Visualizzazione post con etichetta Xemxija. Mostra tutti i post
Visualizzazione post con etichetta Xemxija. Mostra tutti i post

sabato 19 ottobre 2024

Għajn Rażul u l-inħawi

 

Aħna u neżlin miż-żona magħrufa bħala l-Veċċa, f’San Pawl il-Baħar lejn ix-Xemxija nsibu għajn tal-ilma magħrufa bħala Għajn Rażul.  Għajn kulħadd jaf xi tfisser imma rażul hija kelma għandha mnejn ġejja mill-kelma Għarbija Rasul li tfisser messaġġier u f’dan il-każ inkunu qed nirreferu għall-Appostlu San Pawl għax għall-Maltin wassal il-messaġġ tan-Nazzarenu. Hawn min imbagħad isostni li l-isem tal- rażul huwa derivazzjoni mill-ilsien tal-Feniċi, kelma li tabilħaqq tfisser appostlu.

L-għajn

Dinl-għajn hi ddekorata b’mod sabiħ ħafna. Fil-parti ta’ fuq tagħha nsibu  statwa żgħira minquxa fil-ġebla Maltija, ta’ San Pawl, hemm ukoll l-arma tal-Gran Mastru Vilhena li kien sultan ta’ dawn il-gżejjer bejn l-1722 u l-1736. Taħt l-istatwa hemm kitba bil-Latin li tmur lura sal-1725, jiġifieri sa żmien il-Gran Mastru Vilhena. Fil-bidu ktibt li l-isem Għajn Rażul ifisser l-Għajn tal-Appostlu San Pawl, minħabba li Rasul hi kelma Għarbija li tfisser messaġġier. Iżda hemm min jaħseb mod ieħor. Rażul jew Rażun seta’ kien l-isem tal-proprjetarju ta’ xi oqsma fl-inħawi, jiġifieri isem jew il-laqam ta’ dak li kien jagħmel użu minn dik in-nixxiegħa tal-ilma.

Storja jew tradizzjoni

L-istorja ta’ din il-għajn hija marbuta b’mod sinifikanti mat-tradizzjoni tan-nawfraġju ta’ San Pawl fil-gżejjer Maltin. L-Atti tal-Appostli jiddeskrivu b’mod ċar ħafna kif wara n-nawfraġju, in-nies tal-post , u hawn nassumu li kienu l-Maltin, marru jgħinu lil dawk li kienu fuq ix-xini li sofra n-nawfraġju. Mar-rakkont tal-Atti tal-Appostli, kapitlu 28, inżidu l-leġġenda lokali li tirrakkonta li n-nies tal-lokal ħadu magħhom ħwejjeġ, ikel u ilma iżda kien hemm bżonn aktar ilma. Issa l-ilma minn dejjem problema f’pajjiżna. Meta ra dan, San Pawl ħa l-bastun tiegħu, ħabbat bih fuq l-art  għal tliet darbiet u dlonk ħarġet nixxiegħa fil-post fejn illum hemm din il-għajn.

Ma nafux fiċ-ċert meta din l-għajn twaqqfet għall-ewwel darba iżda sors wieħed isostni li l-parti ta’ isfel tal-għajn kienet imnaqqxa minn blokka waħda antika ta’ granit ta’ data u provenjenza inċerta. Din il-funtana storika tidher li ġiet imċaqalqa waqt xogħlijiet ta’ twessigħ tat-toroq għall-ħabta tas-sena 1900 u minn dakinhar ġiet restawrata mill-inqas darbtejn, l-ewwel darba fl-1989, u t-tieni darba fl-2009. Il-funtana ta’ Għajn Rażul f’San Pawl il-Baħar kienet inkluża fil-Lista għall-Ħarsien tal-Antikitajiet tal-1932 u kienet skedata mill-Mepa bħala monument nazzjonali ta’ Grad 1.

Il-Veċċa

Il-post fejn insibu Għajn Rażul jagħmel kemm mal-Kunsill Lokali kif ukoll mal-Parroċċa ta’ San Pawl il-Baħar iżda huwa magħruf bħala  l-Veċċa. Imma minn fejn oriġina dan l-isem għandna mnejn nistaqsu?

Veċċa huwa l-isem ta’ żewġ inħawi, naħa f’Malta u oħra f’Għawdex. Toponimu li fid-dokumenti nsibuh miktub bħala Vecca. Jista’ jkun li dan it-toponimu ġej mit-Taljan vecchia. F’Għawdex insibu żona li hija magħrufa bħala l-Ħotba tal-Veċċa, art li tinsab bejn il-Qolla l-Bajda u Ta’ Gelmus. F’Malta l-Veċċa hi dik in-naħa tal-bajja ta’ San Pawl il-Baħar, qrib Għajn Rażul. Jista’ jkun li l-Veċċa bdiet tissejjaħ hekk għax min kien jaqra dan l-isem flok vecchia kien jaqraha veċċa u biex ngħidu d-dritt hemm xi djaletti Taljani li minflok Vecchia jgħidu Veccia.

Xemxija

Dan kollu jinsab fiż-żona tax-Xemxija, post imdawwar mill-kampanja u wħud mill-aktar widien fertili f’Malta. Hemm ukoll port tas-sajd pittoresk żgħir. Iż-żona madwar ix-Xemxija ilha abitata sa minn żminijiet preistoriċi. Fiha numru ta’ siti arkeoloġiċi li jinkludu għadd taʼ oqbra mħaffrin fil- blat, fdalijiet taʼ żewġ tempji megalitiċi u aktar.

Fl-1715, l- Ordni ta’ San Ġwann, f’din ix-xaqliba, bena l-Batterija ta’ Arrias bħala parti minn sensiela ta’ fortifikazzjonijiet li jiddefendu l-kosta ta’ Malta. Kienet imsejħa wkoll Xemxija Battery peress li kienet fuq in-naħa tal-bajja tax-Xemxija u għalhekk l-inħawi ta' madwarha saret magħrufa bħala Xemxija. Illum, il-forti hija ristorant.

Fl-1839, l-Ingliżi bnew akwedott biex iwassal l-ilma f’dawk l-inħawi. L-ilma kien jasal minn akwedott taħt l-art f’żona fil-Wardija, magħrufa bħala tal-Ballut, li testendi għal akwedott fuq l-art u mbagħad għal ġibjun li kien hemm  fix-Xemxija. Il-konservazzjoni tal-ilma kienet meħtieġa għall-militar Ingliż u ż-żwiemel tagħhom, li kienu jwettqu l-ħidma tagħhom għad-difiża tal-inħawi fil-qrib.

Illum fix-Xemxija nsibu diversi blokki ta’ appartamenti li għamlu lil dan is-subborg ta’ San Pawl il-Baħar żona residenzjali popolari. Huwa wkoll post ta’ ristoranti u barijiet. Il-bajja llum ma għadux isir għum fiha, imma fi ċkunitna kienet waħda mill-bajjiet l-aktar popolari.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 19 ta' Ottubru 2024



sabato 31 agosto 2024

l-Għajn

Ma nafx kif weħlet f’moħħi il-kelma “Għajn”, kelma polivalenti, kelma b’aktar minn tifsira waħda. Qallibt il-paġni ta’ “Il-Miklem Malti” u sibt li Erin Serracino Inglott juża aktar minn 3 paġni meta jasal f’din il-kelma (Vol 3 paġni 146 – 149). Jien mhux ser ngħid kif fisser din il-kelma Serracino Inglott imma se naqsam magħkom il-ħsibijiet tiegħi.

Organu fil-ġisem

L-għajn hija l-organu li bih il-bniedem jara. Huwa organu ikkumplikat ħafna li trid tagħmel sforz biex tifhmu aħseb u ara biex tispjega kif jaħdem. Insomma, kulħadd jaf x’inhija l-għajn, dik li fil-plural tiġi għajnejn. L-għajn insemmuha spiss fil-qwiel u l-idjomi tagħna l-Maltin. Bogħod mill-għajn, bogħod mil-qalb. Għajn le tara, qalb le tuġa’. Imbagħad hemm qawl ieħor li jista’ jkun kontroversjali llum. Dan jgħid hekk: Il-mara li ma tifhimx b'daqqa t'għajn ma tifhimx b'daqqa ta' ponn. U ieħor xi ftit jew wisq rari: Għall-bejjiegħ għajn waħda u għax-xerrej mitt għajn. Fejn jidħlul- idjomi l-għajn għandha postha wkoll. Mar għal għajnu, għandu bokka t’għajn, qalagħlu għajnu, kisirlu għajnu, tefa’ għajnejh fuq xi ħaġa jew xi ħadd, għajnu marret bih, għokritu għajnu, mar għal għajn xi ħadd, jagħti fil-għajn, għalaq għajn waħda u xi oħrajn ukoll. Jekk xi ħaġa tagħti fastidju lil xi ħadd malajr ngħidu li tagħtu f’għajnu. Meta wieħed ikun fis-sakra tisma’ min jgħidlek “Għajnu ħamra t-tonn!” Fuq kollox tinsa qatt li l-ajru għandu għajnu u l-ħajt għandu widintu!

Fuq id-dgħajjes tas-sajd spiss naraw impinġija xi għajn. Din tissejjaħ l-Għajn ta’ Osiris. Din id-drawwa hija antika ferm u aktarx li ġejja mill-Feniċi fejn kienu jemmnu li din l-għajn tipproteġi lis-sajjieda meta joħorġu jistadu bid-dgħajjes tagħhom.

Għajn tal-ilma

Għajn tfisser ukoll nixxiegħa ta’ ilma ġieri. L-ilma dejjem kien element importanti għall-bniedem u billi f’pajjiżna ma għandniex xmajjar, missirijietna dejjem fittxew l-għejjun għall-ilma. Xi għejjun taw isem lir-raħal jew lix-xaqliba li jinsabu fihom. Insemmu Wied il-Għajn u Għajnsielem kif ukoll Għajn Dwieli u Għajn Tuffieħa. L-Imsida hija magħrufa għall-għajn tal-ħasselin. Fix-Xemxija nsibu Għajn Rażul, ir-Rabat Għawdex insibu Għajn Qatet, f’Kerċem għandna lil Għajn Tuta u fiż-Żebbuġ Għawdex qabel ninżlu għall-Qbajjar ngħaddu minn Għajn Mhelhel. Insibu għadd ta’ żoni oħra marbuta ma’ xi għajn, bħal Għajn Kajjet u Għajn Tejtes fir-Rabat Malta u Ħal Qormi hemm akwata li x-xjuħ tagħna kienu jirreferu għaliha bħala “fejn l-għajn tal-bhejjem” u bosta oħrajn. U l-għajn tal-ilma daħlet ukoll fil-qwiel Maltin. Ngħidu biex ma ddardarx l-għajn li tixrob minnha!

Konsonanti

L-għajn hija wkoll ittra fl-alfabett Malti. Billi llum tilfet il-ħoss tagħha saret problema għal xi wħud huma u jiktbu. Ħafna jħalluha barra u jispiċċaw jiktbu Malti ħażin. Idejjaqni ħafna kliem “Nerġgħu niltaqgħu” meta narah miktub “nerħaw niltaqaw” minflok. In-nies tal-Kottonera għandhom vantaġġ fuq il-kumplament tal-Maltin għax billi l-vokali I u U wara l-għajn jibdlu ħosshom u din il-ħaġa tħawwad lil ħafna, huma jħossu l-I u l-U ta’ wara l-għajn daqslikieku ma hemmx għajn! Biex wieħed jirbaħ dan l-ostakolu irid jaqra kotba bil-Malti kemm jista’ jkun, biss wara l-istħarriġ li sar dan l-aħħar dwar il-qari fost il-Maltin, ma tanx nara possibiltà li l-affarijiet jitjiebu! Interessanti li fl-Għarb Għawdex għad hemm min iħossha l-għajn u jippronunzjaha bħala Ħ.

Xorti ħażina

L-għajn tidħol ukoll fis-superstizzjoni. Hawn min jgħidlek li jemmen fl-għajn ħażina, hawn min meta jitkellem jew jara lil xi ħadd jagħmel il-pala ta’ idu f’forma ta’ qrun biex ibiegħed minnu l-għajn ħażina. Dan it-twemmin jinstab f'ħafna kulturi fir-reġjun tal-Mediterran, fil-Balkani, fl-Ewropa tal-Lvant, fil-Lvant Nofsani, fl-Asja Ċentrali, fl-Asja t'Isfel, fl-Afrika, fil-Karibew u fl-Amerika Latina. F’dawn il-kulturi hemm it-twemmin li jekk tintlaqat minn xi għajn ħażina tmissek sfortuna jew xi korriment. It-twemmin fl-għajn fost il-bnedmin ilu jeżisti mill-preistorja. Tant hu hekk li nstabu amuleti biex jipproteġu kontriha li jmorru lura għal madwar 5,000 sena ilu, jiġifieri mill-Eġittu tal-qedem.

Il-Knisja Kattolika ma temminx bl-għajn imma tammetti li jeżistu ċerti persuni li għandhom ċerti qawwiet straordinarji. Meta staqsew lili jekk nemminx bl-għajn jew le, ippreferejt ma nweġibx u meta staqsewni għalfejn il-Knisja ma temminx bl-għajn għidtilhom li sinjal li għadhom ma għajnux lill-Papa. Hi x’inhi, ħadd ma għandu jmur għand xi persuna oħra biex titneħħielu l-għajn li jaħseb li jkunu laqtuh biha.

L-aħħar għajn

Għajn oħra li lili ġieli tinnervjani hija l-għajn tal-labra tal-ħjata. Dik it-toqba li minnha tgħaddi l-ħajta tissejjaħ għajn ukoll. Kultant ikolli nuża labra u ħajta jien ukoll, f’emerġenza bħal tinqata’ xi buttuna tal-qmis li tkun ser toħroġ biha. U hemm l-għajn tal-labra turik l-għajn (l-organu) fiex inhi.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 31 ta' Awwissu 2024