domenica 22 ottobre 2017

Bieb miftuħ beraħ

“Tibżgħux! Iftħu, anzi, iftħu beraħ, il-bibien għal Kristu!”

Din il-frażi li ħarġet minn fomm il-Papa li mexxa lill-Knisja Kattolika mit-tieni għat-tielet millennju, Ġwanni Pawlu II, tibqa’ sinonima miegħu. Huwa tennieha fl-omelija tal-quddiesa tal-bidu tal-pontifikat tiegħu, nhar it-22 ta’ Ottubru, 1978, u baqa’ jgħixha sa l-aħħar jum ta’ ħajtu nhar it 2 ta’ April, 2005.

Hija frażi li fiha wieħed x’jifhem u x’jixtarr! Ġwanni Pawlu semma’ l-bibien. Il-bibien għandhom użu speċifiku, dak li jsakkru u ma jħallux lil min ma rridux jidħol, jirfes mill-għatba ‘l ġewwa. Iżda huwa qalilna biex niftħu beraħ il-bibien għal Kristu. Qalilna biex għal Kristu ninsew dan l-iskop li għandhom il-bibien. Huwa argument metaforiku li fi ftit kliem ifisser Iftħu qlubkom!

Il-Papa Wojtyla, wara l-pontifikat ta’ Pawlu VI u l-pontifikat qasir ta’ Albino Luciani, minbarra isimhom, wiret ukoll sitwazzjoni xejn faċli. Wieħed irid iżomm quddiem għajnejh is-sitwazzjoni politika dinjija ta’ dak iż-żmien. L-orizzont politku u soċjali kien wieħed skur b’ żewġ blokki politiċi lesti għal xulxin, bi gwerra nukleari mdenndla b’ xagħara. F’ dik l-istess omelija il Papa qal “ Iftħu l-konfini ta’ l-istati, is-sistemi ekonomiċi u dawk politiċi, l-oqsma vasti tal-kultura, taċ-ċivilta u ta’l-iżvilupp.”

Huwa kliem mimli għerf u għaqal li meta wieħed jiġi biex jipprattikah mhux daqstant faċli. Is-sigriet huwa wieħed. Jekk il-bibien jibqgħu mbarrati ma jista’ jsir xejn, iżda jekk dawn l-istess bibien jinfetħu u jinfetħu beraħ għal Kristu, id-dinja tista’ tinbidel. Il-Papa Wojtyla nistgħu ngħidu li fetaħ il-bibien kemm tiegħu kif ukoll dawk tal-Knisja. Kien Papa miftuħ għal kulħadd. Ma kienx jistenna li l-poplu jmur ħdejh imma kien imur hu stess ħdejn il-poplu. Nemmen li ma nkunx qiegħed niżbalja jekk ngħid li kien hu li fetaħ beraħ il-bibien tal-Knisja għal dak li intqal fil-Konċilju Vatikan II iktar minn għaxar snin qabel il-bidu tal-pontifikat tiegħu. Wojtyla fetaħ il-bibien tal-Knisja beraħ għall-ekumeniżmu u d-djalogu. (Ġustament ngħidu li kienu saru passi kbar qabel f’ dan il-qasam, biżżejjed insemmu l-għajta ta’ Papa Ġwanni XXIII, “Infittxu dak li jgħaqqadna u mhux dak li jifridna”) Bil-ftuħ ta’ dan il-bieb seta’ jitnaddaf ftit mill-għanqbut u l-moffa li forsi kienu trabbew matul is-snin. Xhieda ta’ pass kbir f’dan il qasam hija t-talba li għamel ħdejn il-ħajt hekk imsejjaħ tal-bikkejja f’ Ġerusalemm waqt iż-żjara tiegħu fl-Art Imqaddsa:

O Alla ta’ missirijietna,
inti għażilt lil Abraham u lid-dixxendenza tiegħu
sabiex Ismek ikun imxandar lill-ġnus:
aħna ninsabu tabilħaqq imnikkta
għall-imġieba ta’ dawk
li matul l-istorja ġiegħlu lil dawn l-ulied isofru,
nitolbuk maħfra u rridu naħdmu
għal fraternita tassew
mal-poplu tal-patt.
Bi Kristu Sidna. Amen (26 ta’ Marzu, 2000)

Konxju mis-sentiment tal-weġgħat ta’ l-imgħoddi, il-Papa Ġwanni Pawlu II talab maħfra għal xi nuqqasijiet li setgħu saru mill-Knisja, jew aħjar minn xi membri tagħha, fis-snin l-imgħoddija. Huwa wkoll iltaqa’ ma mexxejja ta’ religjonijiet oħra u kien l-ewwel Papa li daħal f’ Moskeja. Il-bieb tiegħu nistgħu ngħidu li fetħu beraħ għal kulħadd, bla ebda distinzjoni.

Il-pontifikat tiegħu kien dominat minn nies. Nies ta’ kull ġens u stat ta’ ħajja. Kellu mod uniku kif jikkomunika. Lit-tfal kien jaf jimmeraviljhom. Fl-ittra li kitbilhom fit-13 ta’ Diċembru, 1994 qalilhom hekk:

Għeżiez tfal,

Jiena u niktbilkom qed naħseb meta ħafna snin ilu kont tifel bħalkom. Allura jien ukoll, illum ngħix l-atmosfera sabiħa tal-Milied, u meta l-istilla ta’ Betlem tibda tiddi, jien ukoll inħaffef immur lejn il-presepju sabiex ngħix mill-ġdid dak li ġara fil-Palestina 2000 sena ilu.

Minn dawn il-vrus tidher il-meravilja li tant timmpressjona lit-tfal. Hawn ergajna rajna lit-tfajjel Karol qisu jibqa’ mibluh bħal ma jiġrilhom it-tfal quddiem xi presepju sabiħ. U x’meravilja hemm ikbar minn Kristu? Bil-bieb miftuħ beraħ għal Kristu, it-tfal jistgħu jgħixu din il-meravilja tul ħajjithom kollha.

Għal tant miljuni ta’ żgħażagħ kien sar bħal idolu. Kull fejn mar kien ikun hemm għadd kbir ta’ żgħażagħ warajh. Għalihom kellu stedina sabiex jiftħu bwiebhom u ma jibżgħux. Kien jaf iresqilhom is-sabiħ, il-ferħ u l-għana tal-ħajja. U x’inhuma dawn il-ħwejjeġ jekk mhux dak li joffri Kristu? Is-sabiħ, l-hena u l-ġid mingħajr Kristu huma biss frugħa.

L-ewwel stedina li rrid nagħmel tmur għall-irġiel u n-nisa żgħażagħ tal-lum, u din l-istedina hija : Tibżgħux!  Tibżgħux miż-żgħożija tagħkom u minn dawk ix-xewqat li joffrulkom l-hena, il-verita, is-sbuħija u l-imħabba! Kultant jingħad li s-soċjeta tibża’ minn dawn ix-xewqat taż-żgħażagħ u li intom stess tibżgħu minnhom ukoll. Meta nħares lejkom iz-żgħażagħ, inħoss ġewwa fija gratitudni u tama. Il-futur, is-seklu li ġej huwa f’ idejkom. Il-futur tas-sliem jinsab f’qalbkom. Biex tibnu l-istoja kif tixtiequ u kif għandu jkun, jeħtieġ li tinħelsu mix-xewqat foloz li tinsabu mdawrin bihom.”
 (1 ta’ Jannar, 1985 – Jum dinji tal-Paċi)

Minbarra stedina, il-Papa hawn qiegħed joffri sfida. Sfida għall-ħajja. Minkejja l-mewġ kollu li jiltaqgħu miegħu ż-żgħażagħ, huwa kellu tama fihom. Urihom li kemm-il darba biebhom ikun miftuħ beraħ għal Kristu, jistgħu jmexxu d-dinja ‘l quddiem mingħajr ma jitkaxxkru mal-kurrent. Ma tantx tisma’ kliem favur iż-żgħażagħ, iżda Ġwanni Pawlu tkellem favurihom ħafna drabi għax kien jemmen fihom.

Id-dehra tiegħu, speċjalment fl-aħħar snin  ta’ ħajjtu, kienet messaġġ għall-imnikket u l-marid. Minkejja t-tbatija tiegħu huwa baqa’ sa ftit qabel mewtu qrib in-nies, ħaġa li żgur kienet ta’ kuraġġ u wens għal bosta. Kien bniedem sod. Bniedem determinat. Bniedem li fl-aħħar ta’ ħajtu kien ta’ saħħa fiżika dgħajfa imma ta’ qawwa morali kbira. Kien bneidem kbir. Is-sigriet ta’ kobor dal-bniedem kien il-bieb miftuħ beraħ għal Kristu.

Il-funeral tiegħu kien turija ta’ kemm dan  kollu huwa minnu. L-ebda fruntiera ta’ eta, sess, ġens, razza, ilsien, lewn jew twemmin ma żammet lil dik il-folla emormi milli tagħti l-aħħar tislima tagħha lil dan il-bniedem li f’ żgħożitu xtaq isir artist, imma qalbu ressqitu lejn is-seminarju sabiex ħaddan is-saċerdozju u spiċċa bit-tmun tal-Knisja ta’ Kristu f’idejh. Artist li mhux ħadem il-parti imma għexha! Wieħed mill-artisti prinċipali li l-istorja għad trid titkellem dwaru. Artist li kellu l-parti li jgħin sabiex tinbidel id-dinja. Iva, artist li ħadem il-parti tiegħu b’ mod eċċezjonali.
 
It-2 ta’ April, 2005, fid-9.37 ta’ filgħaxija. Karol mar jiltaqa’ mal-ħallieq tiegħu, ma’ Kristu, li għalih kellu l-bieb miftuħ beraħ kif ukoll ma’ Marija Santissima li tant kien iħobb, u li lilha kien offra lilu nnifsu – Totus Tuus. Mar jiltaqa’ wkoll mal-ġemgħa tal-qaddisin, fosthom l-482 qaddis u l-1,338 beatu li pproklama matul is-26 sena u nofs ta’ pontifikat tiegħu

U l-bieb miftuħ beraħ ma ngħalaqx ma’ mewtu, l-isfida tibqa’ sejra: “Tibżgħux! Iftħu, anzi, iftħu beraħ, il-bibien għal Kristu!”


Fr Reno Muscat


 Dan kien wieħed mill-ewwel artikli tiegħi f'In-Nazzjon, Marzu 2006




Nessun commento:

Posta un commento