Is-sehem ta’ Sor Cristina Scuccia, is-soru Orsolina
minn Sqallija, fit-talent show The Voice of Italy, qanqal bosta argumenti, min
favur u min kontra. Is-soru spiċċat biex rebħet dan il-konkors televiżiv.
Kienet mossa sabiħa meta din is-soru telgħet għall-premju, qalet li għandha
ħolma u l-ħolma tagħha kienet li tgħid it-talba tal-Missierna ma’ dawk
il-miljuni kollha li kienu qegħdin isegwu t-trasmissjoni. Bla ma stenniet xejn,
talbet it-talba.
Li tara soru
tieħu sehem f’ konkors ma hijiex xi ħaġa ta’ kuljum u għandu mnejn għalhekk
id-dehra tagħha kienet bħal doċċa kiesha għal bosta minna. Aħna imdorrijin
naraw soru fl-isptar, fl-iskola, mat-tfal, fit-triq, fil-ħwienet, imma tieħu
sehem f’ festival le. Li kellu jkun qassis aktarx li konna nibqgħu
indifferenti. F’ pajjiżna stess ilna mdorrijin b’patrijiet fix-xena mużikali. Kellna
aktar minn wieħed li ħarġu diski. Imma soru qatt.
Madwar id-dinja
hemm bosta partijiet jew qassisn fix-xena tal-mużika. Biżżejjed insemmu lil The
Priests. Fis-snin sittin kienet ħarġet diska li ġġib l-isem Domenique. Din kienet kisbet suċċess
enormi madwar id-dinja. Mhux xi ħaġa rari li diska tikseb suċċess kbir madwar
id-dinja kollha, imma dak li jagħmel speċjali lil din id-diska kienet li din
kienet titkanta minn soru Dumnikana, Sor Luc Gabrielle O.P. kienet ukoll
magħrufa bħala Sœur Sourire, jiġifieri Sor Tbissima.
Issa f’ pajjiżna
għandna grupp ta’ sorijiet li wkoll daħlu għall-festival. Meta smajt bihom għidt
li dawn kienu se jikkupppjaw lil Suor Cristina, imma meta staqsejt qaluli li
l-ħsieb li dawn is-sorijiet jiddaħħlu għall-festival tal-kanzunetta għall-Ewropa
beda ħafna qabel ma Sr Crisitna dehret fil-Voice of Italy. Il-kanzunetta ta’
Ekkesia, l-isem li għażlu dawn is-sorijiet, fiha kliem verament bis-sens. Jalla jaslu fejn
jixirqilhom f’ dan il-festival.
Dan l-aħħar
ir-rebbieha tal-Voice of Italy ħarġet video bid-diska ta’ Madonna, Like a Virgin. Personalment il-kliem ta’
Love and let go jogħġobni elf darba
iktar minn dak tad-diska ta’ Madonna. Din sejra tkun diska waħda mill-album li sejra toħroġ f' Novembru. Insomma s-soru Siċiljana reġgħet kienet
iċ-ċentru ta’ kontroversja sħiħa. Min jaqbel u min ma jaqbilx dwar kemm soru
għandha tkanta diska li fiha kliem mhux kompatibbli mal-ħajja reliġjuża.
Inħallu lil kulħadd jaħsibha kif irid dwar dan.
Niftakar wieħed
professur tiegħi, saċerdot, kien imfittex ħafna mis-sorijiet għall-konferenzi u
l-irtiri. Huwa spiss kien jgħidilhom biex ma jaspirawx wisq fil-għoli, li aħjar
imorru fil-kċina jqaxxru l-patata minflok jippruvaw jistudjaw it-teoloġija. Li
l-Madonna keinet sempliċi mara tad-dar u mhux superjura. Illum hawn sorijiet li studjaw it-teoloġija
daqs il-qassisin u kapaċi jgħallmu u jxandru l-Evanġelju daqs l-aqwa predikatur.
Ma nafx għalfejn kien jgħidilhom hekk dak is-saċerdot? Allaħares is-sorijiet
kollha kellhom jisimgħu minn dan
il-patri għax kieku konna nitilfu naqra talent mhux ħażin!
Fr Reno Muscat
Nessun commento:
Posta un commento