Isqof awżiljarju u
isqof koadjitur
Iż-żmien li
bħalissa għaddejja minnu l-Knisja ta’ Malta, personalment narah żmien opportun
biex il-poplu Nisrani jsir aktar midħla tal-Knisja Kattolika. Dan jista’ jsir
kemm-il darba aħna s-saċerdoti nkunu disposti li nfissru mill-aħjar li nistgħu,
dak li jistaqsuna n-nies.
Mistoqsija li
għamluli xi wħud dan l-aħħar jieM kienet jekk l-Isqof Awżiljarju Mons. Charles
J. Scicluna, għandux id-dritt tas-suċċessjoni għall-epikopat tal-Arċidjoċesi
Maltija. Biex titwieġeb din il-mistoqsija wieħed irid jara ftit x’ jgħid
il-kodiċi tad-Dritt Kanoniku.
X’inhu id-Dritt kanoniku?
Id-dritt kanoniku
huwa għadd ta’ liġijiet, jew normi ġuridiċi li l-Knisja Kattolika għamlet biex
timxi fuqhom. Dawn il-liġijiet jirregolaw l-istrutturi ekkeżjastiċi kollha,
mill-Papa sal-iżgħar Nisrani, minn lajk jew lajka sa kjeriku, saċerdot, patri
jew soru. Nistgħu ngħidu li dan huwa l-kostituzzjoni tal-Knisja Kattolika.
Sal-1917 ma kienx jeżisti kodiċi tad-Dritt Kanoniku, imma minn dejjem kien hemm
għadd ta’ normi u liġijiet fil-Knisja. Il Papa Benedettu XV għaqqad dawn
il-konswetudinijiet u b’ hekk il-knsija kellha l-ewwel kodiċi tad-Dritt
Kanoniku. Fl-1983 il-Papa San Ġwanni Pawlu II ħareġ it-tieni kodiċi tad-Dritt
Kanoniku, iffurmat aħjar u kif tassew għandu jkun kodiċi. F’ dan il-kodiċi
insibu t-tweġiba għall-mistoqsija li ħafna staqsewni.
Awżiljarju u koadjutur
Fil-kanoni 403 sa
411 insibu n-normi li jitrattaw l-isqfijiet awżiljari u koadjuturi. Sa mill-bidu nett (Can. 403 - §1.) naqraw li
fejn ikun hemm ħtieġa jinħatar isqof awżiljarju jew aktar minn wieħed u dawn ma
jkollhomx id-dritt għas-suċċessjoni. Fit-tielet komma tal-istess kanone insibu
hekk: Is-Santa Sede jekk tara li jkun jaqbel, tista’ toħloq uffiċju ta’ Isqof
koadjutur, li jingħata fakultajiet speċjali; l-Isqof koadjutur għandu d-dritt
tas-suċċessjoni. (Can. 403 - §3.)
F’ dawn il-ftit
versi jitwieġbu l-mistoqsijiet ta’ bosta Nsara Maltin li bħalissa jkunu
jixtiequ jafu aktar minn qatt qabel x’ jista’ jseħħ. Mela dan il-kanone juri
biċ-ċar li Monsinjur Isqof Chalres J. Scicluna ma huwiex awtomatikament is-suċċessur ta’ Monsinjur Pawlu Cremona.
Inwarrbu l-legalità
Dak li għidna sa
issa huwa dak li tgħid il-liġi. Imma l-liġi qegħda għall-bniedem u mhux
il-bniedem għal-lliġi. Il-bniedem għandu wkoll l-umanità tiegħu u għalhekk
jaħseb u jitkellem skont dak li jħoss, tgħid x tgħid il-liġi.
U hawn nerġa' insemmi lil Monsinjur Isqof Scicluna imma issa nħallu barra l-lat legali u
d-Dritt Kanoniku. Dan is-sacerdot fl-1995 beda jaħdem Ruma bħala Promotur tal-Ġustizzja
fit-Tribunal Suprem tas-Sinjatura Appostolika. Wara, Monsinjur Scicluna nħatar
Promotur tal-Gustizzja fil-Kongregazzjoni tad-Duttrina tal-Fidi. Dan ix-xogħol
wasslu biex jaħdem spalla ma’ spalla mal-Kardinal Josef Ratzinger, u iktar tard
mal-Papa Benedettu XVI. Sabatax-il sena ta’ xogħol fil-qalba tal-Knisja
Kattolika. Ġie Malta biex inħatar Isqof Awżiljarju ... . . .
u issa?
Jien ma rrid
ngħid xejn, qiegħed infisser biss iż-żewġ naħat tal-munita, naħa li tgħidlek li
ma hemmx dritt ta’ suċċessjoni u ma għandux jistenna dak li l-liġi ma tiggarantielux u n-naħa l-oħra tgħid li dan is-saċerdot ħalla kollox warajh,
karriera ta’ 17-il sena Ruma, u ġie Malta biex ikun ta’ spalla għall-Arċisqof.
Jien personalment bħala saċerdot, għamilt wegħda ta’ ubbidjenza
mhux lill-persuna imma lill-uffiċju li kienet qegħda taqdi u għalhekk
l-ubbidjenza tiegħu tkun lejn l-uffiċju, ikun immexxi minn min ikun, Nemmen li bħali huma l-kumplament tas-saċerdoti. . . . . . u qiegħed ngħid dan biex ħadd ma jaħseb li għandi xi xamma ta' xiħaġa. . . . xejn minn dan, jien daqskom naf!
Fr Reno Muscat
Nessun commento:
Posta un commento