Visualizzazione post con etichetta xlendi. Mostra tutti i post
Visualizzazione post con etichetta xlendi. Mostra tutti i post

sabato 11 luglio 2026

Il-Madonna tal-Karmnu f’Malta

 

Id-devozzjoni lejn il-Madonna tal-Karmnu f’Malta hija mifruxa ħafna. Insibu xi parroċċi li fihom hemm artal iddedikat lill-Madonna taħt dan it-titlu. F’xi rħula hemm ukoll xi fratellanza taħt dan it-titlu. Insibu erba’ parroċċi li bħala titular għandhom lill-Madonna tal-Karmnu.

Il-Gżira

Fl-10 ta’ Lulju 1902, meta Malta kienet għadha bażi militari Brittanika, xi baħrin fis-sakra kienu tefgħu ġebla lejn niċċa bi kwadru tal-Madonna tal-Karmnu li kienet tinsab ma’ ħajt ta’ dar quddiem il-pont tal-Gżira, u l-ġebla baqgħet imwaħħla mal-ħġieġa tal-kwadru. Dan wassal biex tinbena kappella żgħira ftit ’il bogħod u ġiet magħrufa bħala l-kappella tal-Madonna tal-Ġebla. Din il-kappella saret parroċċa fl-1921 u n-nies tal-post bdew iħabirku biex tinbena knisja akbar, iddedikata lill-Madonna tal-Karmnu. Bil-ħidma ħabrieka tal-ewwel Kappillan, Dun Anton Manche, u bix-xogħol tal-imgħallem is-Sur Antonio Sammut, il-knisja tlestiet 1935. 

Il-Fgura

Fil-qedem ġewwa l-Fgura kien hemm niċċa tal-Madonna u fl-1798 inbniet kappella ħdejha. Din twaqqgħet u reġgħet inbniet fl-1844 iżda fl-1956 kellha titwaqqa’ biex titwessa’ t-triq prinċipali ta’ dan il-post. Fl-1950 il-patrijiet Karmelitani bnew knisja oħra ftit bogħod minn fejn kienet din il-knisja u ġiet iddedikata lill-Madonna tal-Karmnu. Din saret parroċċa fl-1965. Minħabba li l-popolazzjoni tal-Fgura kibret sewwa u l-knisja kienet żgħira wisq għan-nies, inbniet knisja ġdida li nsibu llum li ġiet imbierka fl-1988 u ddedikata fl-1990.

Il-Balluta

Bejn Tas-Sliema u San Ġiljan, fil-parti li tissejjaħ Il-Balluta, kien hemm knisja ddedikata lill-Madonna tal-Karmnu sa mis-sena 1859. Din kienet inbniet mill-Fratellanza tal-Karmnu tal-Belt Valletta. Fl-1877 il-knisja nbniet mill-ġdid u għaddiet f’idejn il-patrijiet tal-Karmnu. Dawn fl-1900 bnewha mill-ġdid. Fl-1958 inbniet il-knisja li nsibu llum u fl-1974 saret parroċċa. Il-patrijiet Karmelitani ħallew din il-parroċċa ftit ilu.

Fleur de Lys

Il-Patrijiet Karmelitani sa mill-bidu tas-sena 1918 kienu jieħdu ħsieb il-parroċċa ta’ Santa Venera. Huma ħasbu li jibnu knisja oħra fi Triq Fleur de Lys fil-parroċċa stess biex jintlaħqu aħjar in-nies li kienu joqgħodu f’dawk in-naħiet. Il-knisja li kienet iddedikata lill-Madonna tal-Karmnu saret parroċċa fl-1975. Il-patrijiet Karmelitani ħallew din il-parroċċa ftit snin ilu.


Madwar Malta

Minbarra dawn il-parroċċi nsibu wkoll xi knejjes jew kappelli oħra li għandhom lill-Madonna tal-Karmnu bħala titular.

Il-Belt Valletta
Fl-1659, il-Karmelitani fetħu kunvent u knisja fl-Imdina. Ġewwa l-Belt Valletta nsibu s-Santwarju Bażilika tal-Madonna tal-Karmnu. Din il-knisja nbniet fl-1570 u għal xi żmien serviet bħala knisja parrokkjali sakemm inbniet il-knisja ta’ San Pawl. L-inkwatru tal-Madonna ġie nkurunat fl-1881 u fl-1895 saret Bażilika Minuri. Fl-1958 beda l-bini tal-Bażilika l-ġdida li nsibu llum. Din tbierket fl-1981.

Fil-Birgu, il-knisja tal-Karmnu nbniet mill-baħħara u n-nies tax-xwieni fl-1611. Dawn kienu jqisuha bħala l-parroċċa tagħhomi u għalhekk kienu jagħmlu l-preċett kull sena fiha. Dawn żejnuha b’ħafna opri tal-arti. Fit-tieni gwerra dinjija din il-knisja ġġarfet u reġgħet telgħet mill-ġdid wara l-gwerra. Illum wieħed bilkemm jinduna biha għax tinsab sewwasew mal-Waterfront tal-Birgu.

Fit-triq li minn San Pawl il-Baħar twasslek ix-Xemxija hemm knisja fil-ġenb. Din ukoll hija ddedikata lill-Madonna tal-Karmnu. Il-knisja bdiet tinbena fl-1835 u fl-1927 ġiet imkabbra. Fl-1929 bdew jieħdu ħsiebha l-patrijiet Franġiskani Konventwali li f’idejhom għandhom ukoll il-Parroċċa ta’ San Pawl il-Baħar.

Ġewwa Ħal Luqa l-kappella tal-Madonna tal-Karmnu nbniet l-ewwel darba fl-1784 u reġgħet inbniet fl-1848. Din iġġarrfet fi żmien it-tieni gwerra dinjija u reġgħet inbniet bħala parti miċ-Ċentru taż-Żgħażagħ tal-parroċċa ta’ Sant’ Andrija ta’ Ħal Luqa.

Is-Sorijiet Franġiskani tal-Qalb ta’ Ġesù twaqqfu Għawdex fl-1880 minn Dun Ġużepp Diacono u Virginia Debrincat, li mbagħad ħadet l-isem ta’ Sor Margerita tal-Qalb ta’ Ġesù. Din il-kongregazzjoni fetħet id-dar għall-anzjani. “Pax et Bonum” fil-Mosta fl-1963. Il-kappella ta’ din id-dar hija ddedikata lill-Madonna tal-Karmnu.

F’Għawdex

Ġewwa x-Xewkija lejn ir-Rabat Għawdex insibu l-knisja tal-Madonna tal-Karmnu magħrufa bħala ta’ Ħamet. Sewwasew hija l-akwata li tissejjaħ hekk u l-kappella ħadet il-laqam tagħha minn kif tissejjaħ l-akwata. Din il-knisja nbniet wara l-1800 minn flus Liberato Grech u martu Roża bħala radd ta’ ħajr lill-Madonna talli rnexxiet ir-rewwixta kontra l-Franċiżi. Minkejja li tinstab fil-limiti tax-Xewkija, din il-kappella hija affiljata mal-Katidral ta’ Għawdex.

Ix-Xlendi
Fil-bajja tax-Xlendi nsibu kappella ddedikata lill-Madonna tal-Karmnu. Il-knisja nbniet fl-1868, wara wegħda, u bil-ħeġġa tan-nutar Niccolo Cauchi fuq l-art mogħtija mill-patrijiet Karmelitani tal-Imdina. Din kienet l-ewwel knisja li nbniet minn kemm kienet ilha wieqfa d-djoċesi ta’ Għawdex (imwaqqfa fit-22 ta’ Settembru 1864). Fl-1969 din il-knisja tkabbret billi dik oriġinali kienet ċkejna għan-numru ta’ nies li jżuruha l-aktar fix-xhur tas-sajf.

Is-Sorijiet Franġiskani tal-Qalb ta’ Ġesù fetħu d-dar tagħhom ġewwa n-Nadur fl-1917. Dawn marru f’dan ir-raħal wara li Karmenu Meilaq kien tahom daru biex jiftħu kunvent. Fost ix-xogħol ta’ tibdil li sar f’din id-dar, saret kappella ddedikata lill-Madonna tal-Karmnu. Fl-1998 sar restawr ta’ din il-kappella.

Sptar

Fl-1861 tlesta l-bini tal-isptar mentali li jġib l-isem ta’ Monte Carmeli ġewwa Ħ’ Attard. Dan ħa post l-isptar mentali li kien jinstab ġewwa Villa Franconi fil-Furjana. F’dan l-isptar iddedikat lill-Madonna tal-Karmnu nsibu l-kappella li taqdi lill-pazjenti u l-ħaddiema.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 11 ta' Lulju 2026



venerdì 20 ottobre 2017

Graffiti

Meta nkunu barra minn Malta bosta drabi naraw ħitan sħaħ mimlijin żebgħa, disinnji u kliem li ġieli jagħmel sens u ġieli għalina ma jkunx jagħmel sens. L-aktar li naraw minn dawn il-graffiti huma f’xi stazzjon tal-ferrovija, l-aktar jekk inkunu lejn in-Nofsinhar tal-Italja. F’xi postijiet il-ħitan ma jservux u għalhekk il-vaguni tal-ferrovija jispiċċaw it-tila għal dawn l-artisti.

F’pajjiżna
F’xi knejjes antiki tagħna għadna nsibu xi graffiti. Mhux kitbiet biż-żebgħa bħalma nsibu fl-istazzjonijiet tal-farrovija. Il-graffiti antiki huma minquxin fil-ġebel. Dawn bosta drabi juru xwieni u kienu saru bħala radd ta’ ħajr lil Alla wara li xi baħrin ikunu ħelsu mill-għarqa. Dan il-grif mal-ħajt jibqa’ xhud ta’ dik il-grazzja.

Kien hemm żmien li bosta kienu jnaqqxu isimhom fuq xi ħajt jew xi zokk ta’ sigra. Dan ma huwiex arti imma vandaliżmu. Illum jidher li din il-ħaġa ma għadniex narawha daqs qabel. Forsi l-Maltin saru aktar konxji. Jalla li huwa hekk!

Xi snin ilu faċċata tal-istage tal-linja tal-Bombi, fejn jieqfu l-karozi tal-linja li jgħaddu mill-Imsida, kien hemm kitba interessanti li damet ftit hemmhekk. Din kienet tgħid hekk: The world is full of kings and queens that blind your eyes and steal your dreams. Forsi hawn min ma jafx li din ma hija xejn għajr silta mid-diska Heaven And Hell tal-grupp mużikali Black Sabbath. Din il-kitba tneħħiet iżda dehret mill-ġdid fi triq li twasslek lejn l-Università ta’ Malta. F’dan l-istess post darba kien hemm kitba li tgħid: The people get the government they deserve. Din ukoll ma hijiex sentenza ġdida għaleix kienet użata minn Alexis de Tocqueville, politiku Franċiż tas-seklu XVIII, minn Joseph de Maistre, filosofu, kittieb u avukat tal-istess seklu, kif ukoll minn għadd ta’ oħrajn.

Verità
Dawn iż-żewġ sentenzi huma veritajiet, imma biex nuru dawn il-veritajiet hemm bżonn niktbuhom fuq il-ħajt? Il-ħitan li saru fuqhom ma humiex spażji fejn isiru kitbiet fihom.

La qed insemmu l-ispażji fejn wieħed jista’ jesprimi dak li jaħseb billi jikteb jew ipinġi mal-ħajt, tajjeb wieħed isemmi li hawn Kunsilli Lokali li joffru spażju għal din il-ħaġa. Naf li f’ nofs il-Fgura hemm erba’ ħitan fejn isir fuqhom dan ix-xogħol. Nemmen li hemm regola u mhux kulħadd jista’ jaqbad u jpinġi jew jikteb li jrid. Snin ilu l-Kunsill Lokali ta’ Ħaż-Żebbuġ kien offra spażji lill-artisti tar-raħal biex dawn ikunu jistgħu juru ħilithom. Illum ma jidhirlix li fadal minn dawn l-ispażji.

Kultura tagħna
Ikollna nammettu li dawn il-kitbiet jew tpinġijiet ma humiex fil-kultura tagħna, u nistqarr li personalement narahom jistonaw mal-ambjent Malti.

F’Borgo Pio qrib il-Vatikan ġewwa Ruma, spiss jinbtu xi graffiti. Aktar min darba deher il-Papa Franġisku fihom. Ngħid id-dritt huma graffiti ħelwin imma li jitneħħew wara ftit għaliex ma jaqblux mal-ambjent tal-belt eterna!

U l-istess Malta. Bosta xhur ilu fil-Belt Valletta dehru għadd minn dawn id-disinnji li tabilħaqq kienu ħelwin. Ma damux wisq ma tneħħew għax wara kollox ma jaqblux mal-belt mibnija mill-Kavallieri. Hawn ma nistax ma ngħidx li hemm bosta aktar ħwejjeġ li ma jaqblux mal-ambjent tal-Belt Valletta li ħadd qatt ma gerger dwarhom!

Issa ftit ilu dehru xi tpinġijiet fuq il-blat fil-bajja tax-Xlendi Għawdex. Dan il-fatt ġab ir-rabja ta’ bosta Maltin. Jien nifhem ir-rabja ta’ dawn il-Maltin li ma raw xejn sabiħ f’dak li ħaddieħor għadnu mnejn jaraha opra tal-arti. De gustibus non disputandum est, hekk jgħid il-Latin, dwar il-gosti ta’ dak li jkun ma naqbdux argumenti għax ma naqblux żgur għax min iħobb ħaġa u min iħobb oħra.

Imma ejjew inħallu barra l-valur artistiku ta’ dawn il-graffiti u nistaqsu lilna nfusna: huwa sewwa li naqbdu bott żebgħa u niktbu jew inpinġu dak li rridu f’post pubbliku? Huwa sewwa li dak li għalija huwa sabiħ inpoġġih quddiem għajnejn ħaddieħor u jrid jew ma jridx ikollu jitqanna bih? Biex dan it-taħżiż, anke jekk ikun sabiħ kemm hu sabiħ, jitneħħa jinvolvi spejjeż. Imbagħad hemm fejn tkun saret ħsara bħal fil-każ tax-Xlendi. Allura hekk sewwa?

Iż-żewġ każi li semmejt, kemm tal-Belt kif ukoll tax-Xlendi, saru minn barranin. Jekk din il-forma ta’ arti ma hijiex aċċettata f’Malta dan għadnu jinkiteb fuq poster kbir ġewwa s-sala tal-wasliet fl-ajruport ta’ Malta għaliex minn hemm irid jgħaddi kulħadd, hemmhekk naraw bosta avviżi, l-aktar fejn jidħol il-mard infettiv u s-saħħa, għaliex  ma għandux isir xi ħaġa simili dwar dan il-ħaġa u b’hekk nevitaw bosta nkwiet wara?


Fr Reno Muscat


Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 21 ta' Ottubru 2017