Visualizzazione post con etichetta krakovja. Mostra tutti i post
Visualizzazione post con etichetta krakovja. Mostra tutti i post

sabato 21 agosto 2021

Il-Polonja

 

Wieħed mill-pajjiżi li dawn l-aħħar snin aħna l-Maltin bdejna nżuru spiss huwa l-Polonja. Dan il-pajjiż li ssieħeb fl-Unjoni Ewropea magħna għandu ħafna x’joffri u għalina l-Maltin, żjara fih għandha tkun vakanza mill-aqwa.

Il-Polonja, jew kif uffiċjalment jissejjaħ: ir-Repubblika tal-Polonja, huwa pajjiż li jinsab fl-Ewropa Ċentrali. Huwa maqsum f’16-il provinċja amministrattiva, li jkopru żona ta’ 312,696 kilometru kwadru u għandu klima staġjonali fil-biċċa l-kbira moderata. B’popolazzjoni ta’ kważi 38.5 miljun ruħ, il-Polonja hija l-ħames l-iktar stat membru popolat tal-Unjoni Ewropea. Il-kapitali tal-Polonja hija Varsavja. Bliet kbar oħra jinkludu Krakovja, Łódź, Wrocław, Poznań, Gdańsk, u Szczecin. L-oriġini tal-isem "Polonja" ġejja mit-tribù Slav tal-Punent ta’ Polans jew Polanie, li kienu jabitaw fuq ix-xatt tax-xmara Warta tar-reġjun tal-Polonja l-Kbira tal-lum. L-oriġini tal-isem Polanie nnifisha ġejja mill-kelma Proto-Slava pole li tfisser għalqa. F’xi lingwi, bħall-Ungeriż, il-Litwan, il-Persjan, ir-Russu u t-Tork, l-isem tal-pajjiż huwa derivat mil-Lendjani li kienu joqogħdu fit-tarf tax-Xlokk tal-Polonja tal-lum. Isimhom ukoll ġej mill-kelma Pollakka antika lęda li tfisser art miftuħa jew pjanura.

Ftit storja

Meta wieħed jaqra l-istorja ta’ dan il-pajjiż jinduna kemm niesu minn dejjem batew iżda minkejja kollox baqgħu sodi u dejjem iġġieldu għal pajjiżhom. Il-Polonja bdiet tifforma f'entità magħquda u pajjiż rikonoxxut lejn nofs is-seklu 10 taħt id-dinastija ta’ Piast. L-ewwel ħakkiem tal-Polonja li huwa storikament dokumentat kien Mieszko I li aċċetta l-Kristjaneżmu bħala r-reliġjon uffiċjali tad-dinastija tiegħu. Dan ir-rikonoxximent tal-Knisja Latina fis-sena 966 nistgħu ngħidu li kien il-Magħmudija tal-Polonja. Fl-1569 il-Polonja ngħaqdet mal-Litwanja u fis-sekli XVI u XVII kien hemm bosta kriżijiet fit-tmexxija tas-saltna. Il-Pollakki qamu kemm-il darba kontra l-mexxejja tagħhom. Fl-1807 din l-art għaddiet taħt idejn Napujun li ddikjaraha bħala d-Dukat ta’ Varsavja. Wara l-Ewwel Gwerra Dinjija l-Alleati kollha qablu dwar ir-rikostituzzjoni tal-Polonja. It-Tieni Gwerra Dinjija bdiet bl-invażjoni tal-Polonja mill-Ġermaniża Nażista fl-1 ta’ Settembru 1939. Din kienet segwita mill-invażjoni Sovjetika fis-17 ta' Settembru. Fit-28 ta’ Settembru 1939, Varsavja waqgħet. Kif miftiehem bejn is-Sovjetiċi u n-Nażisti, il-Polonja kienet maqsuma f'żewġ żoni, waħda okkupata mill-Ġermanja Nażista, l-oħra mill-Unjoni Sovjetika. Is-snin tal-gwerra kienu snin tal-biża’ għall-polonja. Hemmhekk kien hemm għadd ta’ kampijiet ta’ konċentrament li kellhom l-għan li jeqirdu lil-Lhud u warajhom bosta u bosta oħrajn. Wara l-gwerra dan il-pajjiż daħal fl-era Komunista li baqgħet sejra sas-snin disgħin. Mal-ħelsien mill-Komuniżmu l-Polonja bdiet it-triq lejn tisħib fl-Unjoni Ewropea, li seħħ fl-1 ta’ Mejju tas-sena 2004.

L-aktar magħruf

Bla dubju l-aktar bniedem magħruf li tat l-art Pollakka kien dak li kien il-264 papa fl-istorja tal-Knisja Kattolika mis-16 ta’ Ottubru 1978 sa mewtu li ġrat fit-2 ta’ April tas-sena 2005. Karol Wojtyla twieled fit-18 ta’ Mejju 1920, f’Wadowice, fin-nofsinhar tal-Polonja. Huwa tilef lil ommu meta kien għadu tfal. Lejn nofs is-sena 1938, Karol flimkien ma’ missieru marru jgħixu ġewwa Krakovja fejn il-ġuvnott beda jsegwi kors tal-filosofija ġewwa l-Università. Ma għaddewx wisq xhur li ma faqqgħetx it-tieni gwerra dinjija. Il-Polonja inħakmet min-Nażisti Ġermaniżi u l-Università li fiha kien jattendi Karol ingħalqet. L-irġiel kellhom imiddu jdejhom għax-xogħol u kellhom iwarrbu l-istudju. Karol kellu jmur jaħdem f’barriera tal-ġebel  u aktar tard bħala spiżjar ġewwa fabbrika tal-kimiki. Xejn ma kien żmien sabiħ għad-dinja. Xejn inqas sabiħ kien dan iż-żmien għall-Polonja.  Biex il-ħajja tkompli ddewwaq l-imrar minn tagħha liż-żagħżugħ Wojtyla, nhar it-Tlieta, 18 ta’ Frar, 1941, imut missieru b’ attakk tal-qalb fl-età ta’ 61 sena. Karol kien għad għandu 20 sena. Aktar tard huwa kien qal “Ta’ għoxrin sena kont tlift lil dawk kollha li kont inħobb, lil dawk kollha li stajt inħobb, bħal oħti l-kbira li jgħidu li mietet sitt snin qabel ma twelidt jiena.” Għalina l-Maltin jibqa’ papa speċjali għax kien l-ewwel suċċessur ta’ San Pietru li ġie jżurna. U biex ngħidu kollox ġie aktar minn darba!

Turiżmu

Il-Polonja bdiet tesperjenzat żieda sinifikanti fin-numru ta’ turisti wara li ssieħbet fl-Unjoni Ewropea. Il-pandemija tal-Covid19 ħarbtet dan is-settur madwar id-dinja kollha. Bi kważi 21 miljun turist internazzjonali fl-2019, it-turiżmu jikkontribwixxi konsiderevolment għall-ekonomija ġenerali u jifforma proporzjon relattivament kbir tas-suq tas-servizzi tal-pajjiż. L-attrazzjonijiet turistiċi fil-Polonja jvarjaw, mill-muntanji fin-nofsinhar sal-bajjiet bir-ramel fit-tramuntana. L-iktar belt li jżuruha turisti hi Krakovja, li kienet fl-antik il-kapitali tal-Polonja u llum isservi bħala relikwa tal-età tad-deheb tal-Polonja u tar-Rinaxximent.

Il-kapitali Pollakka Varsavja u l-Belt il-Qadima storika tagħha ġew mibnija mill-ġdid wara li nqerdu bil-gwerra. Bliet oħra li jiġbdu għadd ta’ turisti jinkludu Gdańsk, Poznań, Lublin, Toruń kif ukoll i-kamp ta’ konċentrament Ġermaniż ta’ Auschwitz f'Oświęcim. Post li jżuruh bosta huwa l-Minjiera tal-Melħ f’Wieliczka. Din hija minjiera tas-seklu 13 donnha labrint li fiha wkoll kappella minquxin mill-minaturi minn melħ tal-blat taħt l-art.

Il-Polonja hija art li ta’ min iżurha. Hemm ħafna xi tgħid dwarha, jien semmejt ftit biss.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 21 ta' Awwissu 2021



sabato 7 agosto 2021

Komunikazzjoni

 

Il-bniedem huwa annimal ikkomplikat, annimal li jaħseb, annimal li jħobb, annimal li għandu l-fakultà tar-raġuni u huwa annimal li jikkomunika. Kull annimal għandu xi mod li bih jikkomunika biex inkunu qed ngħidu d-dritt, imma l-ebda annimal għajr il-bniedem ma huwa kapaċi jikkomunika bħalma jagħmel il-bniedem. Komunikazzjoni ma hija xejn għajr li dak li jkun jitfa’ f’post komuni dak li jkollu f’moħħu.

Ilbieraħ

Sa mill-ħolqien tiegħu l-bniedem beda jfittex u joħloq sistemi ta’ komunikazzjoni. Beda juża d-duħħan biex iwassal messaġġ lil xi ħadd il bogħod. Aktarx li dan kien ikun messaġġ li jkun riesaq xi periklu. Fiċ-Ċina, minn fuq il-Ħajt il-Kbir li nsibu f’dak il-pajjiż, kienu jintbagħtu messaġġ bid-duħħan minn torri għal ieħor li hemm ma’ dan l-hekk imsejjaħ ħajt. Il-messaġġi mibgħutin kienu jfissru li jkun hemm l-għadu qrib u li jkun ser jinvadihom. Ma hemmx għalfejn immorru daqstant bogħod, f’pajjiżna stess it-torrijiet tal-għassa li nsibu mxerrdin matul il-kosta kienu jużaw mod simili meta kienu jilmħu l-għadu ġej lejn artna minn fuq il-baħar. Minflok duħħan kienu jqabbdu ħuġġieġa imma l-messaġġ kien jasal xorta.

Min żar il-belt ta’ Krakovja fil-Polonja, jaf li fil-pjazza ċentrali, sewwasew minn fuq il-kampnar tal-knisja ta’ Santa Marija, kull siegħa tindaqq biċċa fanfarra bi trumbetta. Din tfakkar il-fatt meta għassies ra l-għadu riesaq u beda jdoqq biex javża lin-nies. L-għassies intlaqat f’għonqu minn vleġġa sparata min-naħa tal-għadu u għalhekk il-fanfarra waqfet ħesrem. Dan huwa mod ieħor ta’ kif kienet issir il-komunikazzjoni. Ladarba qed insemmu strumenti mużikali fil-komunikazzjoni tajjeb insemmu li f’xi postijiet fl-Afrika għadhom jintużaw it-tnabar biex iwasslu il-messaġġi.

Mużika

Il-mużika wkoll twassal messaġġ. Hemm mużika li tferraħ u hemm ukoll mużika li twassal messaġġ ta’ niket. Niftakru ftit fil-marċi li tant huma popolari f’pajjiżna. Hemm dawk li d-dilettanti jsejħu: marċi volanti, marċi ferrieħa li nisimgħuhom fil-festi tagħna, ovvajment mhux waqt il-pandemija, u li fihom id-dilettanti jkantaw, jaqbżu u jiżfnu. Hemm imbagħad il-marċi funerbi li jindaqqu f’okkażjonijiet li fihom ma jsirx qbiż u żfin bħal ngħidu aħna fil-Ġimgħa l-Kbira u f’xi funeral. La qed insemmi dawn id-drawwiet popolari ta’ pajjiżna inkunu nonqsu jekk ma nsemmux il-Valzi li xi rħula tagħna jsemmgħulna nhar Ħadd il-Għid. Kull tip ta’ mużika fiha messaġġ, kull mużika tista’ tkun parti minn komunikazzjoni.

Skiet

Kultant anke s-skiet jista’ jikkomunika xi ħaġa. Persuna quddiem pulizija li jkun qed jinterrogaha tista’ tagħżel is-skiet bħala risposta. Persuna li tkun ġiet offiża tista’ tagħżel is-skiet bħala arma – sewwasew kif jgħid il-Malti: is-skiet risposta. Iva s-skiet jista’ jkun ukoll komunikazzjoni. Nieħdu eżempju banali imma reali. Raġel jasal lura mix-xogħol, jiftaħ il-bieb ta’ barra u  kif jagħmel ta’ kuljum isejjaħ lil martu: “Wasalt jien ħanini.” Is-soltu kien ikun hemm it-tweġiba: “Hawn qegħda qalbi!”, imma llum xejn, skiet taqtgħu b’sikkina. Ir-raġel jidħol ħdejn martu u jsejħilha b’isimha u hi tibqa’ muta....... ma tridx wisq biex tinduna li hemm xi ħaġa ħażina. Is-skiet tagħha wassal messaġġ li dakinhar mhux kollox sew bħas-soltu.

Tekonolġija

Illum ma għadniex nużaw id-duħħan jew il-ħġejjeġ biex inwasslu dak li rridu nwasslu. Anke l-istrumenti naqsu fejn tidħol komunikazzjoni imma mhux għax ma għadniex nikkomunikaw iżda għax sirna nikkomunikaw b’modi oħra. Il-komunikazzjoni mingħajr fil taf il-bidu tagħha lir-radju. X’passi ta’ ġgant saru f’dan il-qasam, mhux biss fejn jidħol ir-radju imma f’kull qasam tat-tekonoloġija. Il-komunikazzjoni gawdiet bil-kbir minn dawn l-avvanzi. Bil-wasla tat-televiżjoni kien hemm min beża’ li r-radju kien ser imut mewta naturali. Tiftakruha d-diska tal-grupp The Buggles bl-isem “Video killed the Radio star”?  Minkejja li din id-diska ħarġet fl-1979, titratta s-sena 1952 meta t-televiżjoni kien għadu qed jevolvi. Illum nafu li din kienet biża’ fiergħa għax ir-radju għadu popolari sal-lum. Għax waqt li tkun qed issuq, waqt li tkun qed tagħmel xi ħaġa fid-dar, tista’ tibqa’ tisma’ r-radju imma mhux possibbli tara t-televiżjoni.

Imbagħad l-akbar qabża fejn tidħol komunikazzjoni u teknoloġija saret mal-wasla tal-internet. L-idea ta’ netwerk tal-kompjuters li tippermetti sidien ta’ kompjuters differenti jikkomunikaw ma’ xulxin żviluppat f’diversi stadji. Il-qofol ta’ dawn l-iżviluppi kollha wasslet għan-netwerk ta’ netwerks, dak li llum nafuh bħala l-Internet. Illum kważi kulħadd juża l-internet u għal bosta minna sar għodda indispensabbli li rriduha magħna l-ħin kollu u għalhekk inġorruha fil-but. X’inhu smart phone jekk mhux komputer? Tassew suppost huwa telefon, imma aktarx li l-anqas li nużawh huwa biex inċemplu. Aħna li qbiżna n-nofs seklu kellna nidħlu f’din id-dinja ta’ komunikazzjoni teknoloġika, imma dawk li għandhom nofs l-età tagħna twieldu f’dan l-ambjent, twieldu f’dinja teknoloġika.

Dan kollu huwa dovut għall-fatt li l-bniedem huwa l-aktar annimal li jikkomunika, anzi ma jistax ma jikkomunikax u għalhekk dejjem ra kif itejjeb il-mezzi ta’ komunikazzjoni – mis-sinjal bid-duħħan għat-telefon ċellulari!

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 7 ta' Awwissu 2021




venerdì 10 gennaio 2020

Krakovja


Waħda mill-ibliet l-aktar popolari mat-turist Malti saret il-belt Pollakka ta’ Krakovja. Minkejja li din mhix il-belt kapitali ta’ dan il-pajjiż, fiha bosta attrazzjonijiet li tħajjar lil dak li jkun iżurha. Hija belt mimlija ħajja u attività. Fiha l-belt il-qadima, imdawra bi ġnien dawra mejt u ’l barra minn dan il-ġnien tkompli din il-belt meraviljuża.



Farka storja
Krakovja hija waħda mill-akbar bliet li nsibu fil-Polonja. Fiha jgħixu aktar minn seba’mija u ħamsin elf ruħ, Bħal kull belt antika, din tinsab mibnija maġenb xmara għaliex l-ilma minn dejjem kien element li mingħajru ma tistax twaqqaf belt. Ix-xmara li tgħaddi minn Krakovja jisimha Vistula. Din ix-xmara hija twila aktar minn elf kilometru u tgħaddi minn bosta bliet Pollakki oħrajn bħal Varsavja, il-kapitali tal-pajjiż, Gdansk u tispiċċa fil-Baħar Baltiku.

Hemm leġġenda li tgħid li fil-post kien jgħix dragun. Kienu bosta dawk il-kavallieri li ppruvaw jeqirduh imma kollu ta’ xejn għax spiċċaw jittieklu huma minn dal-kiefer dragun. Imma Krakus ħadem mod ieħor. Dan il-kavallier minflok mar jiġġieled mad-dragun beda jitimgħu ħrief avvalenati sakemm id-dragun miet. Fuq l-għar fejn kien jgħix id-dragun dan Krakus bena l-kastell tiegħu u waqqaf il-belt ta’ Krakovja. Xi għadam tad-dragun iddendlu fid-daħla tal-katidral tal-post li nsibu fil-limiti tal-kastell Wavel mibni minn Krakus. Illum nafu li dan l-għadam, li għadu mdendel fil-post, aktarx huwa jew ta’ xi balena jew ta’ mammoth, annimal estint antenat tal-iljunfant.

L-istorja ta’ Krakovja hija waħda twila u mqallba. Ma nistgħux ma nsemmux parti mill-aktar kerha tal-istorja ta’ din il-belt. Bħal ħafna bliet oħra li matul it-tieni gwerra dinjija kienu taħt il-ħakma tan-Nażisti, fiha saru bosta atti tal-biża’ kontra ċ-ċittadini l-aktar dawk ta’ nisel Lhudi.

Il-fabbrika ta’ Oskar Shindler
Naħseb ħafna rawh il-film Shindler’s List. Dan jirrakkonta l-istorja ta’ industrijalist Ġermaniż li kellu fabbrika fi Krakovja. Hu kien iħaddem bosta Lhud u bis-saħħa ta’ hekk ħelishom minn mewt ċerta. Illum il-bini ta’ din il-fabbrika inbidel f’mużew li juri minn xiex għadda l-poplu ta’ Krakovja matul is-snin tal-aħħar gwerra dinjija.

Fil qrib ta’ dan il-mużew kien jinsab il-getto tal-Lhud u għalhekk ma jistax jonqos li hemm bosta tifkiriet ta’ dawn il-paġni suwed tal-istorja tal-bniedem. Fadal biċċa żgħira mill-ħajt li kien idawwar il-getto biex jissegrega lil-Lhud mill-kumplament tad-dinja.

Interessanti hija l-pjazza li kienet tagħmel parti mill-getto. Illum f’ din il-pjazza nsibu għadd ta’ siġġijiet kbar tal-bronż, kollha vojta. Dan huwa monument għal dawk l-eluf ta’ Lhud li minn din il-pajzza tgħabbew biex imorru fil-kampijiet ta’ konċentrament. Hawnhekk huwa post prominenti fl-istorja tax-Shoah, il-ġenoċidju ta’ sitt miljun Lhudi pjanat minn Adolf Hitler.

Qaddis ta’ żmienna
F’din il-belt serva bħala arċisqof San Ġwanni Pawlu II. Minkejja li huwa ma kienx minn Karakovja, ta’ żagħżugħ għadda ħafna żmien f’din il-belt. Kienet is-sena 1978 meta l-Unesco iddikkjarat lill-Belt ta’ Krakovja bħala sit ta’ wirt storiku dinji. Fis-16 ta’ Ottubru ta’ dik is-sena Karol Wojtyła intgħażel bħala l-mexxej tal-Knisja Kattolika, papa mhux Taljan wara 455 sena.

Dan il-Papa twieled u għex bosta snin f’Wadowice, raħal mhux wisq bogħod minn Krakovja. Hemm illum ukoll sar post ta’ turiżmu reliġjuż grazzi għal dan il-bniedem li nistgħu insejħulu kien sar il-Kappillan tad-dinja. Bosta jmorru jżuru Wadowice u jsibu li quddiem il-knisja parrokkjali ta’ dan ir-raħal hemm pjazza li fl-art tagħha hemm l-ismijiet tal-artijiet li żar il-Papa Ġwanni Pawlu II. Isem pajjiżna huwa mniżżel ukoll, għax wara kollox żar Malta akar minn darba.

Santa Marija
Fil-pjazza ewlenija ta’ Krakovja nsibu knisja kbira u sabiħa ddedikata lil Santa Marija. Fuq l-artal maġġur tal-knisja nsibu opra mill-isbaħ. It-titular huwa trittiku sulturat, xogħol ta’ bejn is-snin 1477 u 1489. Fin-nofs naraw lil Marija mtellgħa s-sema filwaqt li fil-ġnub naraw sitt panewijiet skulturati b’siltiet mill-ħajja tal-Madonna.  Minn fuq wieħed mill-kampnari ta’ din il-bażilika tindaqq fanfarra bit-tromba kull siegħa. Il-fanfarra tieqaf sobtu u ma tintemmx. Dan isir biex jitfakkar l-għassies li kien fuq dan il-kampnar fl-1241. Meta t-Tatari resqu lejn Krakovja biex jattakkawha, dan l-għassies qabad it-tromba u beda jdoqqha biex jagħti sinjal tal-periklu li kien fil-qrib iżda vleġġa sparata mit-Tatari nifditlu għonqu u qatlitu waqt li kien qed idoqq. Din il-fanfarra, jew aħjar il-biċċa li tindaqq minnha, tindaqq kuljum, kull siegħa kuljum u dik ta’ nofsinhar tixxandar fuq ir-radju mal-Polonja kollha.

Dan huwa ftit, anzi ftit ħafna minn dak li wieħed jista’ jgawdi meta jżur Krakovja. Żgur li żjara hemmhekk tibqa’ f’moħħ dak li jkun!

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 11 ta' Jannar 2020