venerdì 21 agosto 2026

Id-dulliegħ

Bla dubju ta’ xejn fost il-frott kollu tas-sajf, id-dulliegħ huwa wieħed mill-aktar popolari għax bla dubju minbarra t-togħma tajba tiegħu, fih ħafna meraq u felli dulliegħa kiesaħ jaqta’ l-għatx żgur fil-jiem sħan tas-sajf. Id-dulliegħa hija pjanta annwali b’weraq kbar u frott kbir, tond jew ovali. Il-pjanta hija rikonoxxibbli mill-weraq distintivi tagħha u l-għadd kbir ta' frott li tipproduċi, saħansitra kultant sa mitt waħda kull pjanta. Il-frott huwa disponibbli esklussivament fil-perjodu tas-sajf, bejn wieħed u ieħor minn Mejju sa Settembru.

Oriġini

Aktarx li l-ewwel kultivazzjoni tad-dulliegħ saret fl-Eġittu tal-qedem. Hemm leġġenda li tgħid li kien f'dan il-post stess li d-dulliegħa oriġinat miż-żerriegħa ta’ Set, l-alla Eġizzjan tal-qedem tad-deżert, maltempati, kaos, vjolenza u l-barranin. Spiss kien ikun impitter b’ġisem ta’ bniedem iżda b'ras misterjuża ta' annimal. Dan l-alla kien magħruf għall-qtil ta' ħuh Osiris. Għalhekk, l-Eġizzjani kienu jpoġġu għadd ta’ dulliegħ fl-oqbra tal-Fargħuni, bħala mezz ta' sostenn għall-ħajja ta' wara. 

It-tabib Skoċċiż, missjunarju u l-esploratur famuż tal-Afrika David Livingstone, li għex bejn l-1813 u l-1873, kien qal li l-pjanta tad-dulliegħ tikber b'mod abbundanti fid-Deżert ta’ Kalahari, minn fejn jidher li oriġinat. Hemmhekk, il-frott jikber selvaġġ u huwa magħruf bħala tsamma. Id-Deżert ta’ Kalahari jestendi fuq żona ta’ aktar minn disa’ mitt elf kilometru kwadru u huwa mifrux fi tliet nazzjonijiet, Il-Botswana, in-Namibja u l-Afrika ta’ Isfel. Dan id-deżert huwa xott ħafna u għal din ir-raġuni l-frotta tad-dulliegħ hija sors regolari ta' ilma għall-abitanti taż-żona, kif ukoll isservi bħala ikel kemm għall-bnedmin kif ukoll għall-annimali.

Fis-seklu 10 AD , id-dulliegħ beda jkun ikkultivat fiċ-Ċina, biex illum dan il-pajjiż sar l-akbar produttur fid-dinja ta’ din il-frotta bnina. Huwa kkalkulat li f’dan il-pajjiż ikunu prodotti 63,960,353 tunellata ta’ dulliegħ kull sena. Fl-Ewropa, il-pjanta ta’ din il-frotta ġiet introdotta mill-Għarab fis-seklu tnax.

Forma, lewn u varjetà

Bħalma għidt, u ovvjament tafu, id-dulliegħ ikun tond jew ovali, biss xi snin ilu fil-Ġappun bdew jibdlu l-forma ta’ din il-frotta. Dan isir billi meta titfaċċa l-frotta fix-xitla, din jitpoġġielha kontenitur kwadru madwarha biex meta tikber tieħu l-forma tiegħu. Dulliegħa kwadra tkun aktar faċli biex tinġarr u jinħela anqas spazju fil-ġarr.

Fejn jidħol il-lewn tad-dulliegħ aħna ngħidu li hija ħadra minn barra u ħamra minn ġewwa, iżda ġieli naraw dulliegħ li jkun isfar minflok aħmar. Il-dulliegħ isfar huma naturali. Fil-fatt din hija varjetà antika li kienet teżisti qabel id-dulliegħ aħmar komuni, u tmur lura għal aktar minn 5,000 sena. Il-kulur safrani mhuwiex riżultat ta' modifika ġenetika imma sempliċement iseħħ għax ma jkunx fiha il-lycopene, l-antiossidant li jagħti lid-dulliegħa l-ħamra l-kulur distintiv tagħha. Spiss id-dulliegħ isfar ikun aktar ħelu minn dak aħmar.

Il-varjetajiet tad-dulliegħ jaqgħu primarjament f'erba' kategoriji ewlenin: dawk biż-żerriegħa, dulliegħ mingħajr żerriegħa, dulliegħ minjatura, u frotta bil-qalba safra jew tagħti fl-oranġjo. Il-bdiewa Maltin normalment ikabbru l-varjetà tradizzjonali jiġifieri dulliegħ biż-żerriegħa b'żrieragħ peress li din il-varjetà  għandha togħma aqwa minn varjetajiet oħra.

 Festival

Id-dulliegħa daħlet ukoll fl-arti u hawn artisti li joħolqu skultura minnha. Fl-2006, beda jsir il-Festival imsejjaħ Melounovy fil-belt ta’ Praga fir-Repubblika Ċeka. Dan il-festival iġib flimkien xi wħud mill-aqwa artisti tad-dulliegħ minn madwar id-dinja ta’ kull sena. Din l-arti qegħda kulma jmur issir aktar popolari u anke f’pajjiżna ġieli naraw xi skultura fid-dulliegħa. L-isfortuna hija li din hemm żmien limitat kemm tkun tista’ titgawda għax il-frotta tispiċċa.

Benefiċji

Id-dulliegħa hija frotta idratanti ħafna u b'kaloriji baxxi, mimlija antiossidanti, il-vitamini A u Ċ, u l-aċidu amminiku li jgħin ħafna lis-saħħa tal-qalb billi fost oħrajn ibaxxi l-pressjoni, inaqqas l-infjammazzjoni, u jgħin fl-irkupru mill-eżerċizzju u l-vitalità tal-ġilda. Id-dulliegħa fiha 92% tagħha ilma u għalhekk kull felli (medju mhux kbir ħafna) fih madwar 45 kalorija. Għalhekk dan il-frott huwa tajjeb ħafna għal min irid jagħmel dieta biex inaqqas mill-piż. Mill-banda l-oħra, id-dulliegħa fiha ammont sostanzjai ta’ zokkor naturali allura wieħed irid joqgħod attent l-aktar jekk ikun diabetiku. Imma ammonti moderati ma jagħmlu ħsara lil ħadd.

Ħaġa moħġaġa

Id-dulliegħa daħlet ukoll fil-folk Malti u missirijeitna kienu jgħidu ħaġa moħġaġa hekk: "Ħamra nar, nar mhijiex, ħadra ħaxix, ħaxix mhijiex, tnixxi l-ilma, għajn mhijiex". Kien hemm min iżid ukoll: “Tonda bħad-dinja, dinja mhijiex”. Ikollna nammettu li din il-ħaġa moħġaġa llum tilfet ftit mis-sens tagħha għax mal-ħmura nsibu l-isfar u l-forma tad-dinja tibqa’ tonda imma d-dulliegħa minbarra ovali nistgħu nsibuha kwadra wkoll.

Hi x’inhi, din il-frotta hija waħda mill-itjeb li nistgħu nduqu matul is-sajf, sew fuq il-mejda tal-ikel id-dar kif ukoll fejn il-baħar. U xi ngħidu għal felli dulliegħa friska wara xi barbeque?

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 22 ta' Awwissu 2026




Nessun commento:

Posta un commento