Meta nkunu barra minn Malta bosta drabi naraw ħitan sħaħ mimlijin żebgħa,
disinnji u kliem li ġieli jagħmel sens u ġieli għalina ma jkunx jagħmel sens.
L-aktar li naraw minn dawn il-graffiti huma f’xi stazzjon tal-ferrovija,
l-aktar jekk inkunu lejn in-Nofsinhar tal-Italja. F’xi postijiet il-ħitan ma
jservux u għalhekk il-vaguni tal-ferrovija jispiċċaw it-tila għal dawn
l-artisti.
F’pajjiżna
F’xi knejjes antiki tagħna għadna nsibu xi graffiti. Mhux kitbiet
biż-żebgħa bħalma nsibu fl-istazzjonijiet tal-farrovija. Il-graffiti antiki
huma minquxin fil-ġebel. Dawn bosta drabi juru xwieni u kienu saru bħala radd
ta’ ħajr lil Alla wara li xi baħrin ikunu ħelsu mill-għarqa. Dan il-grif
mal-ħajt jibqa’ xhud ta’ dik il-grazzja.
Kien hemm żmien li bosta kienu jnaqqxu isimhom fuq xi ħajt jew xi zokk ta’
sigra. Dan ma huwiex arti imma vandaliżmu. Illum jidher li din il-ħaġa ma
għadniex narawha daqs qabel. Forsi l-Maltin saru aktar konxji. Jalla li huwa
hekk!
Xi snin ilu faċċata tal-istage
tal-linja tal-Bombi, fejn jieqfu l-karozi tal-linja li jgħaddu mill-Imsida,
kien hemm kitba interessanti li damet ftit hemmhekk. Din kienet tgħid hekk: The world is full of kings and queens that
blind your eyes and steal your dreams. Forsi hawn min ma jafx li din ma
hija xejn għajr silta mid-diska Heaven And Hell tal-grupp mużikali Black
Sabbath. Din il-kitba tneħħiet iżda dehret mill-ġdid fi triq li twasslek lejn
l-Università ta’ Malta. F’dan l-istess post darba kien hemm kitba li tgħid: The people get the government they deserve.
Din ukoll ma hijiex sentenza ġdida għaleix kienet użata minn Alexis de
Tocqueville, politiku Franċiż tas-seklu XVIII, minn Joseph de Maistre,
filosofu, kittieb u avukat tal-istess seklu, kif ukoll minn għadd ta’ oħrajn.
Verità
Dawn iż-żewġ sentenzi huma veritajiet, imma biex nuru dawn il-veritajiet
hemm bżonn niktbuhom fuq il-ħajt? Il-ħitan li saru fuqhom ma humiex spażji fejn
isiru kitbiet fihom.
La qed insemmu l-ispażji fejn wieħed jista’ jesprimi dak li jaħseb billi
jikteb jew ipinġi mal-ħajt, tajjeb wieħed isemmi li hawn Kunsilli Lokali li
joffru spażju għal din il-ħaġa. Naf li f’ nofs il-Fgura hemm erba’ ħitan fejn
isir fuqhom dan ix-xogħol. Nemmen li hemm regola u mhux kulħadd jista’ jaqbad u
jpinġi jew jikteb li jrid. Snin ilu l-Kunsill Lokali ta’ Ħaż-Żebbuġ kien offra
spażji lill-artisti tar-raħal biex dawn ikunu jistgħu juru ħilithom. Illum ma
jidhirlix li fadal minn dawn l-ispażji.
Kultura tagħna
Ikollna nammettu li dawn il-kitbiet jew tpinġijiet ma humiex fil-kultura
tagħna, u nistqarr li personalement narahom jistonaw mal-ambjent Malti.
F’Borgo Pio qrib il-Vatikan ġewwa Ruma, spiss jinbtu xi graffiti. Aktar min
darba deher il-Papa Franġisku fihom. Ngħid id-dritt huma graffiti ħelwin imma
li jitneħħew wara ftit għaliex ma jaqblux mal-ambjent tal-belt eterna!
U l-istess Malta. Bosta xhur ilu fil-Belt Valletta dehru għadd minn dawn
id-disinnji li tabilħaqq kienu ħelwin. Ma damux wisq ma tneħħew għax wara kollox
ma jaqblux mal-belt mibnija mill-Kavallieri. Hawn ma nistax ma ngħidx li hemm
bosta aktar ħwejjeġ li ma jaqblux mal-ambjent tal-Belt Valletta li ħadd qatt ma
gerger dwarhom!
Issa ftit ilu dehru xi tpinġijiet fuq il-blat fil-bajja tax-Xlendi Għawdex.
Dan il-fatt ġab ir-rabja ta’ bosta Maltin. Jien nifhem ir-rabja ta’ dawn
il-Maltin li ma raw xejn sabiħ f’dak li ħaddieħor għadnu mnejn jaraha opra
tal-arti. De gustibus non disputandum est,
hekk jgħid il-Latin, dwar il-gosti ta’ dak li jkun ma naqbdux argumenti għax ma
naqblux żgur għax min iħobb ħaġa u min iħobb oħra.
Imma ejjew inħallu barra l-valur artistiku ta’ dawn il-graffiti u nistaqsu
lilna nfusna: huwa sewwa li naqbdu bott żebgħa u niktbu jew inpinġu dak li
rridu f’post pubbliku? Huwa sewwa li dak li għalija huwa sabiħ inpoġġih quddiem
għajnejn ħaddieħor u jrid jew ma jridx ikollu jitqanna bih? Biex dan it-taħżiż,
anke jekk ikun sabiħ kemm hu sabiħ, jitneħħa jinvolvi spejjeż. Imbagħad hemm
fejn tkun saret ħsara bħal fil-każ tax-Xlendi. Allura hekk sewwa?
Iż-żewġ każi li semmejt, kemm tal-Belt kif ukoll tax-Xlendi, saru minn
barranin. Jekk din il-forma ta’ arti ma hijiex aċċettata f’Malta dan għadnu
jinkiteb fuq poster kbir ġewwa s-sala tal-wasliet fl-ajruport ta’ Malta għaliex
minn hemm irid jgħaddi kulħadd, hemmhekk naraw bosta avviżi, l-aktar fejn
jidħol il-mard infettiv u s-saħħa, għaliex
ma għandux isir xi ħaġa simili dwar dan il-ħaġa u b’hekk nevitaw bosta
nkwiet wara?
Fr Reno Muscat
Nessun commento:
Posta un commento