Visualizzazione post con etichetta Ġesu. Mostra tutti i post
Visualizzazione post con etichetta Ġesu. Mostra tutti i post

sabato 29 dicembre 2018

Familja


F’dan l-aħħar Ħadd tas-sena, il-Knisja qegħda tiċċelebra l-festa tal-Familja Mqaddsa ta’ Nazzaret magħmula minn Ġużeppi, Marija u Ġesù. Din il-familja tiġi proġettata bħala mudell għall-familji kollha Nsara, anzi mhux dawn biss imma għal kull familja fid-dinja.

Mill-Evanġelji
Ftit li xejn nafu dwar din il-familja u l-ftit li nafu nafuh mill-Evanġelji. Nafu li kienet familjaosservanti tal-liġi Lhudija billi naqraw il-fatt tal-preżentazzjoni ta’ Ġesù fit-tempju. Nafu li din il-familja kellha taħrab minn pajjiżha, titlaq darha u tmur tistkenn ġewwa l-art tal-Eġittu minħabba li r-re Erodi ried joqtol lil Ġesù. Nafu li din il-familja reġgħet lura lejn artha wara l-mewt ta’ dan is-Sultan li kien ordna l-qtil tat-trabi subien kollha minn sentejn ’l isfel li kien hemm fir-raħal ta’ Betlem. Nafu wkoll li Ġużeppi kellu s-sengħa ta’ mastrudaxxa. Nafu li meta Ġesù kellu madwar tnax-il sena din il-familja kienet marret lura lejn darha għaliex ta’ dik l-età t-tfajjel intilef fit-tempju ta’ Ġerusalemm. Mill-bqija dak li ngħidu dwar din il-familja hu kollu meħud minn kitbiet li ma jagħmlux parti mill-Bibbja jew minn xi presuppożizzjonijiet oħra.

Għaqda
Il-familja li tagħha qegħdin  nagħmlu festa llum hija magħquda minn Ġesù. Huwa Ġesù li għaqqad lil Marija u lil Ġużeppi flimkien. Għalhekk din il-familja tiġi preżentata bħala mudell għal kull familja oħra għaliex Ġesù jista’ jgħaqqad kull familja. Parir li nħobb nagħti jiena waqt li kun qed nipprietka f’xi quddiesa ta’ tieġ huwa biex il-koppja żżomm f’moħħha l-familja mqaddsa u tagħmel bħalha; ma ddaħħal lil ħadd bejn il-koppja ħlief lil Ġesù.

X’inhi familja?
Il-kunċett ta’ familja llum il-ġurnata huwa vast aktar milli kien xi snin ilu. Sa ftit snin ilu meta konna nsemmu familja konna naħsbu fir-raġel flimkien ma’ martu u wliedhom. Imma jekk nieqfu sa hawn biss inkunu qed neskludu bosta realtajiet oħrajn. Jekk koppja ma jkolliex tfal allura ma tistax tissejjaħ familja? Jekk parti mill-koppja tiġi nieqsa, allura l-familja tintemm għal kollox? Jekk aħwa baqgħu d-dar u ma żżewġux ma jistgħux jgħidu li jgħixu fi ħdan familja? U kemm sitwazzjonijiet oħra niltaqgħu magħhom illum?  Illum il-kunċett ta’ familja twessa’ ħafna aktar milli kien qabel anke b’introduzzjonijiet ta’ liġijiet ċivili li jirregolaw sitwazzjonijiet li qabel lanqas biss konna noħolmuhom. Ma nistgħux naċċettaw dak biss li naqblu miegħu aħna, ikollna nżommu saqajna mal-art, ma ndaħħlux rasna fir-ramel u naraw ir-realtajiet anke ġodda li sirna nsibu fejn tidħol il-familja.

Familja hija l-post fejn tħossok milqugħ, aċċettat u maħbub. Jekk jiena ngħix f’komunità u nħossni milqugħ, aċċettat u maħbub allura nkun nista’ ngħid li ngħix f’familja, jekk din il-komunità ma nħossiex taċċettani, la tilqa’ u lanqas tappoġġja l-ideat tiegħi u ma turinix imħabba, allura ma nkun nista’ ngħid qatt li nkun qed ngħix f’familja. Il-familja hija l-bejta li fiha nħossni komdu.

Hi liema kwalità hi l-familja tiegħek, illum qed jiġi preżentat mudell għalik, il-famija ta’ Nazzaret, familja ta’ ħaddiem tal-id, mhux fqar imma lanqas xi sinjuruni. Ħaddiem tas-sengħa bħalma kien San Ġużepp kien meqjus li jista’ jżomm familja fit-triq tan-nofs, bogħod mill-faqar bla ħafna lussu żejjed. Din hija familja li tgħallimna minkejja li ftit li xejn nafu dwarha.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'Il-Mument - 30 ta' Diċembru 2018


sabato 15 settembre 2018

Ejja oqgħod


Aħna l-Maltin għandna d-drawwa li lil dak li jkun insellmulu meta nkunu ser ninfirdu bil-kliem “Ejja oqgħod”, kliem li jekk nifhmu xi jrid ifisser sewwa nindunaw li nkunu qed ngħidu lil dak li jkun li meta jiġi f’darna nifirħu bih u nieħdu gost bil-preżenza tiegħu magħna.

Il-Knisja wkoll tistedinna mmorru noqgħodu. Tistedinna mmorru nżuru lil din il-familja li bosta minna jagħmlu parti minnha.

L-istedina “Ejja oqgħod” ma tfissirx li għandna mmorru lura lejn dar dak li jkun qed jistedinna imma tfisser li jekk inkunu nħossuna komdi u jkollna l-pjaċir li nerġgħu mmorru, inħossuna liberi li nagħmlu hekk. Sewwasew kif tistedinna l-Knisja, immorru lura fiha għax inħossuna komdi u f’postna.

Imma llum hawn ħafna li qed isibu elf skuża biex ma jersqux lejn il-Knisja. Tassew li ġieli nisimgħu b'aħbarijiet li jnikktuna bil-kbir, ġrajjiet, vera jew ivvintati, li jaqsmu qalb kull min għandu għal qalbu lil din l-entità universali. Iżda mhux sewwa li kulħadd jitpoġġa fl-istess qoffa. L-iżbalji minn membri tal-Knisja jsiru tabilħaqq għaliex aħna lkoll umani, aħna lkoll suġġetti għall-iżball u fuq kollox il-Knisja hija magħmula minn bnedmin u ladarba l-bniedem huwa dgħajjef, hemm ukoll il-waqgħat, hemm l-iżbalji, hemm id-difetti. Li ħafna jinsew hu li l-Knisja minbarra l-umanità tagħha għandha wkoll id-divinità għax hija entità mwaqqfa minn Ġesù Kristu li kellu n-natura ta’ Alla.

Ħalli naqsam magħkom ħsieb li kiteb ħabib tieħgi fuq facebook. Dan ktieb hekk: Ta’ kuljum madwar id-dinja jittajru eluf ta’ ajruplani; l-ebda aġenzija tal-aħbarijiet ma tirrapporta kemm huwa n-numru ta’ titjiriet li jsiru kuljum, imma jekk wieħed minn dawn l-eluf ta’ ajruplani tiġrilu xi disgrazzja, l-aġenziji tal-aħbarijiet tad-dinja kollha jirrappurtaw dak li seħħ. Tassew ħsieb li jgħodd anke għall-Knisja. Hawn bosta li donnhom jehdew jiktbu kontra l-Knisja. Li tpoġġi lil kulħadd fl-istess qoffa huwa ġudizzju ħażin li jirrifletti anke nuqqas ta’ maturità fuq min jagħmlu. Ħafna jsibu l-iskuża biex ma jersqux aktar lejn il-Knisja għax jisimgħu xi storja. Imma l-fidi ma għandiex tkun mibnija fuq l-individwu jew fuq l-imġieba ta’ individwu imma fuq twemmin. Jekk tkun issegwi tim tal-futbol u tkun tassew tħobbu, jekk jiġi żmien li ma jkunx sejjer tajjeb ma jfissirx li ma tibqax issegwih, ma tibqax tħobbu. Dan ikun iż-żmien tal-prova, żmien diffiċli imma li għandu mnejn ma jdumx ma jgħaddi. Illum il-Knisja wkoll għaddejja minn żmien diffiċli, imma wara kollox f’dawn l-elfejn sena li ilha mwqqfa, meta ma kelliex taffaċċja diffikultajiet u provi?

Darba lil Ġesù qalulu li bosta nies kienu qed jitilquhom u hu pront qalilhom li jekk iridu jistgħu jitilqu huma wkoll. "Tridux titilqu intom ukoll?" (ĠW6:67).  Dan ma jfissirx li Ġesù keċċiehom imma qalilhom ċar u tond li Hu ma jorbot lil ħadd bil-ktajjen, aħna liberi, ħielsa u mhux ilsiera, jekk irridu nistgħu nibqgħu imma jekk irridu nistgħu nitilqu wkoll, il-bibien huma miftuħin beraħ kemm biex nidħlu kif ukoll biex noħorġu. Ladarba l-bieb huwa miftuħ ifisser ukoll li aħna għandna dritt u mhux obbligu li nkunu ġewwa. “Ejja oqgħod!” hawnhekk hija l-frażi addattata għax hija stedina għad-dar komuni tagħna, id-dar u mhux il-ħabż, id-dar fejn il-bieb ma jissakkarx biex iħallina ġewwa iżda huwa miftuħ beraħ għalik u għalija.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'Il-Mument - 16 ta' Settembru 2018