex riżultat ta' modifika ġenetika imma sempliċement iseħħ għax ma jkunx fiha il-lycopene, l-antiossidant li jagħti lid-dulliegħa l-ħamra l-kulur distintiv tagħha. Spiss id-dulliegħ isfar ikun aktar ħelu minn dak aħmar.

Il-varjetajiet tad-dulliegħ jaqgħu primarjament f'erba' kategoriji ewlenin: dawk biż-żerriegħa, dulliegħ mingħajr żerriegħa, dulliegħ minjatura, u frotta bil-qalba safra jew tagħti fl-oranġjo. Il-bdiewa Maltin normalment ikabbru l-varjetà tradizzjonali jiġifieri dulliegħ biż-żerriegħa b'żrieragħ peress li din il-varjetà  għandha togħma aqwa minn varjetajiet oħra.

 Festival

Id-dulliegħa daħlet ukoll fl-arti u hawn artisti li joħolqu skultura minnha. Fl-2006, beda jsir il-Festival imsejjaħ Melounovy fil-belt ta’ Praga fir-Repubblika Ċeka. Dan il-festival iġib flimkien xi wħud mill-aqwa artisti tad-dulliegħ minn madwar id-dinja ta’ kull sena. Din l-arti qegħda kulma jmur issir aktar popolari u anke f’pajjiżna ġieli naraw xi skultura fid-dulliegħa. L-isfortuna hija li din hemm żmien limitat kemm tkun tista’ titgawda għax il-frotta tispiċċa.

Benefiċji

Id-dulliegħa hija frotta idratanti ħafna u b'kaloriji baxxi, mimlija antiossidanti, il-vitamini A u Ċ, u l-aċidu amminiku li jgħin ħafna lis-saħħa tal-qalb billi fost oħrajn ibaxxi l-pressjoni, inaqqas l-infjammazzjoni, u jgħin fl-irkupru mill-eżerċizzju u l-vitalità tal-ġilda. Id-dulliegħa fiha 92% tagħha ilma u għalhekk kull felli (medju mhux kbir ħafna) fih madwar 45 kalorija. Għalhekk dan il-frott huwa tajjeb ħafna għal min irid jagħmel dieta biex inaqqas mill-piż. Mill-banda l-oħra, id-dulliegħa fiha ammont sostanzjai ta’ zokkor naturali allura wieħed irid joqgħod attent l-aktar jekk ikun diabetiku. Imma ammonti moderati ma jagħmlu ħsara lil ħadd.

Ħaġa moħġaġa

Id-dulliegħa daħlet ukoll fil-folk Malti u missirijeitna kienu jgħidu ħaġa moħġaġa hekk: "Ħamra nar, nar mhijiex, ħadra ħaxix, ħaxix mhijiex, tnixxi l-ilma, għajn mhijiex". Kien hemm min iżid ukoll: “Tonda bħad-dinja, dinja mhijiex”. Ikollna nammettu li din il-ħaġa moħġaġa llum tilfet ftit mis-sens tagħha għax mal-ħmura nsibu l-isfar u l-forma tad-dinja tibqa’ tonda imma d-dulliegħa minbarra ovali nistgħu nsibuha kwadra wkoll.

Hi x’inhi, din il-frotta hija waħda mill-itjeb li nistgħu nduqu matul is-sajf, sew fuq il-mejda tal-ikel id-dar kif ukoll fejn il-baħar. U xi ngħidu għal felli dulliegħa friska wara xi barbeque?

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 22 ta' Awwissu 2026




sabato 7 agosto 2021

Komunikazzjoni

 

Il-bniedem huwa annimal ikkomplikat, annimal li jaħseb, annimal li jħobb, annimal li għandu l-fakultà tar-raġuni u huwa annimal li jikkomunika. Kull annimal għandu xi mod li bih jikkomunika biex inkunu qed ngħidu d-dritt, imma l-ebda annimal għajr il-bniedem ma huwa kapaċi jikkomunika bħalma jagħmel il-bniedem. Komunikazzjoni ma hija xejn għajr li dak li jkun jitfa’ f’post komuni dak li jkollu f’moħħu.

Ilbieraħ

Sa mill-ħolqien tiegħu l-bniedem beda jfittex u joħloq sistemi ta’ komunikazzjoni. Beda juża d-duħħan biex iwassal messaġġ lil xi ħadd il bogħod. Aktarx li dan kien ikun messaġġ li jkun riesaq xi periklu. Fiċ-Ċina, minn fuq il-Ħajt il-Kbir li nsibu f’dak il-pajjiż, kienu jintbagħtu messaġġ bid-duħħan minn torri għal ieħor li hemm ma’ dan l-hekk imsejjaħ ħajt. Il-messaġġi mibgħutin kienu jfissru li jkun hemm l-għadu qrib u li jkun ser jinvadihom. Ma hemmx għalfejn immorru daqstant bogħod, f’pajjiżna stess it-torrijiet tal-għassa li nsibu mxerrdin matul il-kosta kienu jużaw mod simili meta kienu jilmħu l-għadu ġej lejn artna minn fuq il-baħar. Minflok duħħan kienu jqabbdu ħuġġieġa imma l-messaġġ kien jasal xorta.

Min żar il-belt ta’ Krakovja fil-Polonja, jaf li fil-pjazza ċentrali, sewwasew minn fuq il-kampnar tal-knisja ta’ Santa Marija, kull siegħa tindaqq biċċa fanfarra bi trumbetta. Din tfakkar il-fatt meta għassies ra l-għadu riesaq u beda jdoqq biex javża lin-nies. L-għassies intlaqat f’għonqu minn vleġġa sparata min-naħa tal-għadu u għalhekk il-fanfarra waqfet ħesrem. Dan huwa mod ieħor ta’ kif kienet issir il-komunikazzjoni. Ladarba qed insemmu strumenti mużikali fil-komunikazzjoni tajjeb insemmu li f’xi postijiet fl-Afrika għadhom jintużaw it-tnabar biex iwasslu il-messaġġi.

Mużika

Il-mużika wkoll twassal messaġġ. Hemm mużika li tferraħ u hemm ukoll mużika li twassal messaġġ ta’ niket. Niftakru ftit fil-marċi li tant huma popolari f’pajjiżna. Hemm dawk li d-dilettanti jsejħu: marċi volanti, marċi ferrieħa li nisimgħuhom fil-festi tagħna, ovvajment mhux waqt il-pandemija, u li fihom id-dilettanti jkantaw, jaqbżu u jiżfnu. Hemm imbagħad il-marċi funerbi li jindaqqu f’okkażjonijiet li fihom ma jsirx qbiż u żfin bħal ngħidu aħna fil-Ġimgħa l-Kbira u f’xi funeral. La qed insemmi dawn id-drawwiet popolari ta’ pajjiżna inkunu nonqsu jekk ma nsemmux il-Valzi li xi rħula tagħna jsemmgħulna nhar Ħadd il-Għid. Kull tip ta’ mużika fiha messaġġ, kull mużika tista’ tkun parti minn komunikazzjoni.

Skiet

Kultant anke s-skiet jista’ jikkomunika xi ħaġa. Persuna quddiem pulizija li jkun qed jinterrogaha tista’ tagħżel is-skiet bħala risposta. Persuna li tkun ġiet offiża tista’ tagħżel is-skiet bħala arma – sewwasew kif jgħid il-Malti: is-skiet risposta. Iva s-skiet jista’ jkun ukoll komunikazzjoni. Nieħdu eżempju banali imma reali. Raġel jasal lura mix-xogħol, jiftaħ il-bieb ta’ barra u  kif jagħmel ta’ kuljum isejjaħ lil martu: “Wasalt jien ħanini.” Is-soltu kien ikun hemm it-tweġiba: “Hawn qegħda qalbi!”, imma llum xejn, skiet taqtgħu b’sikkina. Ir-raġel jidħol ħdejn martu u jsejħilha b’isimha u hi tibqa’ muta....... ma tridx wisq biex tinduna li hemm xi ħaġa ħażina. Is-skiet tagħha wassal messaġġ li dakinhar mhux kollox sew bħas-soltu.

Tekonolġija

Illum ma għadniex nużaw id-duħħan jew il-ħġejjeġ biex inwasslu dak li rridu nwasslu. Anke l-istrumenti naqsu fejn tidħol komunikazzjoni imma mhux għax ma għadniex nikkomunikaw iżda għax sirna nikkomunikaw b’modi oħra. Il-komunikazzjoni mingħajr fil taf il-bidu tagħha lir-radju. X’passi ta’ ġgant saru f’dan il-qasam, mhux biss fejn jidħol ir-radju imma f’kull qasam tat-tekonoloġija. Il-komunikazzjoni gawdiet bil-kbir minn dawn l-avvanzi. Bil-wasla tat-televiżjoni kien hemm min beża’ li r-radju kien ser imut mewta naturali. Tiftakruha d-diska tal-grupp The Buggles bl-isem “Video killed the Radio star”?  Minkejja li din id-diska ħarġet fl-1979, titratta s-sena 1952 meta t-televiżjoni kien għadu qed jevolvi. Illum nafu li din kienet biża’ fiergħa għax ir-radju għadu popolari sal-lum. Għax waqt li tkun qed issuq, waqt li tkun qed tagħmel xi ħaġa fid-dar, tista’ tibqa’ tisma’ r-radju imma mhux possibbli tara t-televiżjoni.

Imbagħad l-akbar qabża fejn tidħol komunikazzjoni u teknoloġija saret mal-wasla tal-internet. L-idea ta’ netwerk tal-kompjuters li tippermetti sidien ta’ kompjuters differenti jikkomunikaw ma’ xulxin żviluppat f’diversi stadji. Il-qofol ta’ dawn l-iżviluppi kollha wasslet għan-netwerk ta’ netwerks, dak li llum nafuh bħala l-Internet. Illum kważi kulħadd juża l-internet u għal bosta minna sar għodda indispensabbli li rriduha magħna l-ħin kollu u għalhekk inġorruha fil-but. X’inhu smart phone jekk mhux komputer? Tassew suppost huwa telefon, imma aktarx li l-anqas li nużawh huwa biex inċemplu. Aħna li qbiżna n-nofs seklu kellna nidħlu f’din id-dinja ta’ komunikazzjoni teknoloġika, imma dawk li għandhom nofs l-età tagħna twieldu f’dan l-ambjent, twieldu f’dinja teknoloġika.

Dan kollu huwa dovut għall-fatt li l-bniedem huwa l-aktar annimal li jikkomunika, anzi ma jistax ma jikkomunikax u għalhekk dejjem ra kif itejjeb il-mezzi ta’ komunikazzjoni – mis-sinjal bid-duħħan għat-telefon ċellulari!

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 7 ta' Awwissu 2021




venerdì 16 ottobre 2020

Tal-posta

 

Persuna li tagħtina servizz u forsi qatt ma niltaqgħu wiċċ imb wiċċ magħha hija dik li ġġibilna l-posta fid-dar tagħna. Ikollna nammettu li llum dan is-servizz naqas ħafna għax il-posta elettronika ħadet ħafna minn dak li kien jagħmel il-pustier sa ftit tas-snin ilu. Biss lanqas nistgħu ngħidu li xogħol il-pustier jew pustiera ma għadux importanti għax irridu niftakru li minkejja li ittra sirna nibghatuha b’mod elettroniku, kartolina bl-awguri nibgħatuha bl-internet u l-kontijiet nirċevuhom b’e-mail, ħafna mix-xiri tagħna qed isir mill-internet ukoll u jkunu l-pustiera li jwasslulna dak li nkunu xtrajna. Għalhekk nistgħu ngħidu li jekk xogħol il-persuna li tqassam l-ittri naqas minn naħa, żdied minn naħa oħra.

Kif bdiet il-posta


Cursus Publicus

Is-sistema ta’ tqassim ta’ xi ittra jew dokument minn post għal ieħor ma huwiex xi ħaġa ta’ żminijietna. Nafu li biex pajjiż jew imperu jew saltna jitmexxew sewwa jridu sistema ta’ komunikazzjoni tajba. Għalhekk ma niskantaw xejn meta nisimgħu min jgħid li sa elfejn sena qabel Kristu fl-Eġittu tal-qedem kien jeżisti servizz ta’ komunikazzjoni. Għalhekk il-mexxejja kien ikollhom għadd ta’ ħaddiema li kienu jwasslu xi messaġġ minn post għal ieħor. Dawn kienu jinqdew bi żwiemel biex iwettqu ħidmiethom. Fiċ-Ċina nsibu li dan is-servizz kien użat ħafna sa elf sena qabel Kristu. Jingħad li kien fiċ-Ċina wkoll li beda jiżviluppa s-servizz postali primittiv. Servizzi li jixxiebħu kienu jinstabu fost il-popli tal-Persja u l-Greċja

Bit-tkabbir tal-Imperu Ruman, li mill-Belt ta’ Ruma nfirex mad-dawra tal-Mediterran kollu, kien hemm ħtieġa ta’ dan is-servizz aktar minn qatt qabel, għalhekk inħoloq dak li beda jissejjaħ Cursus publicus. Dan nistgħu ngħidu li kien l-aktar servizz postali effettiv fid-dinja antika. Biex wieħed jifhem kemm kien effiċjenti dan is-servizz ngħidu biss li ittra f’24 siegħa kienet tasal sa 270 kilometru bogħod minn fejn tiġi mpustata. Din il-veloċità fit-tqassim tal-posta ntlaħqet biss fis-seklu XIX mis-sistema postali moderna. Mal-waqgħa tal-Imperu Ruman ma nistgħux ngħidu li din is-sistema ntemmet iżda tilfet ħafna mill-effiċjenza tagħha.

Frans Von Taxis
Fl-1497 Frans Von Taxis waqqaf servizz postali għall-Imperatur Massimiljan I tal-Imperu Sagru Ruman. Dan nistgħu ngħidu kien il-bidu tas-servizz postali modern fl-Ewropa. Dan kien imexxi dan is-servizz fl-Imperu kollu u fi Spanja u kien iwassal mhux biss ittri ta’ gvernijiet, slaten u mexxejja oħra imma anke ittri jew pakketti ta’ individwi. Ir-Re Enriku VIII tal-Ingilterra waqqaf servizz simili f’pajjiżu fl-1516 u erba’ snin wara r-Re tal-Portugall, Manwel I ukoll ordna li jibda servizz ta’ tqassim ta’ ittri f’pajjiżu. Hekk qed naraw kif bdiet il-posta fl-Ewropa.


F’pajjiżna

Lejn tmiem il-ħakma tal-Kavallieri f’Malta, kien inbeda servizz fejn ittri kienu jitwasslu minn pajjiżna sa Ruma u minn hemm jitqassmu lejn id-destinazzjoni tagħhom. L-akbar numru ta’ ittri minn Malta dak iż-żmien kien ikun lejn Franza. Fi żmien Napuljun Malta baqgħet għal ftit tgawdi minn dan is-servizz imma jidher li ftit li xejn kienu jintbagħtu ittri forsi minħabba l-kontrolli stretti tal-Franċiżi. Jidher li meta l-Ingliżi ħadu Malta taħt idejhom dan is-servizz ma kienx għadu jeżisti għalhekk ftit xhur wara reġa’ beda dan is-sevizz essenzjali. F’Malta, kolonja Brittanika, servizz postali tajjeb u effettiv kien xi ħaġa li ma seta’ jonqos qatt. Dan is-servizz baqa’ jitjieb anke wara tmiem l-era Ingliża f’Malta. Fl-1998 il-posta ta’ Malta ma baqgħetx f’idejn il-gvern imma saret kumpanija bl-isem ta’ MaltaPost.

Tal-posta

Darba kont qiegħed Ħaż-Żebbuġ u ġie raġel fuqi u staqsieni minn liema triq kont għax kien sema’ li jiena minn Ħal Qormi. Meta għidtlu isem it-triq li fiha kont noqgħod, beda jsemmili l-ġirien, li xi wħud minnhom kienu għaddew għall-ħajja ta’ dejjem. Beda jsemmili nies li kont nafhom sewwa għax trabbejt magħhom. U dan ir-raġel kien jafhom ukoll għax għamel xi għoxrin sena jqassam il-posta fit-triq tagħna. Semmieli n-nanna u l-bużnanna. Semmieli mara li kienet miżżewġa wieħed Żebbuġi bħalu, semmieli kważi lill-ġirien kollha.

Ir-relazzjoni tal-pubbliku mal-pustier kien differenti erbgħin sena ilu. Kien hemm nies li ma jafux jaqraw u li kienu jirċievu ittri mingħand uliedhom emigranti fl-Awstralja, l-Ingilterra jew l-Amerika. Għal dawn kien ikun hemm il-pustier li jaqralhom l-ittra tant mistennija u ġieli kien ikun dan l-istess pustier li jikteb it-tweġiba għal dik l-ittra. Il-pustier kien ikona għan-nies tat-triq., Mhux ta’ b’xejn fil-Milied kien jispiċċa mgħobbi b’kull tip ta’ ħelu u rigali oħra. Illum ma tkunx taf min hu l-pustier tiegħek, għax daqqa jiġi wieħed u daqqa jiġi ieħor. Illum intilfet dik l-intimità bejn tal-posta u r-resident.

Minkejja kollox, minkejja l-bidliet u l-iżviluppi, xorta waħda llum għad hawn ħtieġa ta’ dan is-servizz, ta’ dan jew din il-personaġġ importanti għalina lkoll.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 17 ta' Ottubru 2020