Problema li spiss
sirna nħabbtu wiċċna magħha dawn l-aħħar għexieren ta’ snin hija dik
tad-dimentia, bniedem jinsa. Mhux għax qabel ma kienx jinsa l-bniedem iżda llum
billi qiegħed jgħix aktar, il-moħħ xorta jikber u jitlef in-newroni li jikkontibbwixxu
għall-fakultà tal-memorja.
Professur
tal-psikoloġija darba qalilna li l-moħħ donnu ferrovia, jekk tkun mimlija,
iridu jinżlu n-nies biex nies ġodda li jkun hemm fi stazzjon isibu post,
kemm-il darba ma jinżlux nies, dawk tal-istazzjon jibqgħu l-art. U hekk il-moħħ
meta jimtela, jew jinsa l-qadim u jiftakar il-ġdid jew jinsa dak li seħħ minuta
ilu u jiftakar dak li seħħ snin twal ilu. Din it-tixbiha tista’ faċilment tfehmna
għaliex id-dimentia saret daqstant komuni.
Biss hemm modi
oħrajn kif il-bniedem jinsa. Mhux ħaġa kbira li dak li jkun jinsa, speċjalment
meta l-bniedem ikun taħt stress jew dak li jkollu jiftakar ma jkunx tant
importanti. Faċli li student li jkun studja kemm felaħ, imur għall-eżami u ma
jiftakar xejn minn dak li jkun ilu jaqra u jfittex dwaru min jaf kemm! Din
il-ħaġa tiġri spiss. Hemm min jinsa jagħmel xi dmir li jkollu jagħmel. Dawn
il-każi ma għandhom xejn x’jaqsmu mad-dimentia, huma ħaġa li jiġru lilna lkoll.
Fil-ħajja tagħna
hemm ċerti waqtiet li importanti ħafna li ma ninsewhomx. Wara li tkun ħraqt
idek bin-nar, importanti li tiftakar li n-nar jista’ jikkmawżalek uġigħ! Dan
huwa eżempju sempliċi; hemm waqtiet aktar serji li l-bniedem ma jaqbillux
jinsa.
Auchwitz
Tabella ġewwa Auchwitz |
Xogħli ħadni ġewwa
l-Kamp ta’ konċentrament ta’ Auchwitz aktar minn darba. Fid-daħla ta’ waħda
mill-barrakki hemm tabella li dejjem saħħarni l-kliem li hemm miktub
fuqha. Fuqha hemm il-kliem ta’ George
Santayana: “Dawk li ma jiftakrux l-imgħoddi huma kundannati li jerġgħu jgħixuh.”
Auchwitz għalhekk
għadu miftuh biex ifakkar dak li seħħ hemmhekk u f’għadd ta’ kampijiet ta’
konċentrament oħrajn matul l-aħħar gwerra dinjina. Auschwitz jibqa’ jfakkarna u
ma jħallina qatt ninsew. Il-kliem ta’ Santayana jagħmel wisq sens hawnhekk.
Insa
Għaqlin bħas-sriep u safjin bħall-ħamiem |
Spiss xi membru
tal-kleru jkun jipprietka u jħeġġeġ lin-nies biex tinsa. Imma xi jfisser tinsa?
Ġesù anżi avżana biex ma ninsewx. Kien Kristu stess li qal: “Kunu mela għaqlin
bħas-sriep u safjin bħall-ħamiem.” (Mt 10, 16) Jekk trid tkun għaqli ma tistax
tinsa. Imbagħad jiġi dan it-tali u fil-prietka
tiegħu jgħidlek “Insa”. Imma l-kelma
“Insa” f’dan il-kuntest ma tfissrix li titħassar minn moħħok dik il-ħaġa li
lilek tkun għamlitlek il-ħsara imma tfisser li ma għandux ikollok sens ta’
tpattija lejn min ikun wettaq miegħek xi inġustizzja jew azzjoni ħażina. Mela
tinsa qatt jekk trid tkun għaqli. Tinsiex li “Dawk li ma jiftakrux l-imgħoddi
huma kundannati li jerġgħu jgħixuh”.
Jista’ jkun li
min ikun wettaq miegħek xi azzjoni ħażina jkun agħar minnek u jkun għamel dan
frott tal-għira. Mhux bil-fors, imma probabbli! Erħilu, tpattix inti, hemm min
ipattilu. Xogħlok mhux il-vendetta imma li tibqa’ żżomm lil dak il-bniedem
talli hu. Iżżommx f’qalbek imma kun għaqli bħas-sriep.
Illum lanqas
kompjuter ma jinsa. Minkejja li tħassar u tneħħi u tnaddaf il-memorja, xorta
jibqa’ traċċa. Aħseb u ara moħħ ta’ bniedem b’saħtu!
Kif tista’ tinsa?
Bla ma trid tibda’
tistaqsi: “Kif tista’ tinsa?” Jekk il-manager tak transfer biex jakkomoda u
jpaxxi lill-kollega tiegħek: kif tista’ tinsa? Jekk kollega gideb fuqek
mal-imgħallem: kif tista’ tinsa? Jekk l-imgħallem minflok sama’ iż-żewġt
iqniepen sama’ biss il-qanpiena tal-parti li gibdet fuqek: kif tista’ tinsa?
Nistgħu nibqgħu sejrin bl-eżempji!
Il-Malti jgħid “
Min jagħmel bixkilla jagħmel qartalla”, jiġifieri min jasal jagħmel ħaġa żgħira
mhux ser isibha bi kbira biex jagħmel xi ħaġa kbira. Mela għalhekk importanti
li ma ninsewx għax dak li jkun jista’ jerġa’ jiftakar fina. Tinsa qatt il-kliem
ta’ George Santayana għax ikollok terġa’ tgħaddi mill-istess storja ħabib!
Tinsiex! Żomm f’moħħok imma mhux f’qalbek. Jekk iżżomm f’qalbek ma ssib paċi
qatt.
Jekk għad jiġi
misluf lilek l-għomor, għad jiġi żmien li tinsa għax xi ftit jew wisq ilkoll
inbatu bid-dimentia fi xjuħitna. Min ftit u min ħafna. Imma jekk jasal dak
il-waqt żomm il-memorji anke jekk ma jkunux wisq sbieħ. Dawn huma t-tarka li tipproteġik
mill-attakki li jistgħu jerġgħu jseħħu fil-ġejjieni. Mela tinsiex iżda neħħi
minn qalbek kull sens ta’ vendetta li jista’ jkollok. Fuq kollox tinsiex lil
min għamillek il-ġid, lil min abbek, lil min waqaf miegħek matul il-waqtiet
diffiċli. Tinsa qatt it-tajjeb li sar miegħek.
Le tinsiex. It-tajjeb
kun grat lejh u l-ħażin tinsiehx biex ma terġax tgħaddi minnu.
Fr Reno Muscat
Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon 29 ta' Ottubru 2017
Nessun commento:
Posta un commento