Il-qagħda
tal-Knisja f’Malta nafu sewwa x’ inhi, ma hemmx għalfejn noqgħodu ngħidu wisq.
Bejn wieħed u ieħor il-knisja ta’ Malta qegħda fl-istess sitwazzjoni
tal-Knejjes l-oħra kollha. Nafu li x-xogħol żdied u l-ħaddiema naqsu. Nafu li
xogħol il-ħaddiem fl-għalqa tal-Mulej ma għadux bejn il-ħitan tal-knisja imma
jrid joħroġ hu isib lil min għandu bżonnu. Imma billi l-ħaddiema huma ftit ma jfissirx
li għandna naqtgħu qalbna.
Nuqqas ta’ vokazzjonijiet
Illum ma għadux
iż-żmien li jkun hemm ordinazzjonijiet presbiterali kbar bħalma kien ikun hemm
għadd ta’ snin ilu. Madanakollu kien hemm żmien li kien agħar minn dak tal-lum
fejn jidħol in-numru ta’ vokazzjonijiet. Minbarra s-seminarju għandna wkoll
id-djar tal-formazzjoni tar-reliġjużi. Ma ninsewx li fil-Knisja minbarra
l-qassisin jeżistu wkoll il-patrijiet. Bosta drabi f’ moħħna inpinġu Knisja
tal-qassisin u l-patrijiet neskluduhom minn moħħna.
In-nuqqas ta’
vokazzjonijiet jinħass ukoll fil-ħajja reliġjuża, in-numru ta’ patrijiet kull
ma jmur qiegħed ukoll jonqos u spiss qegħdin nisimgħu li xi ordni kellha tħalli
xi xogħol li kienet tagħmel, bħall-kura tal-morda fl-isptarijiet, minħabba
n-nuqqas ta’ persuni li jistgħu jagħmlu dan ix-xogħol. Tassew li kultant
il-ħajja reliġjuża f’ Malta ma tantx hija attraenti biex żagħżugħ jiddeċiedi li
jagħżel dik il-ħajja. Sfortunatament għandna t-tendenza li l-faqar evanġeliku
li nipprofessaw aħna r-reliġjużi nibdluh f’ miżerja. Meta toffri l-miżerja l-ebda żagħżugħ ma jitħajjar jingħaqad miegħek.
Mill-banda l-oħra, f’ xi postijiet barra minn Malta, il-faqar evanġeliku ma
huwiex miżerja u l-membri jgħixu ħafna aħjar minn ċerti hawn Malta, fejn xi
patrijiet lanqas għandhom €1 pocket money
kuljum. B’danakollu il-kmamar tal-kunventi f’ dawn il-pajjiżi barranin ma
humiex kollha mimlijin lanqas. Allura nikkonkludu li hawn kriżi
fil-vokazzjonijiet, kriżi dinjija.
Nuqqas ta’ pjanar
Illum f’ pajjiżna
sirna nsibu parroċċi li fihom hemm saċerdot wieħed biss li jrid ilaħħaq ma’
kollox: quddies ta’ kuljum, qrar, magħmudijiet, żwiġijiet, funerali u nsomma
dak kollu li fil-knisja jrid jagħmlu bilfors is-saċerdot. Din ir-realtà kull ma
tmur qegħda tiżdied u tikber. Ma hijiex parroċċa waħda f’ pajjiżna li diġa
tinsab f’ din is-sitwazzjoni. Mill-banda l-oħra hemm postijiet oħra li fihom
hemm il-preżenza tal-patrijiet. F’ dawn il-każi il-poplu huwa aktar moqdi, imma
din ma hijex in-norma imma l-eċċezzjoni. Aktar hawn irħula u bliet li għandhom
in-nuqqas minn dawk li għandhom l-abbundanza.
Fi rħula fejn
hemm numru ta’ kunventi, bħar-Rabat, Birkirkara jew il-belt Valletta din
il-problema tinħass inqas minn irħula kbar li ma fihomx kunventi tal-patrijiet
bħal Ħaż Żebbuġ, is-Siġġiewi jew Ħal Qormi. Jidher sewwa l-iżbilanċ bejn dawk
il-postijeit li semmejt l-ewwel u dawk li semmejt it-tieni. U dawn ma humiex
l-aktar parroċċi batuti. Dan is-sajf żort il-Parroċċa ta’ Lourdes, Raħal Ġdid u
dik tal-Għargħur. F’ dawn iż-żewġ parroċċi hemm il-kappillani waħedhom. Fi
rħula fejn hemm kunventi tal-patrijiet hemm saċerdoti aktar milli hemm quddies.
Nahseb li hemm x’ nistgħu nagħmlu biex intejbu ftit is-sitwazzjoni. Naħseb li
hemm nuqqas ta’pjanar fit-taqsim tal-ħaddiema fl-għalqa tal-Mulej.
Joffru servizz
Naf li hemm xi
patrijiet li joffru servizz f’ xi parroċċi. Għala le? Nemmen li din ma għandiex
tkun l-eċċezzjoni imma n-norma. Għalfejn patri ma għandux ikun assenjat f’
parroċċa djoċesana? U jekk ikun hemm ħtieġa għalfejn patri ma jkunx kappillan
f’ parroċċa li ma tkunx marbuta mal-kunvent tiegħu? Nistgħu nibqgħu naħlu r-riżorsi? Nistgħu
nibqgħu naċċettaw il-qagħda li qegħdin fiha issa, fejn min ikollu jqaddes tnejn
jew tliet quddisiet kuljum u fejn quddiesa tkun iċċelebrata minn tnejn, jew
tliet saċerdoti? X’ differenza hemm bejn il-patri u l-qassis? Mhux it-tnejn
ministri ta’ Alla, mhux it-tnejn għandhom l-Ordni Sagri? L-akbar eżempju huwa
tal-Arċisqof Cremona. Huwa patri li intgħażel biex joffri servizz għad-djoċesi.
Għalfejn fuq skala iżgħar din il-ħaġa ma ssirx? Għalfejn inħallu l-poplu nieqes
mis-servizz li għadna nistgħu noffru?
Jaqbel li naqbdu
l-barri minn qrunu u naraw kif nistgħu nirranġaw xi ftit is-sitwazzjoni li
ċerti parroċċi jinsabu fihom. Jekk sejrin nibqgħu nitfgħu t-trab taħt it-tapit,
dan se jsir munzell li għada pitgħada jkun diffiċli, jekk mhux impossibli
tneħħih. Niftħu għajnejna, naraw x’ ġara f’ pajjiżi oħra u nippruvaw insalvaw
dak li għad għandna.
Fr Reno Muscat
Dan l-artiklu deher fin-Nazzjon 11 ta' Ottubru 2014
Nessun commento:
Posta un commento