Visualizzazione post con etichetta quddies. Mostra tutti i post
Visualizzazione post con etichetta quddies. Mostra tutti i post

sabato 10 dicembre 2022

Il-liri tal-Knisja


Spiss nisimgħu min jgħid li l-Knisja hija entità sinjura u li jmissha tbigħ ir-rikkezzi li għandha biex tqassamhom lill-foqra. Jien ngħid mill-ewwel li ma nafx x’għandha l-Knisja universali, la naf x’ġid għandu l-Vatikan u lanqas naf x’tippossedi l-kurja ta’ Malta, imma ser nikteb dwar realtà li ngħixha kuljum.

Patrimonju

Tabilħaqq li f’bosta knejjes naraw opri tal-arti li jiswew il-miljuni ta’ ewro. Imma kemm minnhom tista’ tiddisponi l-Knisja biex bi flushom ittaffi tant tbatija li hawn madwar id-dinja? Dawn l-opri llum huma patrimonju tad-dinja u għalhekk ħadd ma jista’ jmiss xejn minnhom aħseb u ara jbigħ! Min jaf kemm tiswa il-Pietà ta’ Michelangelo kieku kellha tinbiegħ? Imma l-Vatikan ma jistax ibigħha għax dik hija patimonju ta’ kull bniedem u ma għandha tkun qatt f’xi kollezzjoni privata. Mur erġa’ agħmilha llum! Mur erġa qajjem lil Michelangelo mill-qabar biex jerġa’ jisklopiha!

U dan il-patrimonju ma jinsabx biss fil-Vatikan. Anke l-knejjes ta’ pajjiżna fihom bosta rikkezzi, biss l-ebda opra minnhom ma tista’ tinbiegħ. Ħa nġib eżempju wieħed biss. Ħa nsemmi statwa titulari li naħseb il-Maltin kollha jammettu li hi waħda mill-isbaħ li nsibu f’pajjiżna. Timmaġina li l-kapitlu ta’ Birkirkara jbigħ l-istatwa ta’ Santa Liena? Min ser jerġa’ jqajjem lil Salvu Psaila minn ġewwa qabru biex jerġa’ jagħtina opra oħra bħal dik? Allura jkollna nammettu li minkejja r-rikkezzi u l-opri imprezzabbli li naraw fil-knejjes, kemm ta’ pajjiżna kif ukoll fi knejjes madwar id-dinja kollha, ma jiswew xejn fejn jidħol l-argument li l-Knisja għandha tbigħ id-dehbijiet u l-fided tagħha biex tqassam flushom lill-fqar għax fil-verità ma għandha l-ebda setgħa fuqhom imma hija biss tieħu ħsiebhom.

Djar u bini

Hemm xi wħud li jgħidu li l-knisja sinjura għax għandha bosta bini. Tajjeb wieħed ikun jaf li llum f’Malta, il-bini li ma jintużax għal skopijiet ekleżjastiċi ma għadux f’idejn il-Knisja imma d-dħul minnu jmur biex jitħallsu l-għalliema tal-iskejjel tal-Knisja – anzi parti mill-pagi tal-għalliema għax id-dħul minn dawn il-binjiet u djar ma jlaħħaqx mas-somma li hija meħtieġa biex iżżomm daqstant għalliema.

Hawn forsi hawn min jgħid li minn dan id-dħul qed igawdu biss parti mill-poplu Malti, dawk li għandhom uliedhom imorru fi skola tal-Knisja. U hawn huma wkoll żbaljati. L-iskejjel tal-Knisja qed jiffrankaw lill-gvern Malti miljuni ta’ ewro fis-sena. Kieku ma jkunux dawn l-iskejjel l-istat ikollu jaħseb hu għall-edukazzjon i ta’ tant eluf ta’ tfal. Dan ifisser li l-pagi tal-għalliema jibda jkollu jaħllashom il-gvern u allura dan irid iġib il-flus mit-taxxi taċ-ċittadini. Mela anke jekk indirettament, kull Malti qed igawdi mill-kirjiet tad-djar li għandha l-Knisja għax kieku l-istorja mhux hekk ikollu jħallas hu għall-edukazzjoni ta’ dawk l-istudenti li jattendu xi skola tal-Knisja.

Ħajja ta’ lussu

Forsi hawn min jaħseb li s-saċerdoti jgħixu ħajja ta’ lussu. Is-saċerdot djoċesan għandu l-paġa imma s-saċerdot reliġjuż, li jappartjeni għal xi ordni reliġjuż għandu biss pocket money. Jiena bħala saċerdot reliġjuż nista’ nitkellem dwari u ma nafx x’għandu ħaddieħor. Il-pocket money tiegħi huwa ta’ €50 fix-xahar, iva ħamsin ewro fix-xahar li jiġu €1.64, ewro u erba’ u sittin ċenteżmu kuljum. Dik ħajja ta’ lussu li jista’ jgħaddi bniedem b’€1.64 kuljum! Jekk ikollok karozza trid timliha bil-petol, tħallsilha l-insurance u l-liċenzja, toħodha għas-service u meta tinqala’ ħsara toħodha għand il-mekkanik. Illum lanqas tifel ma tagħtih €1.64 biex jgħaddi bihom ġurnata.

Ma rridux ninsew li l-kontijiet jaslu wkoll lis-saċerdoti u lill-kunventi tal-patrijiet ukoll. Naf parroċċi li l-kont tad-dawl biss jaqbeż il-ġbir li jsir fil-knisja. Barraminnhekk hemm spejjeż oħra li ftit jaħsbu li jeżistu. Mhux se nsemmi l-ostji u l-inbid, ix-xemgħat u issa anke s-sanitizer li jridu jinxtraw, imma nsemmi manutenzjonijiet li binjiet kbar bħalma tkun knisja jirrikjedu. Akbar ma tkun il-binja akbar ikun il-kont. U la fil-bidu semmejt l-opri tal-arti, ir-restawr tagħhom ma jsirx b’xejn, anzi llum ħafna minn dan ix-xogħol qed jiġi ffinanzjat, jew tal-anqas parti kbira minnu mill-Unjoni Ewropea.

Imbagħad hemm id-donazzjoni tal-quddies. Biex tagħmel quddiesa tagħti €5 fid-djoċesi ta’ Malta. Din l-elemosina, (għax ma hijiex tariffa, għax min ma jagħtihiex xorta ssirlu l-quddiesa) ilha hekk xi għoxrin sena. Kemm għoliet il-ħajja f’għoxrin sena? Kemm żdiedet il-paga f’għoxrin sena? Imma d-donazzjoni biex issir quddiesa baqgħet l-istess naħseb mill-millenju l-ieħor.

Illum qbadt argument li nemmen li bosta saċerdoti jafu bih imma jibżgħu jitkellmu dwaru. Biss min huwa barra ma jibżax jgħid li l-knisja hija sinjura. Illum ridt nuri kemm min jgħid dan il-kliem ikun żbaljat.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 10 ta' diċembru 2022




sabato 26 maggio 2018

Inkomplu bl-iżbalji


Fl-artiklu tiegħi tal-Ħadd  20 ta’ Mejju f’dan il-ġurnal bdejt insemmi xi żbalji li jsiru waqt iċ-ċelebrazzjoni tal-quddiesa. Kont semmejtu “Żbalji ta’ nhar ta’ Ħadd” imma fis-sewwa kollu dawn l-iżbalji jsiru kuljum. It-tama tiegħi hija li nnaqqsu kemm jista’ jkun minn dawn l-iżbalji. Fl-artiklu l-ieħor kont ktibt dwar meta wieħed jinżel għarkupp tejh waqt il-quddiesa u dwar il-Missierna.

Kliem is-saċerdot waħdu
It-talba Ewkaristika ma tingħadx mill-ġemgħa minkejja nistgħu ngħidu li kulħadd jafha bl-amment. Din hija parti fejn il-ġemgħa għandha tħalli lis-saċerdot jgħid il-kliem tal-konsagrazzjoni waħdu. L-istess ngħidu għad-dossoloġija li tfisser esklamazzjoni ta’ tifħir. Waqt il-quddiesa issir din id-dossoloġija: “Bi Kristu, ma’ Kristu u fi Kristu….” Żball komuni ħafna waqt il-quddiesa hu li l-ġemgħa tgħid flimkien mas-saċerdot dan il-kliem. Hemm partijiet mill-liturġija tal-quddiesa li jingħadu biss mis-saċerdot. L-Ordinament Ġenerali tal-quddiesa tar-Rit Ruman (numru 151) jgħid ċar u tond li din it-talba jew tifħira trid tingħad biss mis-saċerdot u l-ġemgħa twieġeb biss “Ammen” warajh. Din il-ħaġa naqrawha fuq il-missal li nkunu qed inqaddsu minn fuqu u jgħidha ċara u tonda l-Ordinament Ġenerali (ara:  https://bit.ly/2qUM1Qm)

L-istess ħaġa nistgħu ngħidu għat-talba tal-paċi: “Mulej Ġesù Kristu, li għidt lill-Appostli tiegħek, inħallilkom is-sliem, nagħtikom is-sliem tiegħi ….” Din għandha tingħad biss mis-saċerdot u mhux minn kulħadd minkejja li hawn min jgħid lill-ġemgħa biex tgħid miegħu.

Is-sinjal tal-paċi
Meta kont għadni nistudja Ruma kont ngħix f’kunvent li kellu miegħu parroċċa u għalhekk kont inqaddes fiha. Fil-parti tal-paċi kien isir terrimot ċkejken fil-knijsa għaliex it-Taljani għandhom vizzju li jieħdu b’idejn xulxin jew ibusu ħaddejn xulxin waqt l-għoti tal-paċi. Dan biex ma nsemmix dak li kont nisma’ meta kont għadni ngħix Napli fejn kollox huwa aktar storbjuż u kollox aktar ikkulurit. Intant fil-parroċċa ta’ Ruma kien iqaddes ukoll patri li biex jevita li fil-quddiesa tiegħu isir dak it-terrimot, kien jaqbeż il-parti: “Agħtu l-paċi lil xulxin”. Fl-Eżortazzjoni Appostolika Sacrasantum Caritatis tal-Papa Benedettu XVI, (numru 49) jgħidilna li: “Is-sinodu tal-isqfijiet jista’ jimmodera dan il-ġest li jista’ jieħu espressjoni eċċessiva u għalhekk joħloq konfużjoni fil-ġemgħa ftit qabel il-waqt tat-tqarbin. Niftakru li jekk isir biss sinjal ħafif ma jnaqqas xejn mill-valur tal-ġest u jżomm klima adattata fiċ-ċelebrazzjoni. Pereżempju nistgħu nagħtu l-paċi li dawk biss li jkunu ħdejna.”

Naħseb li dan il-kliem ma għandux bżonn ta’ żieda miegħu għaliex  juri ċar x’titlob il-Knisja f’dan il-waqt. Ħaġa li xejn ma ddoqqli hija li wara li s-saċerdot jgħid: “Il-Paċi tal-Mulej tkun dejjem magħkom” u l-ġemgħa twieġbu “U miegħek ukoll”, ikun hemm min imur jieħu b’idejn is-saċerdot. Għalfejn, mela l-ewwel paċi ma tgħoddx?

Il-Kardinal Antonio Cañizares Llovera, li kien Prefett tal-Kongregazzjoni tal-Kult Divin (2008-2010) kien qal li dan il-ġest mhux obbligatroju waqt il-quddiesa. (Vatican Insider 1/08/14)

Il-barka tal-aħħar
Żball ieħor li spiss isir fil-quddiesa huwa fil-barka li s-saċerdot jagħti lill-poplu fl-aħħar tal-quddiesa. Issib min jgħid il-kliem “Il-Missier, l-Iben u l-Ispirtu s-Santu”. Min qed jagħti l-barka lil min? il-ġemgħa lis-saċerdot jew is-saċerdot lill-ġemgħa? F’din il-parti il-ġemgħa għandha tbaxxi ftit rasha u kull ma tgħid huwa l-Ammen tal-aħħar, sakemm ma jkunx hemm il-barka solenni u allura l-kelma Ammen tintqal aktar minn dabra, iżda l-kliem tar-radd tas-salib ma għandux jingħad.

Dawn huma xi ftit żbalji komuni li nsibu fil-liturġija, mhux tagħna l-Maltin imma tal-Insara kollha. L-imħabba lejn il-liturġija wasslitni biex nikteb dwarhom. Jalla nnaqqsu minnhom biex ikollna liturġija aktar uniformi, aktar skont kif titlob il-Knisja Universali.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'Il-Mument -  27 ta' Mejju 2018



domenica 20 maggio 2018

Żbalji ta’ nhar ta’ Ħadd


Dan l-aħħar ħareġ ir-riżultat tal-istħarriġ li l-Knisja ta’ Malta għamlet lejn tmiem is-sena l-oħra. Dan juri li 40% jew tnejn minn kull ħames Maltin imorru regolarment il-quddies nhar ta’ Ħadd. Tassew li dan in-numru ma huwiex il-maġġoranza tal-Insara Maltin, imma ma rridux ninsew ċerti realtajiet li qegħdin ngħixu fihom.

Ġieli kellmuni nies li minħabba xogħolhom ma jkunux jistgħu jattendu l-quddiesa tal-Ħadd. Ma kontx nifhem sakemm fehmuni l-qagħda tax-xogħol fil-qasam tal-ikel, l-aktar tal-fast food.  Jekk bniedem is-Sibt filgħaxija jaħdem sat-tard u l-għada filgħodu mas-sebgħa jrid jerġa’ jkun fuq il-post tax-xogħol għal tnax-il siegħa oħrani, x’ħin jista’ jisma’ quddiesa? Dawn in-nies, li ħafna minnhom huma żgħażagħ studenti, f’dan l-istħarriġ jagħmlu parti mis-60% li ma jmorrux quddies regolari l-Ħadd.

Il-punt tiegħi illum mhux li naraw l-attendenza fil-Knisja jew in nuqqas tagħha imma li 40% mhux persentaġġ żgħir u li tajjeb wieħed jieħu ħsiebu. Qrajt artiklu interessanti dwar xi żbalji li qed isiru waqt il-quddies u li xtaqt naqsmu magħkom. Illum inġibu parti minnu, aktar il quddiem inkomplu dan l-argument. Dan kien artiklu miktub bit-Taljan li kien tradott mill-Franċiż. Dan jurina biċ-ċar li dawn l-iżbalji ma jsirux minna biss!

L-assemblea li tinġabar għall-quddiesa hija waħda u għalhekk jixraq li jkun hemm sintonija fil-liturġija, ritwali u kliem li jingħad.

L-ewwel żball
Waqt il-mument tal-konsagrazzjoni, wieħed għandu jinżel għarkupptejh jew joqgħod bil-wieqfa? L-Ordinament Ġenerali tal-quddiesa tar-Rit Ruman (numru 43), jiġifieri ir-rit li nużaw aħna, jitlob li waqt it-talba tal-konsagrazzjoni l-poplu jinżel għarkupptejh. Iżda dan jista’ ma jsirx jekk dak li jkun ma jkunx  jiflaħ jinżel għarkupptejh jew jekk il-post ikun żgħir u minħabba l-folla jkun impossibbli li dak li jkun jinżel għarkupptejh jew l-art fejn tkun qed issir il-quddiesa ma tkunx tajba jew għal xi raġuni serja oħra, dak li jkun jista’ jibqa’ bilwieqfa. L-Ordinamnet Ġenerali madanakollu jitlob li dak li jkun ibaxxi rasu profondament  waqt li s-saċerdot ikun qed jagħmel l-inkin. Il-Knisja titlob li dak li jkun, jibqa’ għarkupptejh  waqt it-talba Ewkaristika kollha sakemm is-saċerdot jgħid: “Dan hu l-misteru tal-fidi” u l-kongregazzjoni twieġeb dak li għandha twieġeb.

Hawn inżid xi ħaġa oħra: it-Talba Ewkaristika jgħidha biss is-saċerdot u ħadd aktar. Tiskanta kif hawn min jibda jgħid kelma kelma miegħu!

Il-Missierna
It-talb normalment jispiċċa bil-kelma “Ammen” u hekk tispiċċa wkoll it-talba tal-Missierna, iżda waqt il-quddiesa din it-talba ma tintemmx bil-kelma Ammen iżda bil-kliem: “iżda eħlisna mid- deni”. Hawn ġieli jsir żball ukoll għax xi wħud iżidu l-Ammen meta ma għandiex tingħad. Hawnhekk it-talba ma tkunx għadha spiċċat għax is-saċerdot ikompli mat-talba tal-Missierna: “Eħlisna nitolbuk Mulej minn kull deni, eċċetra eċċetra u l-Ammen tingħad sewwasew qabel ma tingħata l-paċi. Hawnhekk naraw li din il-parti, li tissejjaħ Ir-Rit tat-Tqarbin tinkorpora fiha it-talba tal-Missierna u  din it-talba ma tingħadx waħdeha. Għalhekk l-Ammen ma għandiex tingħad meta s-saċerdot jistieden lill-poplu biex jitlob it-talba li għallimna Sidna Ġesù Kristu.

Għal-lum se nieqaf hawn, imma l-artiklu li qrajt jien ikompli u jien ukoll bi ħsiebni nkompli nwasslilkom xi tagħrif li sibt fih biex il-liturġija tal-quddiesa tal-Ħadd issir kemm jista’ jkun kif suppost, skont in-normi li tagħtina l-Knisja Kattolika.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f' Il-Mument - 20 ta' Mejju 2018





sabato 11 ottobre 2014

Il-ħaddiema huma ftit!

Il-qagħda tal-Knisja f’Malta nafu sewwa x’ inhi, ma hemmx għalfejn noqgħodu ngħidu wisq. Bejn wieħed u ieħor il-knisja ta’ Malta qegħda fl-istess sitwazzjoni tal-Knejjes l-oħra kollha. Nafu li x-xogħol żdied u l-ħaddiema naqsu. Nafu li xogħol il-ħaddiem fl-għalqa tal-Mulej ma għadux bejn il-ħitan tal-knisja imma jrid joħroġ hu isib lil min għandu bżonnu. Imma billi l-ħaddiema huma ftit ma jfissirx li għandna naqtgħu qalbna.

Nuqqas ta’ vokazzjonijiet
Illum ma għadux iż-żmien li jkun hemm ordinazzjonijiet presbiterali kbar bħalma kien ikun hemm għadd ta’ snin ilu. Madanakollu kien hemm żmien li kien agħar minn dak tal-lum fejn jidħol in-numru ta’ vokazzjonijiet. Minbarra s-seminarju għandna wkoll id-djar tal-formazzjoni tar-reliġjużi. Ma ninsewx li fil-Knisja minbarra l-qassisin jeżistu wkoll il-patrijiet. Bosta drabi f’ moħħna inpinġu Knisja tal-qassisin u l-patrijiet neskluduhom minn moħħna.

In-nuqqas ta’ vokazzjonijiet jinħass ukoll fil-ħajja reliġjuża, in-numru ta’ patrijiet kull ma jmur qiegħed ukoll jonqos u spiss qegħdin nisimgħu li xi ordni kellha tħalli xi xogħol li kienet tagħmel, bħall-kura tal-morda fl-isptarijiet, minħabba n-nuqqas ta’ persuni li jistgħu jagħmlu dan ix-xogħol. Tassew li kultant il-ħajja reliġjuża f’ Malta ma tantx hija attraenti biex żagħżugħ jiddeċiedi li jagħżel dik il-ħajja. Sfortunatament għandna t-tendenza li l-faqar evanġeliku li nipprofessaw aħna r-reliġjużi nibdluh f’ miżerja. Meta toffri l-miżerja l-ebda żagħżugħ ma jitħajjar jingħaqad miegħek. Mill-banda l-oħra, f’ xi postijiet barra minn Malta, il-faqar evanġeliku ma huwiex miżerja u l-membri jgħixu ħafna aħjar minn ċerti hawn Malta, fejn xi patrijiet lanqas għandhom €1 pocket money kuljum. B’danakollu il-kmamar tal-kunventi f’ dawn il-pajjiżi barranin ma humiex kollha mimlijin lanqas. Allura nikkonkludu li hawn kriżi fil-vokazzjonijiet, kriżi dinjija.

Nuqqas ta’ pjanar
Illum f’ pajjiżna sirna nsibu parroċċi li fihom hemm saċerdot wieħed biss li jrid ilaħħaq ma’ kollox: quddies ta’ kuljum, qrar, magħmudijiet, żwiġijiet, funerali u nsomma dak kollu li fil-knisja jrid jagħmlu bilfors is-saċerdot. Din ir-realtà kull ma tmur qegħda tiżdied u tikber. Ma hijiex parroċċa waħda f’ pajjiżna li diġa tinsab f’ din is-sitwazzjoni. Mill-banda l-oħra hemm postijiet oħra li fihom hemm il-preżenza tal-patrijiet. F’ dawn il-każi il-poplu huwa aktar moqdi, imma din ma hijex in-norma imma l-eċċezzjoni. Aktar hawn irħula u bliet li għandhom in-nuqqas minn dawk li għandhom l-abbundanza.

Fi rħula fejn hemm numru ta’ kunventi, bħar-Rabat, Birkirkara jew il-belt Valletta din il-problema tinħass inqas minn irħula kbar li ma fihomx kunventi tal-patrijiet bħal Ħaż Żebbuġ, is-Siġġiewi jew Ħal Qormi. Jidher sewwa l-iżbilanċ bejn dawk il-postijeit li semmejt l-ewwel u dawk li semmejt it-tieni. U dawn ma humiex l-aktar parroċċi batuti. Dan is-sajf żort il-Parroċċa ta’ Lourdes, Raħal Ġdid u dik tal-Għargħur. F’ dawn iż-żewġ parroċċi hemm il-kappillani waħedhom. Fi rħula fejn hemm kunventi tal-patrijiet hemm saċerdoti aktar milli hemm quddies. Nahseb li hemm x’ nistgħu nagħmlu biex intejbu ftit is-sitwazzjoni. Naħseb li hemm nuqqas ta’pjanar fit-taqsim tal-ħaddiema fl-għalqa tal-Mulej.

Joffru servizz
Naf li hemm xi patrijiet li joffru servizz f’ xi parroċċi. Għala le? Nemmen li din ma għandiex tkun l-eċċezzjoni imma n-norma. Għalfejn patri ma għandux ikun assenjat f’ parroċċa djoċesana? U jekk ikun hemm ħtieġa għalfejn patri ma jkunx kappillan f’ parroċċa li ma tkunx marbuta mal-kunvent tiegħu?  Nistgħu nibqgħu naħlu r-riżorsi? Nistgħu nibqgħu naċċettaw il-qagħda li qegħdin fiha issa, fejn min ikollu jqaddes tnejn jew tliet quddisiet kuljum u fejn quddiesa tkun iċċelebrata minn tnejn, jew tliet saċerdoti? X’ differenza hemm bejn il-patri u l-qassis? Mhux it-tnejn ministri ta’ Alla, mhux it-tnejn għandhom l-Ordni Sagri? L-akbar eżempju huwa tal-Arċisqof Cremona. Huwa patri li intgħażel biex joffri servizz għad-djoċesi. Għalfejn fuq skala iżgħar din il-ħaġa ma ssirx? Għalfejn inħallu l-poplu nieqes mis-servizz li għadna nistgħu noffru?

Jaqbel li naqbdu l-barri minn qrunu u naraw kif nistgħu nirranġaw xi ftit is-sitwazzjoni li ċerti parroċċi jinsabu fihom. Jekk sejrin nibqgħu nitfgħu t-trab taħt it-tapit, dan se jsir munzell li għada pitgħada jkun diffiċli, jekk mhux impossibli tneħħih. Niftħu għajnejna, naraw x’ ġara f’ pajjiżi oħra u nippruvaw insalvaw dak li għad għandna.


Fr Reno Muscat





Dan l-artiklu deher fin-Nazzjon 11 ta' Ottubru 2014