Aħna l-Maltin għandna
d-drawwa li lil dak li jkun insellmulu meta nkunu ser ninfirdu bil-kliem “Ejja
oqgħod”, kliem li jekk nifhmu xi jrid ifisser sewwa nindunaw li nkunu qed
ngħidu lil dak li jkun li meta jiġi f’darna nifirħu bih u nieħdu gost
bil-preżenza tiegħu magħna.
Il-Knisja wkoll
tistedinna mmorru noqgħodu. Tistedinna mmorru nżuru lil din il-familja li bosta
minna jagħmlu parti minnha.
L-istedina “Ejja oqgħod”
ma tfissirx li għandna mmorru lura lejn dar dak li jkun qed jistedinna imma
tfisser li jekk inkunu nħossuna komdi u jkollna l-pjaċir li nerġgħu mmorru,
inħossuna liberi li nagħmlu hekk. Sewwasew kif tistedinna l-Knisja, immorru
lura fiha għax inħossuna komdi u f’postna.
Imma llum hawn ħafna li
qed isibu elf skuża biex ma jersqux lejn il-Knisja. Tassew li ġieli nisimgħu b'aħbarijiet
li jnikktuna bil-kbir, ġrajjiet, vera jew ivvintati, li jaqsmu qalb kull min
għandu għal qalbu lil din l-entità universali. Iżda mhux sewwa li kulħadd
jitpoġġa fl-istess qoffa. L-iżbalji minn membri tal-Knisja jsiru tabilħaqq
għaliex aħna lkoll umani, aħna lkoll suġġetti għall-iżball u fuq kollox
il-Knisja hija magħmula minn bnedmin u ladarba l-bniedem huwa dgħajjef, hemm
ukoll il-waqgħat, hemm l-iżbalji, hemm id-difetti. Li ħafna jinsew hu li
l-Knisja minbarra l-umanità tagħha għandha wkoll id-divinità għax hija entità
mwaqqfa minn Ġesù Kristu li kellu n-natura ta’ Alla.
Ħalli naqsam magħkom
ħsieb li kiteb ħabib tieħgi fuq facebook.
Dan ktieb hekk: Ta’ kuljum madwar id-dinja jittajru eluf ta’ ajruplani; l-ebda
aġenzija tal-aħbarijiet ma tirrapporta kemm huwa n-numru ta’ titjiriet li jsiru
kuljum, imma jekk wieħed minn dawn l-eluf ta’ ajruplani tiġrilu xi disgrazzja,
l-aġenziji tal-aħbarijiet tad-dinja kollha jirrappurtaw dak li seħħ. Tassew
ħsieb li jgħodd anke għall-Knisja. Hawn bosta li donnhom jehdew jiktbu kontra
l-Knisja. Li tpoġġi lil kulħadd fl-istess qoffa huwa ġudizzju ħażin li
jirrifletti anke nuqqas ta’ maturità fuq min jagħmlu. Ħafna jsibu l-iskuża biex
ma jersqux aktar lejn il-Knisja għax jisimgħu xi storja. Imma l-fidi ma
għandiex tkun mibnija fuq l-individwu jew fuq l-imġieba ta’ individwu imma fuq
twemmin. Jekk tkun issegwi tim tal-futbol u tkun tassew tħobbu, jekk jiġi żmien
li ma jkunx sejjer tajjeb ma jfissirx li ma tibqax issegwih, ma tibqax tħobbu.
Dan ikun iż-żmien tal-prova, żmien diffiċli imma li għandu mnejn ma jdumx ma
jgħaddi. Illum il-Knisja wkoll għaddejja minn żmien diffiċli, imma wara kollox
f’dawn l-elfejn sena li ilha mwqqfa, meta ma kelliex taffaċċja diffikultajiet u
provi?
Darba lil Ġesù qalulu li
bosta nies kienu qed jitilquhom u hu pront qalilhom li jekk iridu jistgħu
jitilqu huma wkoll. "Tridux titilqu intom ukoll?" (ĠW6:67). Dan ma jfissirx li Ġesù keċċiehom imma
qalilhom ċar u tond li Hu ma jorbot lil ħadd bil-ktajjen, aħna liberi, ħielsa u
mhux ilsiera, jekk irridu nistgħu nibqgħu imma jekk irridu nistgħu nitilqu
wkoll, il-bibien huma miftuħin beraħ kemm biex nidħlu kif ukoll biex noħorġu. Ladarba
l-bieb huwa miftuħ ifisser ukoll li aħna għandna dritt u mhux obbligu li nkunu
ġewwa. “Ejja oqgħod!” hawnhekk hija l-frażi addattata għax hija stedina
għad-dar komuni tagħna, id-dar u mhux il-ħabż, id-dar fejn il-bieb ma
jissakkarx biex iħallina ġewwa iżda huwa miftuħ beraħ għalik u għalija.
Fr Reno Muscat
Dan l-artiklu deher f'Il-Mument - 16 ta' Settembru 2018
Nessun commento:
Posta un commento