sabato 10 agosto 2024

Santa Marija

 

Nistgħu ngħidu li l-istaġun tal-festa tas-sajf Malti jilħaq l-aqwa tiegħu fil-15 ta’ Awwissu bil-festa ta’ Santa Marija jew, biex ngħidu t-titlu uffiċjali: il-festa tal-Assunta tal-Madonna. F’dan il-jum, f’Malta u Għawdex, din il-festa tiġi ċċelebrata f’mhux inqas minn seba’ postijiet: l-Imqabba, il-Qrendi, il-Mosta, Ħ’Attard, il-Gudja, Ħal Għaxaq, u r-Rabat f’Għawdex. Hemm parroċċi oħra li wkoll jiċċelebraw din il-festa iżda mhux f’dan il-jum bħalma huma Ħad-Dingli, l-Imġarr Malta, Birkirkara u ż-Żebbuġ Għawdex.

Din mhijiex biss festa reliġjuża iżda wkoll festa pubblika li nistgħu ngħidu timmarka n-nofs tas-sajf twil u sħun tagħna, fejn ukoll ħafna negozji jagħlqu l-ħanut biex jagħtu nifs lill-impjegati tagħhom.

Festa kbira

Għad-dilettanti tal-festi, Santa Marija hija r-reġina tal-festi tal-istaġun. Id-dilettant ikollu xalata ta’postijiet xi jżuru u d-dilettant tal-arti tan-nar jikkonfondi fejn jaqbad imur għax ikun hawn veru spettaklu tal-logħob tan-nar spettakolari u kreattiv. F’xi rħula, iċ-ċelebrazzjonijiet jibdew ġimgħatejn qabel il-jum il-kbir, u jilħqu l-qofol tagħhom b’wirjiet ta’ logħob tan-nar spettakolari fl-14 u l-15 ta’ Awwissu.

Eluf ta’ Maltin jerħulha lejn Għawdex għaċ-ċelebrazzjonijiet tal-festa ta’ Santa Marija fir-Rabat, sewwasew fil-katidral ta’ din id-djoċesi. Il-festa fir-Rabat Għawdex tinkludi spettaklu agrikolu u ta’ artiġjanat f’Villa Rundle u tiġrijiet taż-żwiemel tul Triq ir-Repubblika, żewġ karatteristiċi li jixbhu l-festa ta’ San Pietru u San Pawlu, l-Imnarja, li ssir f’Malta f’Ġunju. It-tradizzjoni li hawnhekk isiru tiġrijiet taż-żwiemel tmur lura għal meta n-nies kienu jinġabru fiċ-ċittadella, jirkbu ż-żwiemel, il-bgħula u l-ħmir, u jorganizzaw tiġrijiet spontanji b’dawn il-bhejjem tax-xogħol.

Pellegrinaġġi

Tradizzjoni antika marbuta ma’ Santa Marija li kienet għadha popolari sal-ewwel deċennji tas-seklu 20 kienu pellegrinaġġ f’ġieħ il-Madonna mtellgħa s-Sema. Il-pellegrini kienu jżuru seba' parroċċi li jiċċelebraw il-festa tal-Assunta, u minn hawn twieled l-isem tal-pellegrinaġġ, “is-seba' Santa Marijiet.” Il-pellegrinaġġ kien isir bil-lejl biex tiġi evitata s-sħana tal-ġurnata, u jintemm bid-dawl tal-jum. Il-​pellegrini kienu jmorru bil-​mixi. Iżda bl-introduzzjoni tal-karozzi tal-linja, il-pellegrinaġġ tilef ħafna mis-sinifikat tiegħu u llum spiċċa għal kollox.

Operation Pedestal

Dan il-jum huwa wkoll marbut ma’ paġni koroh tal-istorja ta’ Malta. Qed nirreferi għal żmien it-Tieni Gwerra Dinjija. Malta kienet l-aktar pajjiż bbumbardjat matul it-Tieni Gwerra Dinjija, peress li kienet bażi navali kruċjali għall-Imperu Brittaniku. Flotta ta’ 15-il bastiment merkantili flimkien ma’ skorta navali kbira Ngliża, daħlet fil-Mediterran fil-lejl tal-10 ta’ Awwissu 1942, biex iġibu ikel u ħtiġijiet oħra tant neqsin minn Malta li kienet assedjata mill-għadu tant li kienet waslet biex iċċedi. Ħamsa biss mill-vapuri merkantili b’xi mod ħelsuha mill-attakk tal-għadu. Wieħed mill-vapuri merkantili, li ġab provvedimenti tant meħtieġa lejn Malta, kien it-tanker Ohio. Daħal donnu b’miraklu fil-Port il-Kbir fl-14 ta’ Awwissu 1942. Il-Maltin qiesu dan il-konvoj bħala s-salvatur tagħhom fis-siegħa estrema tal-bżonn u dlonk laqqmuh “il-konvoj ta’ Santa Marija.”

Mhux parroċċi biss

Minbarra s-seba’ parroċċi li jiċċelebraw il-festa tal-Assunta fil-15 ta’ Awwissu u l-erba’ parroċċi l-oħra li jiċċelebraw il-festa ta’ Santa Marija f’xi jum ieħor, insibu għadd kbir ta’ knejjes jew kappelli oħra mxerdin mal-gżejjer Maltin li huma ddedikati lit-Tlugħ ta’ Marija fis-Sema. Insibu xejn anqas minn 29 kappella bl-akbar numru f’Ħal Qormi fejn insibu tliet kappelli taħt dan it-titlu: Santa Marija tal-Ħlas, Santa Marija tal-Qrejċa u Santa Marija ta’ fuq tal-Blat. F’Ħaż-Żebbuġ, fil-Għargħur, fin-Naxxar, fir-Rabat ta’ Malta, fis-Siġġiewi, fiż-Żejtun u f’Ħaż-Żabbar insibu żewġ kappelli ddedikati lill-Assunta. F’bosta minn dawn il-kappelli għadha tigi organizzata festa ċkejkna lil Santa Marija bħal ngħidu aħna fil-Ħamrun, fil-Knisja tal-Madonna ta’ Atoċja, f’Ħal Qormi, fil-Knisja ta’ Santa Marija tal-Ħlas u f’Ħaz-Żebbuġ fejn issir il-festa ta’ Santa Marija fil-kappella ta’ Ħal-Muxi.

Nazzjonali

Ma nistgħux nitkellmu dwar Santa Marija u ma nsemmux is-Santwarju tal-Madonna Ta’ Pinu fl-Għarb Għawdex, li minkejja li nsejħulha Ta’ Pinu, hija knisja wkoll iddediakta lill-Madonna mtellgħa s-sema. Is-Santwarju li naraw illum ħa ismu minn kappella ċkejkna li fl-antik kienet tinsab f’nofs l-għelieqi. Din il-kappella kienet issemmiet fiż-żjara pastorali tal-Isqof Fra Domenico Cubelles fl-1545. Huwa kiteb li din ma kinitx ilha wisq li reġgħet inbniet. Dan ifisser li kien hemm tal-anqas kappella oħra qabel din. Il-kappella oriġinali kienet inbniet mill-familja Gentile u għalhekk kienet magħrufa bħala ‘Tal-Ġentili’. Il-bini tas-Santwarju l-ġdid inbeda fit-30 ta’ Mejju, 1920 fuq il-pjanta tal-perit Andrea Vassallo. Fit-13 ta’ Diċembru tal-1931, Mons. Mikiel Gonzi, dak iż-żmien Isqof ta’ Ghawdex, ikkonsagrah. Disa’ xhur biss wara, l-Isqof Gonzi ġab it-titlu ta’ Bażilika lis-Santwarju Ta’ Pinu. Ma nkunx qed neseġera jekk ngħid li dan huwa wieħed mill-postijiet l-akar għeżież għall-Insara Maltin.

Mhux ta’ b’xejn li Santa Marija hija miżmuma b’tant għożża minna l-Maltin.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 10 ta' Awwissu 2024



Nessun commento:

Posta un commento