Marsalforn 1940 |
Isem
Marsalforn hija kelma komposta. "Marsa" hija kelma Għarbija li
tfisser 'port' jew 'bajja'. Hemm nuqqas ta' qbil dwar l-oriġini tat-tieni parti
tal-kelma - "forn". Forn ifisser "forn" bil- Malti u
l-Għarbi , iżda huwa improbabbli ħafna li dan ikollu x'jaqsam ma' Marsalforn,
għax ma tanx kien jagħmel sens li jinbena forn f'żona b'popolazzjoni żgħira.
Hemm min jgħid l-kelma “forn” ġejja minn xi tip ta’ dgħajsa billi sakemm fis-seklu XVII beda jintuża l-port
tal-Imġarr, hawn kien il-port prinċipali tal-gżira Għawdxija. Oħrajn isostnu li
l-kelma “forn” tirreferi għal daħla, forma ta’ għar jew arkata li jitħaffru
bil-kurrent tal-ilma baħar, u biex ngħidu d-dritt f’din ix-xaqliba ta’ Għawdex
insibu ħafna minn dawn id-daħliet, fosthom l-aktar magħrufa kienet Għar Qawqla,
li llum ma għadhiex teżisti, mhux minħabba l-iżvilupp tal-bniedem imma minħabba
n-natura. Dawn it-tip ta’ għerien jew arkati, jew twieqi, kienu jissejħu
“forna” u għalhekk għandu mnejn Marsalforn ħa ismu minnhom u jfisser il-bajja
tal-għerien!
X’hemm speċjali?
F’Marsalforn hemm wied fertili mdawwar b’diversi għoljiet u kien magħruf bħala l-“kenn tal-għoljiet”. L-aktar famuża minn dawn hija l-Għolja tas-Salvatur li xi wħud isejħulha l-Għolja tal-Merzuq. Ma’ din insemmu l-Għolja tal-Qolla s-Safra u l-Għolja tal-Qolla l-Bajda; tliet għoljiet li kienu jidhru meta xi ħadd kien ikun riesaq lejn Għawdex bil-baħar. Ma ninsewx li kif għidna hawn kien il-port prinċipali tal-gżira. Din hija waħda mit-teoriji għaliex Għawdex jissejjaħ il-Gżira tat-Tliet Għoljiet. L-Għolja tal-Merżuq hija famuża għall-istatwa ta’ Kristu Salvatur li naraw fil-quċċata tagħha. Din tixbah l-istatwa ta’ Kristu fuq il-muntajna Corcovado f’Rio de Janeiro, il-Brażil, iżda fil-qies tagħha, din ta’ Għawdex hija ferm iżgħar. L-istatwa li naraw illum hija t-tielet waħda li kien hemm f’dan il-post. Fil-bidu tas-seklu XX kien twaqqaf salib f’dan il-post. Fis-sena 1904, l-Isqof Giovanni Marija Camilleri, ikkonsagra lill-gżira ta' Għawdex lil Ġesù Redentur u bħala tifkira ta' din il-konsaggrazzjoni saret statwa ta' Kristu Salvatur minflok is-salib kbir tal-injam. It-tieni statwa sabet postha fl-1960 u kienet xogħol ta’ Wistin Camilleri. Dik li nsibu llum saret fis-snin sebgħin minn studenti tal-Iskola tas-Snajja ta’ Għawdex.
Fl-imgħoddi, ħafna Għawdxin, u forsi anke xi Maltin, kienu jirreferu għall-Għolja
tal-merżuq bħala 'il-vulkan' Iżda din
l-għoljiet qatt ma kienet u qatt ma se tkun vulkan, u dan ġie kkonfermat
mix-xjenza ġeoloġika. Madankollu, in-nuqqas ta’ għarfien kien ta lok għal ħafna
leġġendi u ipoteżi, fosthom li ġieli joħroġ id-duħħan tal-vulkan minn fuq
l-għoljiet. Din l-idea kienet imxerrda sew mal-poplu Għawdxi sal-punt li ġieli
kienet tissejjaħ L-Għolja tal-Munġbell. Munġbell kienet il-kelma Semitika għal
vulkan. F’Marsalforn wieħed għadu jista’ jsib triq bl-isem ta’ Triq
il-Munġbell.
Knisja ta’ San Pawl
Leġġenda
Qabel ma nbniet il-fortizza li nsibu fil-bajja, Marsalforn kien psot li
spiss kien ikollu xi żjara mill-furbani. Hemm leġġenda li tgħid li darba
bil-lejl daħal xini tal-furbani fil-port u xi wħud minn dawn il-furbani niżlu
l-art ifittxu ikel u ilma. Jingħad li daħlu f’fron fejn kien hemm għadd ta’
xebbiet iħejju l-ħobż għall-għada. Dawn meta raw il-furbani twerwru u ħabtu ser
jaħarbu mill-bieb ta’ wara tal-forn, iżda waħda minnhom qabdet biċċa għaġina
mill-għaġna li kienet qed tagħmel u waddbitha għal wiċċ wieħed mill-furbani.
It-tfajliet l-oħra għamlu bħalha u qam storbju sħiħ tant li qamu ħafna ġirien
li dlonk ingħaqdu u keċċew lill-furnani lura lejn ix-xini tagħhom.
Illum Marsalforn kiber u żviluppa. Sar l-iktar post popolari tas-sajf
f’Għawdex. Madanakollu dan il-psot għadu l-post tas-sajjieda u għalhekk anke
l-ekonomija tista’ tgħid li tibbaża fuq is-sajd kif ukoll fuq it-turiżmu. Dan
huwa Marsalforn!
Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon -24 ta' Awwissu 2024
Nessun commento:
Posta un commento