sabato 31 agosto 2024

l-Għajn

Ma nafx kif weħlet f’moħħi il-kelma “Għajn”, kelma polivalenti, kelma b’aktar minn tifsira waħda. Qallibt il-paġni ta’ “Il-Miklem Malti” u sibt li Erin Serracino Inglott juża aktar minn 3 paġni meta jasal f’din il-kelma (Vol 3 paġni 146 – 149). Jien mhux ser ngħid kif fisser din il-kelma Serracino Inglott imma se naqsam magħkom il-ħsibijiet tiegħi.

Organu fil-ġisem

L-għajn hija l-organu li bih il-bniedem jara. Huwa organu ikkumplikat ħafna li trid tagħmel sforz biex tifhmu aħseb u ara biex tispjega kif jaħdem. Insomma, kulħadd jaf x’inhija l-għajn, dik li fil-plural tiġi għajnejn. L-għajn insemmuha spiss fil-qwiel u l-idjomi tagħna l-Maltin. Bogħod mill-għajn, bogħod mil-qalb. Għajn le tara, qalb le tuġa’. Imbagħad hemm qawl ieħor li jista’ jkun kontroversjali llum. Dan jgħid hekk: Il-mara li ma tifhimx b'daqqa t'għajn ma tifhimx b'daqqa ta' ponn. U ieħor xi ftit jew wisq rari: Għall-bejjiegħ għajn waħda u għax-xerrej mitt għajn. Fejn jidħlul- idjomi l-għajn għandha postha wkoll. Mar għal għajnu, għandu bokka t’għajn, qalagħlu għajnu, kisirlu għajnu, tefa’ għajnejh fuq xi ħaġa jew xi ħadd, għajnu marret bih, għokritu għajnu, mar għal għajn xi ħadd, jagħti fil-għajn, għalaq għajn waħda u xi oħrajn ukoll. Jekk xi ħaġa tagħti fastidju lil xi ħadd malajr ngħidu li tagħtu f’għajnu. Meta wieħed ikun fis-sakra tisma’ min jgħidlek “Għajnu ħamra t-tonn!” Fuq kollox tinsa qatt li l-ajru għandu għajnu u l-ħajt għandu widintu!

Fuq id-dgħajjes tas-sajd spiss naraw impinġija xi għajn. Din tissejjaħ l-Għajn ta’ Osiris. Din id-drawwa hija antika ferm u aktarx li ġejja mill-Feniċi fejn kienu jemmnu li din l-għajn tipproteġi lis-sajjieda meta joħorġu jistadu bid-dgħajjes tagħhom.

Għajn tal-ilma

Għajn tfisser ukoll nixxiegħa ta’ ilma ġieri. L-ilma dejjem kien element importanti għall-bniedem u billi f’pajjiżna ma għandniex xmajjar, missirijietna dejjem fittxew l-għejjun għall-ilma. Xi għejjun taw isem lir-raħal jew lix-xaqliba li jinsabu fihom. Insemmu Wied il-Għajn u Għajnsielem kif ukoll Għajn Dwieli u Għajn Tuffieħa. L-Imsida hija magħrufa għall-għajn tal-ħasselin. Fix-Xemxija nsibu Għajn Rażul, ir-Rabat Għawdex insibu Għajn Qatet, f’Kerċem għandna lil Għajn Tuta u fiż-Żebbuġ Għawdex qabel ninżlu għall-Qbajjar ngħaddu minn Għajn Mhelhel. Insibu għadd ta’ żoni oħra marbuta ma’ xi għajn, bħal Għajn Kajjet u Għajn Tejtes fir-Rabat Malta u Ħal Qormi hemm akwata li x-xjuħ tagħna kienu jirreferu għaliha bħala “fejn l-għajn tal-bhejjem” u bosta oħrajn. U l-għajn tal-ilma daħlet ukoll fil-qwiel Maltin. Ngħidu biex ma ddardarx l-għajn li tixrob minnha!

Konsonanti

L-għajn hija wkoll ittra fl-alfabett Malti. Billi llum tilfet il-ħoss tagħha saret problema għal xi wħud huma u jiktbu. Ħafna jħalluha barra u jispiċċaw jiktbu Malti ħażin. Idejjaqni ħafna kliem “Nerġgħu niltaqgħu” meta narah miktub “nerħaw niltaqaw” minflok. In-nies tal-Kottonera għandhom vantaġġ fuq il-kumplament tal-Maltin għax billi l-vokali I u U wara l-għajn jibdlu ħosshom u din il-ħaġa tħawwad lil ħafna, huma jħossu l-I u l-U ta’ wara l-għajn daqslikieku ma hemmx għajn! Biex wieħed jirbaħ dan l-ostakolu irid jaqra kotba bil-Malti kemm jista’ jkun, biss wara l-istħarriġ li sar dan l-aħħar dwar il-qari fost il-Maltin, ma tanx nara possibiltà li l-affarijiet jitjiebu! Interessanti li fl-Għarb Għawdex għad hemm min iħossha l-għajn u jippronunzjaha bħala Ħ.

Xorti ħażina

L-għajn tidħol ukoll fis-superstizzjoni. Hawn min jgħidlek li jemmen fl-għajn ħażina, hawn min meta jitkellem jew jara lil xi ħadd jagħmel il-pala ta’ idu f’forma ta’ qrun biex ibiegħed minnu l-għajn ħażina. Dan it-twemmin jinstab f'ħafna kulturi fir-reġjun tal-Mediterran, fil-Balkani, fl-Ewropa tal-Lvant, fil-Lvant Nofsani, fl-Asja Ċentrali, fl-Asja t'Isfel, fl-Afrika, fil-Karibew u fl-Amerika Latina. F’dawn il-kulturi hemm it-twemmin li jekk tintlaqat minn xi għajn ħażina tmissek sfortuna jew xi korriment. It-twemmin fl-għajn fost il-bnedmin ilu jeżisti mill-preistorja. Tant hu hekk li nstabu amuleti biex jipproteġu kontriha li jmorru lura għal madwar 5,000 sena ilu, jiġifieri mill-Eġittu tal-qedem.

Il-Knisja Kattolika ma temminx bl-għajn imma tammetti li jeżistu ċerti persuni li għandhom ċerti qawwiet straordinarji. Meta staqsew lili jekk nemminx bl-għajn jew le, ippreferejt ma nweġibx u meta staqsewni għalfejn il-Knisja ma temminx bl-għajn għidtilhom li sinjal li għadhom ma għajnux lill-Papa. Hi x’inhi, ħadd ma għandu jmur għand xi persuna oħra biex titneħħielu l-għajn li jaħseb li jkunu laqtuh biha.

L-aħħar għajn

Għajn oħra li lili ġieli tinnervjani hija l-għajn tal-labra tal-ħjata. Dik it-toqba li minnha tgħaddi l-ħajta tissejjaħ għajn ukoll. Kultant ikolli nuża labra u ħajta jien ukoll, f’emerġenza bħal tinqata’ xi buttuna tal-qmis li tkun ser toħroġ biha. U hemm l-għajn tal-labra turik l-għajn (l-organu) fiex inhi.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 31 ta' Awwissu 2024



Nessun commento:

Posta un commento