Lejlet il-beatifikazzjoni ta’
Papa Pawlu VI
Din is-sena, sewwasew f’April, kienu kkanonizzati żewġ Papiet kbar, Ġwanni
XXIII u Ġwanni Pawlu II. Bejn is-snin li dawn iż-żewġ qaddisin mexxew
lill-Knisja Kattolika kien hemm żewġ papiet oħra. Pawlu VI mexxa f’ dawn
is-snin kollha, għajr għal 33 ġurnata tal-Papat ta’ Ġwanni Pawlu I. Dan il-Papa
issa sejjer ikun beatu, pass qabel huwa
wkoll jiġi kkanonizzat.
Żmien ta’ taqlib għad-dinja
Iż-żmien li Pawlu VI mexxa l-Knisja, mill-1963 sal-1978, xejn ma kienu
faċli. Is-sittinijiet u s-sebgħinijiet tas-seklu li għadda kienu snin li biddlu
wiċċ id-dinja. Kienu snin fejn twieldu movimenti kontestattivi, kienu snin fejn
saret rivoluzzjoni kulturali, snin fejn nibet il-moviment femminista, żmien li
biddel il-mentalità tad-dinja kollha kemm hija.
Fil-Knisja Kattolika wkoll kien hemm bidliet, kien hemm ukoll kuntrasti
bejn dawk marbutin mal-passat u li b’ xejn ma riedu jinħallu minnu u dawk li riedu jitilqu jiġru mal-progress
mingħajr ma jaraw il-konsegwenzi li jistgħu jinqalgħu. Kien żmien il-Konċilju
Vatikan II u ż-żmien ta’ warajh, żmien fejn kien hemm min interpreta t-tagħlim
ta’ dan il-konċilju kif ried jew kif dherlu hu.
Snin taċ-ċomb
L-Italja, tefgħa ta’ ġebla bogħod minn pajjiżna, rat xmara ta’ demm
fit-toroq tagħha lejn tmiem is-sittinijiet, matul is-sebgħinijiet u l-bidu
tat-tmeninijiet. Biex nagħtu stampa
aktar ċara tas-sitwazzjoni insemmu fuq fuq l-attentati prinċipali li seħħew f’
dawn is-snin li qed insemmu. Kien hemm bomba nhar it-12 ta’ Diċembru, 1969 fi
Piazza Fontana, f’ Milan, li ħalliet 16 mejta. Bomba oħra tpoġġiet fuq
ferrovija f’ Gioia Tauro fit-22 ta’ Lulju, 1970. Ħalliet 6 mejtin. Fil-31 ta’
Mejju, 1972 f’ Peteano di Sagrado inqatlu 3 carabinieri. Fis-17 ta’ Mejju tas-sena ta’ wara saret
bomba fil-Questura ta’ Milan li qatlet 4 u ħalliet 52 feruti. Fit 28 ta’ Mejju,
1974 ġewwa Piazza della Loggia fi Brescia splodiet bomba li qatlet 8 min nies.
Tliet ġimgħat wara il-Brigate Rosse qatlu żewġ suldati f’ Padova. Fl-istess
sena, fil-lejl tal-4 ta’ Awwissu tisplodi bomba fuq ferrovija f’ San Benedetto
Val di Sambro, qrib Bologna, liema attentat kien ħalla 12 mejta u 48 feruti.
Fit-28 ta’ Mejju, 1979 inqatel it-Trejdunjonista Guido Rossa, fit 2 ta’
Awwissu, 1980, splodiet bomba fl-istazzjon ċentrali tal-ferrovija ta’ Bologna.
Dan l-attentat terroristiku ħalla 85 persuna mejta u aktar minn 200 feruti.
Il-Każ ta’ Aldo Moro
Fatt li daħal fih direttament il-Papa Pawlu VI kien il-ħtif ta’ Aldo
Moro. Fl-għodwa tal-Ħamis, 16 ta’ Marzu,
1978, il-jum li fih il-gvern Taljan ġdid ta’ Giulio Andreotti kellu jkun
ippreżentat lill-parlament sabiex jikseb il-fiduċja tiegħu, il-karozza li fiha
kien hemm il-president tad-Demokrazija Kristjana, Aldo Moro kienet interċettata
u mwaqqfa ġewwa Via Mario Farini, fil-belt ta’ Ruma. Kien xogħol tal-Brigate
Rosse. F’ tebqa ta’ għajn ġew sparati għadd ta’ tiri li qatlu l-ħames membri
tas-sigurtà li kienu qegħdin jeskortaw lil Moro. Il-president Moro kien maqbud
ostaġġ. Waqt li Moro kien sekwestrat, fis-16 ta’ April, il-Papa Pawlu VI talab
personalment u pubblikament, il-ħelsien ta’ ħabibu Aldo Moro, din it-talba
kienet ippubblikata fil-ġurnali Taljani kollha. Wara 55 jum ta’ priġunerija
Moro inqatel u l-kadavru tiegħu instab fil-bagoll ta’ karozza f’ Via delle Botteghe
Oscure, f’ Ruma.
Fit-tempesta
Fl-2008 inħadem film bit-Taljan li jismu Paolo VI - Il Papa nella tempesta. Dan ġab il-ħajja ta’ dan il-Papa
u wera kemm sofra, sa minn żgħożitu, meta r-reġim Faxxista ordna l-għeluq ta’
organizzazzjonijiet, fosthom l-Azzjoni Kattolika. Saħansitra meta ntgħażel
bħala Arċisqof ta’ Milan, bosta raw dan il-pass bħala tkeċċija ta’ Montini
mill-Kurja Rumana. Intgħażel Papa waqt li kien għaddej il-Konċilju Vatikan II.
Wassal il-Konċilju għat-tmiem. Kien tassew konċilju ekumeniku li laqqa’ kważi
2,500 ruħ bejn kardinali, patriarki u isqfijiet minn madwar id-dinja Kattolika
kollha. Kien il-waqt li neħħa t-tikketta ta’ Knisja Ewroċentrika u taha
t-tikketta ta’ Knisja Missjunarja. Wara l-konċilju l-Knisja sabet ruħha f’
salib it-toroq bejn il-qadim u l-modern. Kienet tassew tempesta imma Pawlu VI
għaraf imexxi. Qadef id-dagħajsa ta’ Pietru meta l-mewġ kien ġej bil-kontra.
Imma jekk nistgħu ngħidu li qadef kontra l-mewġ, żgur ma nistgħux ngħidu li
għażaq fl-ilma. Fetaħ il-bibien tal-Knisja beraħ għal min ried jidħol, mingħajr
ma biddel dak li kien hemm ġewwa. Tassew ħasra li l-Konċilju Vatikan II ħafna
drabi kien interpretat ħażin! Kemm semmewh tajjeb il-film dwaru, il-Papa
fit-tempesta!
Dan huwa Papa Pawlu VI, il-Papa li għaraf jgħix fit-tbatija imma bla ma
qatt ma qata’ qalbu. Ta’ dan biss ukoll jixraqlu jkun mal-lista tal-qaddisin.
Fr Reno Muscat
Dan l-artiklu deher fin-Nazzjona 18 ta' Ottubru 2014
Nessun commento:
Posta un commento